Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Il-paċi t’Alla . . . tisboq kull ħsieb”

“Il-paċi t’Alla . . . tisboq kull ħsieb”

“Il-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom.”—FILIPPIN 4:7.

GĦANJIET: 76, 141

1, 2. Xi ġralhom Pawlu u Sila f’Filippi? (Ara l-​ewwel stampa.)

IMMAĠINA x-​xena. Kien kważi nofsillejl. Żewġ missjunarji, Pawlu u Sila, kienu fil-​parti taʼ ġewwa nett u l-​iktar mudlama taʼ ħabs fil-​belt taʼ Filippi. Ma setgħux jiċċaqalqu għax saqajhom kienu marbutin, u daharhom kien qed juġagħhom minħabba x-​xebgħa tajba li kienu għadhom kemm qalgħu. (Atti 16:23, 24) Iktar kmieni dakinhar, folla rrabjata f’daqqa waħda kaxkret lil Pawlu u Sila lejn is-​suq għand il-​ħakkiema. Hemmhekk, bla telf taʼ żmien għaddewhom ġuri. Qattgħulhom ħwejjiġhom u sawtuhom bla ħniena bil-​bsaten. (Atti 16:16-​22) X’inġustizzja din! Pawlu kien ċittadin Ruman, u kien jistħoqqlu ġuri sura taʼ nies. *—Ara n-​nota taʼ taħt.

2 Waqt li kien il-​ħabs, Pawlu setaʼ ħaseb dwar dak li kien ġara dakinhar u dwar in-​nies li kienu jgħixu f’Filippi. Dawn lanqas biss sinagoga ma kellhom fil-​belt tagħhom, mhux bħal ħafna bliet oħra li Pawlu kien żar. Għalhekk, il-​Lhud kellhom jagħtu qima barra l-​bibien tal-​belt, ħdejn xmara. (Atti 16:13, 14) Kien dan minħabba li lanqas biss kien hemm għaxart irġiel Lhud fil-​belt, in-​numru meħtieġ biex ikun hemm sinagoga? In-​nies taʼ Filippi kienu kburin ħafna li kienu ċittadini Rumani. (Atti 16:21) Forsi għalhekk ma ħasbux li Pawlu u Sila, li kienu Lhud, setgħu wkoll ikunu ċittadini Rumani. Ma nafux fiċ-​ċert, imma li nafu hu li Pawlu u Sila kienu mitfugħin il-​ħabs inġustament.

3. Pawlu għala setaʼ kien imħawwad meta ntbagħat il-​ħabs, imma x’attitudni kellu?

3 Pawlu għandu mnejn ħaseb ukoll dwar kif kien spiċċa f’Filippi. Ftit tax-​xhur qabel, Pawlu kien in-​naħa l-​oħra tal-​Baħar Eġew, fl-​Asja Minuri. Waqt li kien hemm, l-​ispirtu qaddis għal darba wara l-​oħra waqqfu milli jipprietka f’ċerti postijiet. Kien bħallikieku l-​ispirtu qaddis qed jimbottah biex imur xi mkien ieħor. (Atti 16:6, 7) Imma fejn? Waqt li kien Troas, Pawlu kellu viżjoni li fiha ntqallu: “Għaddi l-​Maċedonja.” Ir-​rieda taʼ Ġeħova kienet ċara! Għalhekk, Pawlu immedjatament mar il-​Maċedonja. (Aqra Atti 16:8-​10.) Imma mbagħad x’ġara? Ftit wara li wasal il-​Maċedonja, spiċċa l-​ħabs! Ġeħova għala ppermetta li jiġri dan lil Pawlu? Kemm kien se jdum il-​ħabs? Anke jekk Pawlu fil-​fatt tħasseb dwar dawn l-​affarijiet, il-​fidi tiegħu baqgħet soda u baqaʼ ferħan. Kemm hu u kemm Sila bdew “jitolbu u jfaħħru lil Alla bil-​kant.” (Atti 16:25) Il-​paċi t’Alla kkalmat lil qalbhom u moħħhom.

