Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif nilbsu l-personalità l-ġdida u ma ninżgħuhiex

Kif nilbsu l-personalità l-ġdida u ma ninżgħuhiex

“Ilbsu l-​personalità l-​ġdida.”—KOLOSSIN 3:10.

GĦANJIET: 43, 106

1, 2. (a) Kif nafu li hu possibbli għalina li nilbsu l-​personalità l-​ġdida? (b) Liema kwalitajiet tal-​personalità l-​ġdida jissemmew f’​Kolossin 3:10-​14?

FIT-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa nsibu l-​espressjoni “l-​personalità l-​ġdida” darbtejn. (Efesin 4:24; Kolossin 3:10) Din tirreferi għal personalità li hi ‘maħluqa skond ir-​rieda t’Alla.’ Huwa possibbli għalina li nilbsu din il-​personalità l-​ġdida? Iva. Ġeħova ħalaq lill-​bnedmin fix-​xbieha tiegħu, u għalhekk aħna nistgħu nimitaw il-​kwalitajiet sbieħ tiegħu.—Ġenesi 1:26, 27; Efesin 5:1.

2 Veru, minħabba li writna l-​imperfezzjoni, ilkoll kultant ikollna xewqat ħżiena. Niġu affettwati wkoll b’dak li aħna mdawrin bih. Imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova mogħtija bi ħniena, aħna nistgħu nsiru t-​tip taʼ persuni li hu jixtieqna nkunu. Bħala għajnuna biex inkunu determinati nagħmlu dan, ejja niddiskutu xi kwalitajiet li huma parti mill-​personalità l-​ġdida. (Aqra Kolossin 3:10-​14.) Imbagħad se naraw kif nistgħu nuru dawn il-​kwalitajiet fil-​ministeru tagħna.

“INTOM ILKOLL PERSUNA WAĦDA”

3. X’inhi waħda mill-​kwalitajiet tal-​personalità l-​ġdida?

3 Pawlu spjega li l-​imparzjalità hi parti importanti mill-​personalità l-​ġdida. Hu qal: “La hemm Grieg u lanqas Lhudi, la ċirkonċiż u lanqas m’huwiex, la barrani, la Skita, la lsir u lanqas ħieles.” * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Fil-​kongregazzjoni, ħadd m’għandu jħossu aħjar minn oħrajn minħabba r-​razza, in-​nazzjonalità, jew l-​istat soċjali tiegħu. Għala? Għax bħala s-​segwaċi taʼ Kristu, aħna “lkoll persuna waħda.”—Kolossin 3:11; Galatin 3:28.

Aħna ma nittrattawx lil ħaddieħor b’mod differenti minħabba r-​razza jew il-​background tiegħu

4. (a) Il-​qaddejja taʼ Ġeħova kif għandhom jittrattaw lil oħrajn? (b) Liema sitwazzjoni tistaʼ tagħmel l-​għaqda bejn il-​Kristjani diffiċli?

4 Meta nilbsu l-​personalità l-​ġdida, aħna nittrattaw lil kulħadd bir-​rispett u l-​unur, hi x’inhi r-​razza jew it-​trobbija tagħhom. (Rumani 2:11) F’xi partijiet tad-​dinja, dan jistaʼ jkun verament diffiċli. Pereżempju, fil-​passat fl-​Afrika t’Isfel, il-​gvern għażel ċerti postijiet biex joqogħdu fihom nies taʼ razza differenti. Il-​maġġoranza tan-​nies f’dal-​pajjiż, inkluż ix-​Xhieda, għadhom jgħixu f’dawn il-​postijiet. Il-​Ġemgħa li Tiggverna riedet tinkuraġġixxi lil ħutna biex ‘iwessgħu qlubhom.’ Għalhekk f’Ottubru tal-​2013, il-​Ġemgħa li Tiggverna approvat arranġament speċjali li kien se jgħin lil aħwa taʼ razez differenti biex isiru jafu lil xulxin aħjar.—2 Korintin 6:13.

5, 6. (a) Liema arranġamenti saru f’pajjiż biex in-​nies t’Alla jkunu iktar magħqudin? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) X’kienu r-​riżultati?

