Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandek il-fatti kollha?

Għandek il-fatti kollha?

“Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-​kwistjoni [jew, “il-​fatti”], dan ikun bluha min-​naħa tiegħu u umiljazzjoni.”—PROVERBJI 18:13.

GĦANJIET: 126, 95

1, 2. (a) Liema abbiltà importanti rridu niżviluppaw, u għala? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

ILKOLL irridu nitgħallmu kif ngħarblu l-​informazzjoni u nużawha biex naslu għal konklużjoni eżatta. (Proverbji 3:21-23; 8:4, 5) Inkella, se jkun faċli għal Satana u d-​dinja tiegħu biex jgħawġu l-​mod kif naħsbu. (Efesin 5:6; Kolossin 2:8) Naturalment, biex naslu għal konklużjoni eżatta, irid ikollna l-​fatti kollha. Proverbji 18:13 jgħid: “Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-​kwistjoni [jew, “il-​fatti”], dan ikun bluha min-​naħa tiegħu u umiljazzjoni.”

2 F’dan l-​artiklu, se naraw x’jistaʼ jagħmilha diffiċli biex ikollna l-​fatti kollha u biex naslu għal konklużjoni eżatta. Se nitgħallmu wkoll dwar prinċipji u eżempji Bibliċi li jgħallmuna kif ngħarblu l-​informazzjoni.

TEMMINX ‘KULL KELMA LI TISMAʼ’

3. Għala rridu napplikaw il-​prinċipju tal-​Bibbja li nsibu fi Proverbji 14:15? (Ara l-​ewwel stampa.)

3 Illum, in-​nies huma bbumbardjati b’ħafna informazzjoni. Din tiġi permezz tal-​Internet, it-​televixin, u midja oħra. Aħna nistgħu anki nirċievu ħafna e-​mails, messaġġi, u stejjer mingħand il-​ħbieb. Xi kultant qisu m’hemmx tmiem għal din l-​informazzjoni kollha. Għalhekk, irridu noqogħdu attenti. Il-​ħbieb tagħna probabilment ikollhom intenzjonijiet tajbin, imma hemm oħrajn li apposta jxerrdu informazzjoni ħażina jew jgħawġu l-​fatti. Liema prinċipju tal-​Bibbja jistaʼ jgħinna ngħarblu dak li nisimgħu? Proverbji 14:15 jgħid: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-​passi tiegħu.”

4. Kif jistaʼ Filippin 4:8, 9 jgħinna nagħżlu dak li naqraw, u għala hu importanti ħafna li jkollna informazzjoni eżatta? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Xi għajnuniet biex ikollna l-​fatti kollha.”)

4 Biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin, irid ikollna fatti li nistgħu nafdaw. Għalhekk, għandna noqogħdu attenti ħafna meta niġu biex nagħżlu x’naqraw. (Aqra Filippin 4:8, 9.) M’għandniex naħlu l-​ħin tagħna naraw websajts t’aħbarijiet li mhumiex taʼ min jafdahom jew naqraw e-​mails jew messaġġi li jxerrdu xnigħat. Hu speċjalment importanti li nevitaw websajts li l-​apostati jużaw biex jgħidu l-​ideat tagħhom. Huma jridu jdgħajfu l-​fidi tan-​nies t’Alla u jgħawġu l-​verità. Informazzjoni li mhix taʼ min joqgħod fuqha twassal għal deċiżjonijiet ħżiena. Qatt taħseb li informazzjoni falza mhix se taffettwak.—1 Timotju 6:20, 21.

5. Liema rapport falz semgħu l-​Iżraelin, u dan kif affettwahom?

5 Rapporti foloz jistgħu jwasslu għal riżultati diżastrużi. Fi żmien Mosè, 12-​il spija marru fl-​Art Imwiegħda. Għaxra minn dawn l-​ispiji wasslu rapport falz. (Numri 13:25-33) Huma esaġeraw il-​fatti, u n-​nies taʼ Ġeħova bdew jibżgħu u skuraġġew ruħhom. (Numri 14:1-4) In-​nies għala rreaġixxew hekk? Forsi huma ħasbu li r-​rapport kien veru għax il-​maġġoranza taʼ dawk l-​ispiji qalu l-​istess ħaġa. Allura, huma ma ridux jisimgħu r-​rapport tajjeb li ż-​żewġ spiji l-​oħra qalu dwar l-​Art Imwiegħda. (Numri 14:6-10) Minflok ma semgħu l-​fatti kollha u fdaw f’Ġeħova, in-​nies għażlu li jemmnu r-​rapport falz. Kemm kienu boloh!