4, 5. (a) Is-​sitwazzjoni tagħna kif tistaʼ tkun simili għal dik taʼ Pawlu? (b) Is-​sitwazzjoni taʼ Pawlu kif inbidlet b’mod mhux mistenni?

4 Ġieli ħassejtek bħal Pawlu? Forsi kien hemm żmien f’ħajtek meta tlabt lil Alla biex jgħinek tieħu deċiżjoni u ħassejt li kont qed issegwi d-​direzzjoni tal-​ispirtu qaddis. Imma wara, għaddejt minn ħafna sfidi jew kellek tagħmel bidliet kbar ħafna f’ħajtek. (Ekkleżjasti 9:11) Issa, meta taħseb dwar is-​sitwazzjoni, forsi titħasseb dwar għala Ġeħova ppermetta li jiġru ċerti affarijiet. X’jistaʼ jgħinek tkompli tissaporti waqt li tafda kompletament f’Ġeħova? Nistgħu nsibu t-​tweġiba f’dak li ġara lil Pawlu u Sila.

5 Waqt li Pawlu u Sila kienu qed ikantaw, bdew jiġru ħafna affarijiet mhux mistennija. L-​ewwel, kien hemm terremot qawwi. Il-​bibien tal-​ħabs infetħu minnufih. Imbagħad, inħall l-​irbit tal-​priġunieri kollha. Wara, Pawlu waqqaf lill-​kalzrier, jew gwardjan tal-​ħabs, milli jagħmel suwiċidju, u dan flimkien maʼ familtu kollha tgħammdu. L-​għada filgħodu, l-​amministraturi ċivili bagħtu uffiċjali biex joħorġu lil Pawlu u Sila ’l barra mill-​ħabs u talbuhom jitilqu mill-​belt fil-​paċi. Meta l-​uffiċjali rrealizzaw li Pawlu u Sila kienu ċittadini Rumani, fehmu l-​iżball kbir li kienu għamlu, u huma stess marru biex joħorġuhom. Imma qabel ma Pawlu u Sila telqu mill-​belt, insistew biex isellmu lil Lidja, oħt li kienet għadha kemm tgħammdet. U huma użaw l-​opportunità biex isaħħu l-​aħwa l-​oħra f’Filippi. (Atti 16:26-​40) Kemm inbidlu malajr l-​affarijiet!

“TISBOQ KULL ĦSIEB”

6. Issa x’se niddiskutu u ngħaddu flimkien?

6 Aħna x’nitgħallmu minn dawn il-​ġrajjiet? Ġeħova jistaʼ jagħmel dak li mhux mistenni, u għalhekk m’għandniex għalfejn inkunu ansjużi meta niffaċċjaw il-​provi. Aħna nafu li din il-​lezzjoni ħalliet impatt kbir fuq Pawlu minħabba dak li hu iktar tard kiteb lill-​aħwa f’Filippi dwar l-​ansjetà u l-​paċi t’Alla. F’dan l-​artiklu se niddiskutu l-​kliem taʼ Pawlu f’​Filippin 4:6, 7. (Aqra.) Imbagħad, se ngħaddu flimkien xi rakkonti Bibliċi taʼ meta Ġeħova għamel dak li mhux mistenni. Fl-​aħħar, se niddiskutu kif “il-​paċi t’Alla” tistaʼ tgħinna nissaportu l-​provi b’fiduċja sħiħa f’Ġeħova.