5 L-​aħwa għamlu arranġamenti biex xi drabi fi tmiem il-​ġimgħa, Xhieda minn żewġ kongregazzjonijiet taʼ lingwa jew razza differenti jkunu jistgħu jqattgħu l-​ħin flimkien. Aħwa rġiel u nisa miż-​żewġ kongregazzjonijiet ħadu sehem fil-​ministeru, marru għal-​laqgħat flimkien, u laqgħu lil xulxin fid-​djar tagħhom. Hemm mijiet taʼ kongregazzjonijiet li pparteċipaw f’dan l-​arranġament, u l-​uffiċċju tal-​fergħa rċieva ħafna rapporti tajbin. Dan impressjona saħansitra lil uħud li ma kinux Xhieda. Pereżempju, ministru reliġjuż qal: “Jien m’iniex Xhud, imma nistaʼ ngħid li x-​xogħol tal-​ippritkar tagħkom hu organizzat b’mod tal-​għaġeb, u veru għandkom għaqda bejn razza u oħra.” L-​aħwa kif ħassewhom dwar dan l-​arranġament?

6 Oħt jisimha Noma li titkellem bil-​lingwa Xhosa għall-​ewwel ħassitha nervuża ħafna biex tistieden Xhieda mill-​kongregazzjoni tal-​lingwa Ingliża fid-​dar sempliċi tagħha. Imma wara li ppritkat maʼ Xhieda taʼ ġilda bajda u gawdiet l-​ospitalità fid-​djar tagħhom, hi ħassitha iktar komda. Hi qalet: “Huma nies normali bħalna!” Għalhekk, meta aħwa rġiel u nisa mill-​kongregazzjoni tal-​lingwa Ingliża marru jippritkaw mal-​aħwa tal-​kongregazzjoni tal-​lingwa Xhosa, Noma stiednet lil xi ftit minnhom id-​dar tagħha għall-​ikel. Hi kienet impressjonata meta nnotat li wieħed mill-​mistidnin tagħha, anzjan taʼ ġilda bajda, kien kuntent li jpoġġi fuq kaxxa tal-​plastik baxxa. Grazzi għal dan l-​arranġament li għadu għaddej sal-​lum, ħafna aħwa għamlu ħbieb ġodda u qed ikomplu jsiru jafu lil dawk minn backgrounds differenti.

ILBSU L-​MOGĦDRIJA U L-​QALB TAJBA

7. Għala għandna dejjem nuru mogħdrija?

7 Sakemm id-​dinja taʼ Satana tiġi fi tmiemha, in-​nies taʼ Ġeħova se jkollhom il-​provi. Nuqqas taʼ xogħol, mard serju, persekuzzjoni, diżastri naturali, telf t’affarijiet materjali minħabba l-​kriminalità, jew xi tbatija oħra tistaʼ taffettwana lkoll. Biex ngħinu lil xulxin waqt il-​provi, hemm bżonn li jkollna mogħdrija vera. Mogħdrija tenera se tqanqalna nittrattaw lil oħrajn b’qalb tajba. (Efesin 4:32) Dawn il-​kwalitajiet huma parti mill-​personalità l-​ġdida li se jgħinuna nimitaw lil Alla u nfarrġu lil oħrajn.—2 Korintin 1:3, 4.

8. Liema riżultati tajbin jistaʼ jkun hemm meta nuru mogħdrija u qalb tajba maʼ kulħadd fil-​kongregazzjoni? Agħti eżempju.

