Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif ninżgħu l-personalità l-qadima u ma nerġgħux nilbsuha

Kif ninżgħu l-personalità l-qadima u ma nerġgħux nilbsuha

“Inżgħu l-​personalità l-​qadima bid-​drawwiet tagħha.”—KOLOSSIN 3:9.

GĦANJIET: 83, 129

1, 2. In-​nies x’jinnotaw dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova?

ĦAFNA nies jinnotaw li x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma uniċi. Pereżempju, kittieb jismu Anton Gill faħħar il-​kwalitajiet tax-​Xhieda fil-​Ġermanja Nazista. Hu kiteb: “Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu mibgħudin bil-​kbir min-​Nazi. . . . Sal-​1939, 6,000 minnhom kienu fil-​[kampijiet tal-​konċentrament].” Hu żied li għalkemm ix-​Xhieda esperjenzaw tbatija tal-​biżaʼ, huma kienu magħrufin bħala nies taʼ min jafdahom, kalmi taħt pressjoni, leali lejn Alla tagħhom, u magħqudin.

2 Iktar reċenti, nies fl-​Afrika t’Isfel ukoll innotaw xi ħaġa unika dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Kien hemm żmien meta Xhieda b’kulur taʼ ġilda differenti ma setgħux jiltaqgħu flimkien bil-​libertà fil-​pajjiż. Madankollu, il-​Ħadd, 18 taʼ Diċembru 2011, iktar minn 78,000 Xhud taʼ razez differenti mill-​Afrika t’Isfel u pajjiżi oħra viċin iltaqgħu għal programm speċjali fl-​akbar stejdjum f’Johannesburg. Wieħed mill-​maniġers tal-​istejdjum qal: “Qatt ma rajt folla li ġabet ruħha daqshekk tajjeb fl-​istejdjum. Kollha lebsin pulit. U dawn in-​nies vera naddfu l-​istejdjum sew.” Hu kompla jispjega li kien impressjonat kemm dawn kienu jingwalawha minkejja li ġew minn razez u kulturi differenti.

3. X’inhu li jagħmel il-​fratellanza tagħna unika?

3 Allura anki nies li mhumiex Xhieda jistgħu jaraw ċar li l-​fratellanza kollha tagħna madwar id-​dinja hi unika. (1 Pietru 5:9) Għaliex aħna daqshekk differenti minn organizzazzjonijiet oħra? Għax bl-​għajnuna tal-​Bibbja u tal-​ispirtu qaddis t’Alla, aħna naħdmu iebes biex nibdlu fina kull ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova. Aħna ‘ninżgħu l-​personalità l-​qadima,’ u nilbsu “l-​personalità l-​ġdida.”—Kolossin 3:9, 10.

Hu possibbli li nagħmlu bidliet kbar f’ħajjitna

4. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu, u għaliex?

4 Wara li ninżgħu l-​personalità l-​qadima, hemm bżonn li ma nerġgħux nilbsuha. F’dan l-​artiklu, l-​ewwel se nitgħallmu kif nistgħu ninżgħu l-​personalità l-​qadima u għala dan hu importanti ħafna. Se naraw li għalkemm persuna qabel tkun għamlet ħafna affarijiet ħżiena, xorta tistaʼ tagħmel bidliet kbar f’ħajjitha. Wara se niddiskutu x’jistgħu jagħmlu dawk li ilhom fil-​verità biex ma jerġgħux jilbsu l-​personalità l-​qadima. Għala hemm għalfejn niddiskutu dwar dan? B’dispjaċir, xi wħud li darba qdew lil Ġeħova ma baqgħux joqogħdu attenti. Huma bdew jaħsbu u jaġixxu bħalma kienu jagħmlu qabel ma saru jafu lil Ġeħova. Kull wieħed minna għandu bżonn jiftakar din it-​twissija: “Min jaħseb li hu wieqaf ħa joqgħod attent li ma jaqax.”—1 Korintin 10:12.

EĦLES MINN KULL XEWQA SESSWALI IMMORALI

5. (a) Agħti eżempju li juri għala hu urġenti li ninżgħu l-​personalità l-​qadima. (Ara l-​ewwel stampa.) (b) Liema prattiki li huma parti mill-​personalità l-​qadima jissemmew f’​Kolossin 3:5-​9?

5 X’tagħmel kieku tinduna li l-​ħwejjeġ taʼ fuqek ikunu maħmuġin u jintnu? Int se tneħħihom minn fuqek malajr kemm jistaʼ jkun. B’mod simili, jekk nindunaw li qed nagħmlu affarijiet li Ġeħova jobgħod, hemm bżonn nagħmlu bidliet b’mod urġenti. Pawlu qal hekk dwar prattiki ħżiena bħal dawn: “Qisu li twarrbuhom kollha.” Ejja nikkunsidraw tnejn minnhom: iż-​żina, jew, l-​immoralità sesswali, u n-​nuqqas taʼ ndafa.—Aqra Kolossin 3:5-​9.