Ġeħova jistaʼ jagħmel dak li mhux mistenni, u għalhekk m’għandniex għalfejn inkunu ansjużi meta niffaċċjaw il-​provi

7. Pawlu x’lezzjoni għallem meta kiteb lill-​aħwa f’Filippi, u aħna x’nistgħu nitgħallmu?

7 Dwar xiex ħasbu l-​aħwa f’Filippi meta qraw l-​ittra li bagħtilhom Pawlu? Il-​biċċa l-​kbira minnhom wisq probabbli ftakru x’kien ġralhom Pawlu u Sila u kif Ġeħova kien għenhom b’mod li ma kienx mistenni. Pawlu x’lezzjoni kien qed jgħallimhom fl-​ittra tiegħu? Il-​lezzjoni kienet: Tinkwetawx. Itolbu, u mbagħad tirċievu “l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” Xi tfisser din l-​espressjoni? Xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja jgħidu ‘tgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem,’ jew ‘tisboq kull dehen.’ Allura Pawlu kien qed jgħid li “l-​paċi t’Alla” hi iktar meraviljuża minn kemm nistgħu nimmaġinaw. Waqt li xi drabi ma nkunux nafu s-​soluzzjoni għall-​problemi tagħna, Ġeħova jafha. U hu jistaʼ jagħmel dak li mhux mistenni.—Aqra t-​2 Pietru 2:9.

8, 9. (a) Għalkemm Pawlu sofra inġustizzja f’Filippi, x’ġid ħareġ minn dawn il-​ġrajjiet? (b) L-​aħwa f’Filippi għala setaʼ jkollhom fiduċja sħiħa fil-​kliem taʼ Pawlu?

8 L-​ittra taʼ Pawlu żgur li saħħet lill-​aħwa f’Filippi hekk kif ħasbu dwar dak li Ġeħova kien għamel għalihom fl-​aħħar għaxar snin. Għalkemm Ġeħova kien ippermetta li Pawlu u Sila jsofru inġustizzja, dawn il-​ġrajjiet tal-​bidu wasslu biex tiġi difiża u stabbilita legalment l-​aħbar tajba. (Filippin 1:7) Dawk l-​amministraturi ċivili f’Filippi ma kinux se jażżardaw jippersegwitaw lill-​kongregazzjoni Kristjana ġdida. Forsi kien minħabba li Pawlu semma ċ-​ċittadinanza Rumana tiegħu li d-​dixxiplu Luqa setaʼ jibqaʼ f’Filippi wara li Pawlu u Sila telqu. Luqa mbagħad setaʼ jagħti iktar għajnuna lill-​aħwa Kristjani ġodda f’Filippi.

9 Meta dawn l-​aħwa f’Filippi qraw l-​ittra taʼ Pawlu, kienu jafu li kliemu ma kienx sempliċiment opinjoni persunali. Pawlu kien esperjenza provi estremi. Anke meta kiteb lil dawn l-​aħwa, hu kien priġunier f’daru f’Ruma. Imma xorta wera li kellu “l-​paċi t’Alla.”—Filippin 1:12-​14; 4:7, 11, 22.

“TKUNU ANSJUŻI FUQ XEJN”

10, 11. X’hemm bżonn nagħmlu meta nkunu inkwetati dwar problema, u x’nistgħu nistennew?

10 X’jistaʼ jgħinna ma nkunu “ansjużi fuq xejn” imma minflok ikollna “l-​paċi t’Alla”? Il-​kliem taʼ Pawlu lill-​Filippin juri li meta nkunu inkwetati dwar problema, is-​soluzzjoni hi t-​talb. Allura meta nħossuna ansjużi, għandna nibdlu l-​ansjetajiet tagħna f’talb. (Aqra l-​1 Pietru 5:6, 7.) Meta titlob lil Ġeħova, kun assolutament konvint li hu jinteressah minnek. Dejjem irringrazzjah għal kull barka li tirċievi. U qatt tinsa li Ġeħova “jistaʼ jagħmel bil-​wisq iżjed minn dak kollu li nitolbu jew naħsbu.”—Efesin 3:20.