8 Kif nistgħu nuru iktar qalb tajba maʼ dawk fil-​kongregazzjoni tagħna li ġew minn pajjiż ieħor jew li huma żvantaġġati? Aħna rridu nilqgħuhom, insiru ħbieb tagħhom, u ngħinuhom jaraw li għandna bżonnhom fil-​kongregazzjoni. (1 Korintin 12:22, 25) Pereżempju, Dannykarl mill-​Filippini mar jgħix il-​Ġappun. Minħabba li kien barrani, ma kienx jiġi trattat bħall-​ħaddiema l-​oħra fuq il-​post tax-​xogħol. Imbagħad hu attenda laqgħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Dannykarl qal: “In-​nies li kien hemm kważi kollha kienu Ġappuniżi, imma xorta laqgħuni minn qalbhom, qishom kienu ilhom jafuni.” Il-​qalb tajba tal-​aħwa kompliet tgħinu jersaq qrib lejn Ġeħova. Maż-​żmien Dannykarl tgħammed, u llum qed jaqdi bħala anzjan. L-​anzjani sħabu jinsabu kuntenti li hu u l-​mara tiegħu, Jennifer, jagħmlu parti mill-​kongregazzjoni u jgħidu hekk dwarhom: “Huma jgħixu ħajja vera sempliċi bħala pijunieri u jagħtu eżempju tajjeb f’li jfittxu s-​Saltna l-​ewwel.”—Luqa 12:31.

9, 10. Agħti eżempji tar-​riżultati tajbin li jiġu milli nħossu għal oħrajn fil-​ministeru.

9 Aħna għandna opportunità li “nagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd” meta nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Galatin 6:10) Ħafna Xhieda jħossu għall-​immigranti u jipprovaw jitgħallmu l-​lingwa tagħhom. (1 Korintin 9:23) L-​isforzi tagħhom ġabu riżultati tajbin. Pereżempju, oħt pijuniera fl-​Awstralja jisimha Tiffany tgħallmet is-​Swaħili sabiex tgħin kongregazzjoni tal-​lingwa Swaħili fil-​belt taʼ Brisbane. Minkejja li ma kienx faċli li titgħallem il-​lingwa, ħajjitha issa għandha iktar skop. Tiffany tgħid: “Jekk trid li l-​ministeru tiegħek ikun eċċitanti, li taqdi f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija hu l-​ideali għalik. Hu bħallikieku qed tivvjaġġa mingħajr ma titlaq minn pajjiżek. Tibda tesperjenza l-​fratellanza internazzjonali tagħna u tara b’għajnejk stess l-​għaqda tal-​għaġeb li għandha.”

X’inhu li jqanqal lill-Kristjani biex jgħinu lill-immigranti? (Ara paragrafu 10)

10 Familja fil-​Ġappun għamlet xi ħaġa simili. Sakiko, li tiġi t-​tifla, tgħid: “Kemm-​il darba ltqajna maʼ immigranti Brażiljani meta konna fuq il-​ministeru tal-​għalqa. Meta wrejniehom skritturi mill-​Bibbja tagħhom bil-​Portugiż, bħal Rivelazzjoni 21:3, 4 jew Salm 37:10, 11, 29, huma qagħdu attenti u xi drabi saħansitra qabżilhom id-​dmugħ.” Il-​familja ħasset għal dawn l-​immigranti u riedet tgħinhom isiru jafu l-​verità, u għalhekk huma bdew jistudjaw il-​Portugiż bħala familja. Iktar tard, għenu biex tinbeda kongregazzjoni tal-​lingwa Portugiża. Mas-​snin, huma għenu ħafna immigranti jsiru qaddejja taʼ Ġeħova. Sakiko tgħid: “Kien jinvolvi ħafna xogħol biex tgħallimna l-​Portugiż, imma l-​barkiet kienu bil-​wisq akbar mill-​isforzi. Aħna grati ħafna lejn Ġeħova.”—Aqra Atti 10:34, 35.

ILBSU L-​UMILTÀ

11, 12. (a) Għala hemm bżonn li jkollna r-​raġuni t-​tajba biex nilbsu l-​personalità l-​ġdida? (b) X’se jgħinna nibqgħu umli?

11 Ir-​raġuni għala nilbsu l-​personalità l-​ġdida għandha tkun biex nonoraw lil Ġeħova, u mhux biex niġu mfaħħrin minn oħrajn. Ftakar li anki anġlu perfett sar kburi u dineb. (Qabbel Eżekjel 28:17.) Aħna imperfetti, allura hu ħafna iktar diffiċli għalina biex nevitaw il-​kburija. Però, aħna xorta nistgħu nilbsu l-​umiltà. X’se jgħinna nagħmlu dan?