6, 7. (a) Kliem Pawlu kif juri li hemm bżonn taʼ sforz biex ninżgħu l-​personalità l-​qadima? (b) X’tip taʼ ħajja kienet tgħix Sakura? X’kien li taha s-​saħħa biex tinbidel?

6 Immoralità sesswali. Fil-​Bibbja, l-​immoralità sesswali tinkludi relazzjonijiet sesswali bejn persuni li mhumiex miżżewġin lil xulxin legalment bħala raġel u mara. Pawlu qal li l-​Kristjani għandhom ‘imewtu l-​membri taʼ ġisimhom’ fejn tidħol l-​immoralità sesswali. Dan ifisser li għandna bżonn nagħmlu kull sforz biex neħilsu minn xewqat ħżiena. Li nagħmlu hekk jistaʼ jkun diffiċli, imma jistaʼ jirnexxilna!

7 Dan nistgħu narawh mill-​eżempju taʼ oħt mill-​Ġappun jisimha Sakura. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Hi u tikber, Sakura ħafna drabi ħassitha waħedha u mdejqa. Biex ma tħosshiex waħedha, beda jkollha x’taqsam sesswalment maʼ nies differenti meta kellha 15-​il sena. B’riżultat taʼ dan, Sakura għamlet abort tliet darbiet. Hi qalet: “Għall-​ewwel, ir-​relazzjonijiet immorali tawni sens taʼ sigurtà, waqt li ħsibt li kien hemm min iridni u jħobbni. Imma iktar ma beda jkolli relazzjonijiet sesswali, iktar bdejt inħossni bla sigurtà.” Sakura kompliet tgħix dit-​tip taʼ ħajja sakemm kellha 23 sena. Imbagħad bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, u dak li tgħallmet għoġobha ħafna. Ġeħova għenha tieqaf tgħix ħajja immorali u tegħleb sentimenti kbar taʼ ħtija u mistħija. Illum, Sakura taqdi bħala pijuniera regolari, u ma tħosshiex iktar waħedha. Hi tgħid: “Jien verament ferħana li qed ingawdi l-​imħabba taʼ Ġeħova l-​ħin kollu.”

KIF TWAQQAF PRATTIKI MHUX NODFA

8. X’inhuma xi affarijiet li jistgħu jġegħluna nidhru mhux nodfa f’għajnejn Alla?

8 Nuqqas taʼ ndafa. Fil-​Bibbja “n-​nuqqas taʼ ndafa” jinkludi ħafna iktar mill-​immoralità sesswali. Jistaʼ jirreferi għal affarijiet bħat-​tipjip jew ċajt doppju sens. (2 Korintin 7:1; Efesin 5:3, 4) Jistaʼ jirreferi wkoll għal affarijiet ħżiena li xi ħadd jistaʼ jagħmel meta jkun waħdu, bħal li jaqra kotba li jqanqluh sesswalment jew li jara l-​pornografija. Dawn l-​affarijiet jistgħu jwasslu għad-​drawwa mhux nadifa tal-​masturbazzjoni. (Kolossin 3:5) *—Ara n-​nota taʼ taħt.

9. X’jistaʼ jiġri jekk xi ħadd jibda jkollu “aptit sesswali” mhux kontrollat?

9 Nies li jaraw il-​pornografija b’mod regolari jibda jkollhom “aptit sesswali” mhux kontrollat u hemm ċans li jibdew jiddependu mis-​sess. Riċerkaturi nnotaw li x-​xewqa irreżistibbli għall-​pornografija hi simili għal dik tal-​alkoħol u d-​droga. Allura m’għandux ikun taʼ sorpriża li d-​drawwa li wieħed jara l-​pornografija ġġib magħha riżultati taʼ ħsara. Dawn jistgħu jinkludu sentimenti kbar taʼ mistħija, li wieħed ikun inqas produttiv fuq ix-​xogħol, familji mhux kuntenti, divorzju, u saħansitra suwiċidji. Wara li wieħed raġel qataʼ l-​vizzju tal-​pornografija għal sena, hu qal li fl-​aħħar setaʼ jerġaʼ jkollu rispett lejh innifsu.