11 Bħal Pawlu u Sila, nistgħu nkunu sorpriżi b’dak li Ġeħova jagħmel biex jgħinna. Forsi ma tkunx xi ħaġa taʼ barra minn hawn, imma dejjem se tkun dak li jkollna bżonn. (1 Korintin 10:13) Dan ma jfissirx li għandna noqogħdu b’idejna fuq żaqqna, nistennew lil Ġeħova biex jirranġalna s-​sitwazzjoni jew isolvilna l-​problema. Hemm bżonn li naġixxu f’armonija mat-​talb tagħna. (Rumani 12:11) L-​azzjonijiet tagħna juru li aħna sinċieri u jagħtu lil Ġeħova xi ħaġa xi jbierek. M’għandniex ninsew li Ġeħova jistaʼ jagħmel ħafna iktar milli nitolbuh jew nistennewh li jagħmel. Xi kultant hu jissorprendina billi jagħmel dak li mhux mistenni. Għalhekk, ejja nikkunsidraw xi eżempji li se jsaħħu l-​fiduċja tagħna fl-​abbiltà taʼ Ġeħova li jagħmel dak li mhux mistenni għalina.

EŻEMPJI TAʼ META ĠEĦOVA GĦAMEL DAK LI MHUX MISTENNI

12. (a) X’għamel is-​Sultan Ħeżekija meta s-​Sultan Sennakerib heddu? (b) X’nitgħallmu minn kif Ġeħova rranġa l-​problema?

12 Fil-​Bibbja nsibu ħafna eżempji taʼ meta Ġeħova għamel dak li mhux mistenni. Pereżempju, meta Ħeżekija kien sultan taʼ Ġuda, Sennakerib, is-​sultan tal-​Assirja, invada lil Ġuda u ħa f’idejh il-​bliet kollha tagħha minbarra Ġerusalemm. (2 Slaten 18:1-​3, 13) Imbagħad, Sennakerib mar biex jattakka lil Ġerusalemm. X’għamel is-​Sultan Ħeżekija? L-​ewwel, talab lil Ġeħova għall-​għajnuna u mar jieħu parir mingħand Isaija, il-​profeta taʼ Ġeħova. (2 Slaten 19:5, 15-​20) Wara, Ħeżekija wera li kien raġunevoli billi ħallas il-​multa li Sennakerib talab b’awtorità. (2 Slaten 18:14, 15) Fl-​aħħar, Ħeżekija pprepara l-​belt għal assedju twil. (2 Kronaki 32:2-​4) Kif spiċċat is-​sitwazzjoni? Ġeħova bagħat anġlu biex f’lejl wieħed jeqred 185,000 suldat taʼ Sennakerib. Lanqas Ħeżekija stess ma kien qed jistenna li jiġri dan!—2 Slaten 19:35.

X’lezzjoni nitgħallmu minn dak li ġara lil Ġużeppi?—Ġenesi 41:42 (Ara paragrafu 13)

13. (a) Minn dak li ġara lil Ġużeppi, x’lezzjoni nistgħu nitgħallmu? (b) Liema ħaġa mhux mistennija ġrat lil Sara?

13 Ikkunsidra x’ġara liż-​żagħżugħ Ġużeppi. Waqt li kien mixħut ġo ħofra f’ħabs fl-​Eġittu, Ġużeppi ma setax immaġina li kien se jsir it-​tieni persuna l-​iktar setgħana fl-​Eġittu jew li Ġeħova kien se jużah biex isalva ’l familtu milli jmutu bil-​ġuħ. (Ġenesi 40:15; 41:39-​43; 50:20) Bla dubju, l-​azzjonijiet taʼ Ġeħova kienu bil-​wisq iktar minn dak kollu li stenna Ġużeppi. Aħseb ukoll dwar Sara, il-​bużnanna taʼ Ġużeppi. Fl-​età avvanzata li kellha, kienet Sara qed tistenna li Ġeħova jippermettilha tiled lil binha stess, iktar milli sempliċiment tingħatalha t-​tarbija tal-​qaddejja tagħha? It-​twelid taʼ Iżakk kien ħafna iktar minn dak li Sara qatt setgħet immaġinat.—Ġenesi 21:1-​3, 6, 7.