12 Xi ħaġa li se tgħinna nkunu umli hi li naqraw il-​Kelma t’Alla kuljum u nimmeditaw fuq dak li naqraw. (Dewteronomju 17:18-​20) Għandna bżonn nimmeditaw b’mod speċjali fuq dak li Ġesù għallimna u fuq l-​eżempju meraviljuż tiegħu tal-​umiltà. (Mattew 20:28) Ġesù tant kien umli li ħasel saqajn l-​appostli tiegħu. (Ġwanni 13:12-​17) Ħaġa oħra li nistgħu nagħmlu hi li nitolbu lil Ġeħova għall-​ispirtu tiegħu. Dan jistaʼ jgħinna niġġieldu kwalunkwe tendenza taʼ li nħossuna aħjar minn oħrajn.—Galatin 6:3, 4; Filippin 2:3.

Meta nkunu umli, il-​kongregazzjoni se jkollha iktar paċi u tkun iktar magħquda

13. X’inhuma l-​barkiet li jiġu milli nkunu umli?

13 Aqra Proverbji 22:4. Ġeħova jistenna li nkunu umli. L-​umiltà ġġib magħha ħafna barkiet. Meta nkunu umli, il-​kongregazzjoni se jkollha iktar paċi u tkun iktar magħquda. Barra minn hekk, Ġeħova se jagħtina l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu. L-​appostlu Pietru qal: “Ilkoll kemm intom tħażżmu bl-​umiltà lejn xulxin, għax Alla jopponi lis-​suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-​umli.”—1 Pietru 5:5.

ILBSU L-​ĦLEWWA U L-​PAĊENZJA

14. Min hu l-​aqwa eżempju tal-​ħlewwa u l-​paċenzja?

14 Fid-​dinja tal-​lum, jekk persuna turi l-​ħlewwa u l-​paċenzja, oħrajn ħafna drabi jaħsbu li hi dgħajfa. Imma dan mhux veru. Dawn il-​kwalitajiet sbieħ jiġu mingħand Ġeħova, l-​iktar Persuna li għandha qawwa fl-​univers. Hu l-​aqwa eżempju tal-​ħlewwa u l-​paċenzja. (2 Pietru 3:9) Pereżempju, aħseb dwar kemm Ġeħova kien paċenzjuż meta wieġeb lil Abraham u Lot permezz tal-​anġli Tiegħu. (Ġenesi 18:22-​33; 19:18-​21) U aħseb dwar kemm Ġeħova kien paċenzjuż mal-​ġens diżubbidjenti taʼ Iżrael għal iktar minn 1,500 sena.—Eżekjel 33:11.

15. X’eżempju ħalla Ġesù f’li juri ħlewwa u paċenzja?

15 Ġesù kien “ġwejjed,” jew, wera ħlewwa. (Mattew 11:29) Hu wera paċenzja kbira f’li jissaporti d-​dgħufijiet tad-​dixxipli tiegħu. Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù ġie kritikat u akkużat b’mod inġust ħafna drabi. Imma hu wera ħlewwa u paċenzja sal-​mewt. Meta Ġesù kien muġugħ ħafna fuq iz-​zokk tat-​tortura, hu talab lil Missieru biex jaħfer lin-​nies li riedu joqtluh. Hu qal: “Ma jafux x’qed jagħmlu.” (Luqa 23:34) Anki meta Ġesù kien taħt stress jew muġugħ, hu baqaʼ juri ħlewwa u paċenzja.—Aqra l-​1 Pietru 2:21-​23.

16. Kif nistgħu nuru ħlewwa u paċenzja?

16 Pawlu semma mod wieħed kif nistgħu nuru ħlewwa u paċenzja meta kiteb: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll.” (Kolossin 3:13) Sabiex naħfru lil oħrajn, hemm bżonn li nuru ħlewwa u paċenzja. Dan se jinkuraġġixxi u jżomm l-​għaqda fil-​kongregazzjoni.