10. Ribeiro kif qataʼ l-​vizzju tal-​pornografija?

10 Ħafna nies għandhom ġlieda kbira biex ma jarawx pornografija. Imma dil-​ġlieda tistaʼ tintrebaħ. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Ribeiro mill-​Brażil. Meta kien għadu taħt l-​20 sena, hu telaq mid-​dar u mar jaħdem f’fabbrika li kienet tirriċikla l-​karti. Hemmhekk hu ra rivisti pornografiċi. Ribeiro qal: “Bil-​mod il-​mod qbadt il-​vizzju. Tant sar gravi li kien ikolli sebaʼ mitt sena sakemm il-​mara li kont ngħix magħha toħroġ mid-​dar ħalli nkun nistaʼ nara vidjows pornografiċi.” Imbagħad darba fuq ix-​xogħol, Ribeiro ħares lejn munzell kotba li kienu għar-​riċiklaġġ u nnota ktieb bit-​titlu Is-​Sigriet taʼ l-​Hena fil-​Familja. Hu ġabru u qrah. Dak li tgħallem wasslu biex jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Imma Ribeiro xorta ħa ż-​żmien biex jaqtaʼ l-​vizzju tal-​pornografija. X’kien li għenu? Hu spjega: “Permezz tat-​talb, studju tal-​Bibbja, u meditazzjoni fuq dak li tgħallimt, l-​apprezzament tiegħi għall-​kwalitajiet t’Alla kiber sal-​punt li mħabbti għal Ġeħova saret iktar b’saħħitha mix-​xewqa għall-​pornografija.” Bl-​għajnuna tal-​Bibbja u l-​ispirtu qaddis t’Alla, Ribeiro neżaʼ l-​personalità l-​qadima, tgħammed, u issa qed jaqdi bħala anzjan f’kongregazzjoni.

Għandna nħobbu lil Ġeħova profondament u nobogħdu dak li hu ħażin

11. X’inhu li se jgħin persuna biex qatt ma tersaq lejn il-​pornografija?

11 Innota li biex ma jerġax jaqaʼ għall-​pornografija, Ribeiro ma kellux biss jaqra l-​Bibbja. Hu kellu jaħseb fil-​fond dwar dak li qara mill-​Bibbja u jħallih jilħaqlu qalbu. Hu kellu jitlob bil-​ħrara lil Ġeħova għall-​għajnuna. Dawn l-​affarijiet għenu l-​imħabba taʼ Ribeiro għal Alla tissaħħaħ, u b’hekk din għelbet ix-​xewqa tiegħu għall-​pornografija. Biex qatt ma nersqu lejn il-​pornografija, aħna wkoll għandna nħobbu lil Ġeħova profondament u nobogħdu dak li hu ħażin.—Aqra Salm 97:10.

WARRAB IR-​RABJA, IT-​TGĦAJJIR, U L-​GIDEB

12. X’għen lil Stephen iwarrab ir-​rabja u t-​tgħajjir?

12 Nies li jirrabjaw malajr spiss jgħidu affarijiet koroh u jgħajru lil oħrajn. Meta jiġri dan, il-​familja tagħhom kollha tbati. Missier mill-​Awstralja jismu Stephen kien jidgħi ħafna u spiss jirrabja fuq affarijiet żgħar. Hu jgħid: “Jien u marti nfridna tliet darbiet u konna fil-​proċess li niddivorzjaw.” Imbagħad, huma bdew jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda, u Stephen ipprova japplika dak li kien qed jitgħallem. Hu jgħid li qabel ma sar jaf lil Ġeħova, tant kien jirrabja meta xi ħaġa ddejqu li kien iħossu bħal bomba lesta biex tisplodi. Imma wara li Stephen beda jsegwi l-​pariri tal-​Bibbja, l-​affarijiet marru għall-​aħjar. Hu jgħid: “Il-​familja tagħna marret ’il quddiem b’mod impressjonanti. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, issa għandi sens kbir taʼ paċi u kalma.” Illum, Stephen jaqdi bħala qaddej ministerjali, u martu ilha taqdi bħala pijuniera regolari għal diversi snin. L-​anzjani fil-​kongregazzjoni tiegħu qalu: “Stephen huwa ħu kwiet, jaħdem iebes, u għandu attitudni umli.” Huma qalu wkoll li qatt ma rawh jirrabja. Stephen ma jieħu l-​ebda krettu għall-​bidla li għamel fil-​personalità tiegħu. Hu jgħid: “L-​ebda waħda minn dawn il-​barkiet sbieħ ma kienet tkun parti minn ħajti kieku m’aċċettajtx l-​għajnuna taʼ Ġeħova biex ibiddilli l-​personalità tiegħi kompletament.”

13. Ir-​rabja għala hi perikoluża? Dwar xiex twissina l-​Bibbja?

13 Il-​Bibbja twissina biex nevitaw ir-​rabja, it-​tgħajjir, u t-​twerżiq. (Efesin 4:31) Ħafna drabi dawn l-​affarijiet iwasslu għal atti vjolenti. Illum, ħafna nies fid-​dinja jaħsbu li mġiba taʼ rabja u vjolenti hija normali. Imma li nġibu ruħna b’dal-​mod fil-​fatt iġib diżunur lill-​Ħallieq tagħna. Ħafna minn ħutna kellhom jibdlu l-​imġiba tagħhom u jilbsu l-​personalità l-​ġdida.—Aqra Salm 37:8-​11.