14. X’fiduċja jistaʼ jkollna f’Ġeħova?

14 Aħna ma nistennewx li qabel tiġi d-​dinja l-​ġdida Ġeħova se jneħħi l-​problemi kollha tagħna b’mod mirakoluż. U aħna ma nitolbux li Ġeħova jagħmel affarijiet spettakolari f’ħajjitna. Imma li nafu hu li fil-​passat, Ġeħova għen lill-​qaddejja leali tiegħu b’modi tal-​għaġeb. U hu ma nbidilx. (Aqra Isaija 43:10-​13.) Dan jgħinna jkollna fiduċja fih. Nistgħu nkunu ċerti li hu se jagħtina l-​qawwa li għandna bżonn sabiex nagħmlu r-​rieda tiegħu. (2 Korintin 4:7-​9) X’nitgħallmu mill-​eżempji taʼ Ħeżekija, Ġużeppi, u Sara? Jekk aħna nibqgħu leali lejn Ġeħova, hu jistaʼ jgħinna anke meta nkunu fl-​iktar sitwazzjonijiet diffiċli.

Jekk aħna nibqgħu leali lejn Ġeħova, hu jistaʼ jgħinna anke meta nkunu fl-​iktar sitwazzjonijiet diffiċli

15. X’se jgħinna jkollna “l-​paċi t’Alla” anke meta jkollna l-​problemi, u dan kif inhu possibbli?

15 Kif jistaʼ jkollna “l-​paċi t’Alla” anke meta jkollna l-​problemi? Hemm bżonn li nżommu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova b’saħħitha. Relazzjoni bħal din hi possibbli biss minħabba s-​sagrifiċċju taʼ Kristu Ġesù bħala fidwa. Il-​fidwa hi waħda mill-​għemejjel meraviljużi taʼ Ġeħova. Permezz tal-​fidwa, hu jistaʼ jaħfrilna dnubietna, u aħna jistaʼ jkollna kuxjenza nadifa u nersqu qrib tiegħu.—Ġwanni 14:6; Ġakbu 4:8; 1 Pietru 3:21.

SE TGĦASSES LIL QALBNA U MOĦĦNA

16. X’se jiġri meta nirċievu “l-​paċi t’Alla”? Agħti eżempju.

16 X’se jiġri meta nirċievu “l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb”? Il-​Bibbja tgħid li se “tgħasses” lil qalbna u moħħna. (Filippin 4:7) Il-​kelma użata fil-​lingwa oriġinali għal “tgħasses” kienet espressjoni militari li rreferiet għal grupp taʼ suldati li kienu mqabbdin jipproteġu belt. In-​nies li kienu jgħixu fil-​belt taʼ Filippi kienu protetti minn grupp bħal dan. Huma setgħu jorqdu sew mal-​lejl ladarba kienu jafu li l-​belt tagħhom kienet protetta. B’mod simili, meta jkollna “l-​paċi t’Alla,” aħna ma ninkwetawx u qalbna u moħħna jistgħu jistrieħu. Aħna nafu li Ġeħova jieħu ħsiebna u jridna nkunu verament ferħanin. (1 Pietru 5:10) U dan jipproteġina milli nħossuna maħkumin mill-​ansjetà jew l-​iskuraġġiment.

17. X’se jgħinna nafdaw f’Ġeħova matul it-​tribulazzjoni l-​kbira?

17 Dalwaqt, it-​tribulazzjoni l-​kbira se tiġi fuq l-​umanità kollha. (Mattew 24:21, 22) Aħna ma nafux bl-​eżatt x’se jiġrilna persunalment. Madankollu, m’għandniex inkunu ansjużi żżejjed dwar dak iż-​żmien. Ma nafux kulma se jagħmel Ġeħova, imma aħna nafu lil Alla tagħna. Nafu dak li għamel fil-​passat għall-​qaddejja leali tiegħu. Rajna li jiġri x’jiġri, Ġeħova se jagħmel ċert li l-​iskop tiegħu jitwettaq. U hu jistaʼ jagħmel dan b’mod mhux mistenni! Għalhekk, kull darba li Ġeħova jagħmel xi ħaġa għalina, aħna nesperjenzaw b’modi ġodda “l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.”

^ par. 1 Jidher li Sila wkoll kien ċittadin Ruman.—Atti 16:37.