17. Il-​ħlewwa u l-​paċenzja għala huma importanti?

17 Ġeħova jistenna li nuru ħlewwa u paċenzja m’oħrajn. Dawn il-​kwalitajiet huma importanti jekk irridu ngħixu fid-​dinja l-​ġdida tiegħu. (Mattew 5:5; Ġakbu 1:21) Meta nkunu paċenzjużi u nuru ħlewwa, aħna nonoraw lil Ġeħova u ngħinu lil oħrajn jagħmlu l-​istess.—Galatin 6:1; 2 Timotju 2:24, 25.

ILBSU L-​IMĦABBA

18. X’rabta hemm bejn l-​imħabba u l-​imparzjalità?

18 Il-​kwalitajiet li ddiskutejna, kollha għandhom x’jaqsmu mal-​imħabba. Pereżempju, id-​dixxiplu Ġakbu kellu jwissi lil ħutu minħabba li ttrattaw lin-​nies sinjuri aħjar minn dawk foqra. Hu spjega li dan kien imur kontra l-​kmandament t’Alla biex ‘tħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ Imbagħad hu żied: “Jekk tkomplu tħarsu lejn l-​uċuħ, tkunu qed tidinbu.” (Ġakbu 2:8, 9) Jekk inħobbu lin-​nies, aħna mhux se nkunu preġudikati kontra xi ħadd minħabba l-​edukazzjoni, ir-​razza, jew l-​istat soċjali tiegħu. Aħna ma nistgħux sempliċement nippretendu li aħna imparzjali. Jeħtieġ li l-​imparzjalità tkun parti ġenwina mill-​personalità tagħna.

19. Għala hu importanti li nilbsu l-​imħabba?

19 Ukoll, l-​imħabba “tistabar fit-​tul u qalbha tajba” u “ma tintefaħx.” (1 Korintin 13:4) Hemm bżonn li nkunu paċenzjużi, qalbna tajba, u umli sabiex inkomplu naqsmu l-​aħbar tajba mal-​ġirien tagħna. (Mattew 28:19) Dawn il-​kwalitajiet jagħmluha wkoll iktar faċli biex ningwalawha maʼ ħutna kollha fil-​kongregazzjoni. Meta lkoll kemm aħna nuru mħabba bħal din, il-​kongregazzjonijiet tagħna se jkunu magħqudin u se jonoraw lil Ġeħova. Oħrajn se jinnotaw din l-​għaqda u jinġibdu lejn il-​verità. Bix-​xieraq, id-​deskrizzjoni tal-​Bibbja tal-​personalità l-​ġdida tikkonkludi hekk: “Minbarra dawn l-​affarijiet kollha, ilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kolossin 3:14.

KOMPLU ‘ĠĠEDDU’

20. (a) Liema mistoqsijiet għandna nsaqsu lilna nfusna, u għala? (b) Għal liema futur meraviljuż nistgħu nħarsu ’l quddiem?

20 Ilkoll għandna nsaqsu lilna nfusna, ‘X’bidliet fadalli nagħmel sabiex ninżaʼ l-​personalità l-​qadima u ma nerġax nilbisha?’ Għandna nitolbu lil Ġeħova bil-​ħrara biex jgħinna. Sabiex inkunu nistgħu ‘nirtu s-​saltna t’Alla’ hemm bżonn li naħdmu iebes biex inbiddlu ħsibijiet jew azzjonijiet ħżiena. (Galatin 5:19-​21) Aħna rridu wkoll insaqsu, ‘Inkompli jien nirranġa l-​mod kif naħseb ħalli jkun jogħġob lil Ġeħova?’ (Efesin 4:23, 24) Aħna imperfetti, allura hemm bżonn li nkomplu naħdmu iebes biex nilbsu l-​personalità l-​ġdida u ma ninżgħuhiex. Dan hu proċess kontinwu. Kemm se tkun ħajja meraviljuża meta kull min ikun ħaj ikun libes il-​personalità l-​ġdida u se jimita l-​kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova perfettament!

^ par. 3 Fi żminijiet Bibliċi, in-​nies kienu jaħsbu li persuni Skiti ma kinux ċivilizzati, u għalhekk kienu jmaqdruhom.