14. Huwa possibbli għal persuna vjolenti biex issir ġwejda?

14 Ħu jismu Hans jaqdi bħala anzjan f’kongregazzjoni fl-​Awstrija. Il-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani fil-​kongregazzjoni tiegħu qal: “Hans tant hu ġwejjed li tkun tixtieq tiltaqaʼ miegħu.” Imma Hans mhux dejjem kien hekk. Meta kien għadu taħt l-​20 sena, hu beda jixrob ħafna alkoħol u sar vjolenti. Darba meta kien fis-​sakra, tant irrabja li qatel lit-​tfajla tiegħu. Hans intbagħat il-​ħabs għal 20 sena, imma l-​ħajja fil-​ħabs ma biddlitlux il-​personalità tiegħu. Imbagħad ommu talbet anzjan biex iżuru, u Hans beda jistudja l-​Bibbja. Hu qal: “Kienet taʼ sfida għalija biex ninżaʼ l-​personalità l-​qadima tiegħi. Versi Bibliċi li inkuraġġewni kienu Isaija 55:7, li jgħid: ‘Ħalli l-​ħażin jerħi triqtu,’ u l-​1 Korintin 6:11, li jgħid hekk dwar dawk li abbandunaw il-​ħajja midinba tagħhom: ‘U madankollu, hekk kienu xi wħud minnkom.’ Għal ħafna snin, Ġeħova b’paċenzja għenni permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu biex nilbes il-​personalità l-​ġdida.” Hans tgħammed waqt li kien għadu l-​ħabs, u nħeles wara li qattaʼ 17-​il sena u nofs hemm. Hu qal: “Jien grat għall-​ħniena u l-​maħfra kbira li għandu Ġeħova.”

15. X’inhi parti oħra mill-​personalità l-​qadima? Il-​Bibbja x’tgħid dwarha?

15 Il-​gideb hu parti oħra mill-​personalità l-​qadima. Pereżempju, ħafna nies jigdbu biex jevitaw li jħallsu t-​taxxa jew biex jevitaw li jieħdu responsabbiltà għall-​iżbalji tagħhom. Imma Ġeħova hu “l-​Alla tal-​verità.” (Salm 31:5) Għalhekk, hu jistenna li l-​qaddejja kollha tiegħu ‘jgħidu l-​verità’ u ma ‘jigdbux.’ (Efesin 4:25; Kolossin 3:9) Biċ-​ċar, aħna għandna ngħidu l-​verità anki jekk dan ikun imbarazzanti jew diffiċli.—Proverbji 6:16-​19.

KIF IRNEXXIELHOM JIRBĦU

16. Liema affarijiet se jgħinuna ninżgħu l-​personalità l-​qadima?

16 Huwa impossibbli li ninżgħu l-​personalità l-​qadima waħedna. Sakura, Ribeiro, Stephen, u Hans kollha kellhom jiġġieldu ġlieda kbira biex ibiddlu l-​istil taʼ ħajja tagħhom. Kienu l-​qawwa tal-​Kelma t’Alla u l-​ispirtu qaddis tiegħu li għenuhom. (Luqa 11:13; Ebrej 4:12) Biex nibbenefikaw minn din il-​qawwa, irridu naqraw il-​Bibbja kuljum, nimmeditaw fuqha, u nitolbu kontinwament għall-​għerf u s-​saħħa biex napplikaw dak li nitgħallmu. (Ġożwè 1:8; Salm 119:97; 1 Tessalonikin 5:17) Aħna nibbenefikaw ukoll mill-​Kelma t’Alla u l-​ispirtu qaddis tiegħu meta nippreparaw u nattendu għal-​laqgħat. (Ebrej 10:24, 25) U rridu nagħmlu użu tajjeb mill-​ħafna provvedimenti li tagħtina l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, bħar-​rivisti tagħna, il-​JW Broadcasting, il-​JW Library, u l-​jw.org.—Luqa 12:42.

Kif nistgħu ninżgħu l-personalità l-qadima?

(Ara paragrafu 16)

17. X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

17 Iddiskutejna diversi prattiki ħżiena li Kristjan għandu jinżaʼ u ma jerġax jilbes sabiex jogħġob lil Ġeħova. Imma hemm affarijiet oħra li hemm bżonn nagħmlu. Jeħtieġ li nilbsu l-​personalità l-​ġdida u nagħmluha parti permanenti minn ħajjitna. Fl-​artiklu li jmiss se niddiskutu kif nistgħu nagħmlu dan.

^ par. 7 Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

^ par. 8 Ara kapitlu 25 tal-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, l-​1 Volum.