6. Għala m’għandniex inkunu sorpriżi meta nisimgħu stejjer xokkanti dwar in-​nies taʼ Ġeħova?

6 Aħna rridu noqogħdu speċjalment attenti meta nisimgħu stejjer dwar in-​nies taʼ Ġeħova. Ftakar li l-​għadu tagħna Satana jissejjaħ “l-​akkużatur taʼ ħutna.” (Rivelazzjoni 12:10) Ġesù wissiena li dawk kontrina “bil-​gideb [kienu se] jgħidu kull xorta taʼ ħażen” fuqna. (Mattew 5:11) Jekk aħna nieħdu din it-​twissija bis-​serjetà, m’aħniex se nkunu xxokkjati meta nisimgħu stejjer strambi dwar in-​nies taʼ Ġeħova.

7. X’għandna nsaqsu lilna nfusna qabel ma nibagħtu e-​mail jew messaġġ?

7 Tħobb tibgħat e-​mails jew messaġġi lil sħabek? Meta tara xi storja interessanti fuq l-​aħbarijiet jew tismaʼ xi esperjenza unika, tħossok qisek reporter tal-​aħbarijiet li jkun irid jixxerjaha mill-​ewwel? Qabel ma tibgħat l-​e-​mail jew il-​messaġġ, staqsi lilek innifsek: ‘Jien ċert li din l-​istorja vera? Għandi l-​fatti kollha?’ Jekk m’intix ċert, jaf tkun qed ixxerred il-​gideb. Għalhekk, jekk ma tafx jekk storja hix vera, tibgħathiex. Ħassarha!

8. F’xi pajjiżi x’għamlu xi wħud kontrina, u kif nistgħu nkunu qed ngħinuhom mingħajr ma rridu?

8 Hemm raġuni oħra għala hu perikoluż li nibagħtu e-​mails jew messaġġi li nkunu rċivejna mingħajr ma naħsbuha. F’xi pajjiżi, ix-​xogħol tagħna ma jistax isir bil-​libertà kollha jew saħansitra ma jistax isir. Dawk kontrina f’dawn il-​pajjiżi jistgħu apposta jxerrdu stejjer bl-​iskop li jbeżżgħuna jew iġegħluna nissuspettaw f’xulxin. Aħseb f’dak li ġara f’dik li qabel kienet magħrufa bħala l-​Unjoni Sovjetika. Il-​pulizija sigrieta, magħrufa bħala l-​KGB, xerrdu xnigħat li xi aħwa rġiel magħrufin sew kienu ttradew lin-​nies taʼ Ġeħova. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) B’dispjaċir, ħafna aħwa emmnu dawn l-​istejjer foloz u telqu l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ħafna minnhom iktar tard ġew lura, imma xi wħud le. Huma ħallew dawn l-​istejjer foloz jeqirdu l-​fidi tagħhom. (1 Timotju 1:19) Kif nistgħu nevitaw diżastru bħal dan? Taċċettax li xxerred stejjer li huma negattivi jew li m’intix ċert li huma veri. Temminx dak kollu li tismaʼ. Minflok, kun ċert li għandek il-​fatti kollha.

MHUX L-​INFORMAZZJONI KOLLHA

9. X’hemm iżjed li jagħmilha diffiċli biex ikollna informazzjoni eżatta?

9 Xi kultant nisimgħu stejjer li jkunu biss nofs verità. Stejjer oħra ma jagħtux il-​fatti jew l-​informazzjoni kollha. Dan jagħmilha diffiċli biex naslu għal konklużjoni eżatta. Qatt ma nistgħu nafdaw storja li tkun biss nofs verità! X’nistgħu nagħmlu biex ma niġux imqarrqin minn dawn l-​istejjer?—Efesin 4:14.

10. Xi Iżraelin għala kienu kważi bdew gwerra kontra ħuthom, u x’għenhom jevitawha?

10 Aħna nistgħu nitgħallmu minn dak li ġara lill-​Iżraelin li kienu jgħixu fil-​Punent tax-​Xmara Ġordan fi żmien Ġożwè. (Ġożwè 22:9-34) Huma semgħu li l-​Iżraelin fuq in-​naħa tal-​Lvant tal-​Ġordan kienu bnew artal kbir ħdejn ix-​xmara. Din il-​parti tal-​istorja kienet vera, imma ma kinitx l-​istorja kollha. U dan ġiegħel lill-​Iżraelin fuq in-​naħa tal-​Punent jaħsbu li l-​aħwa tan-​naħa tal-​Lvant kienu ħaduha kontra Ġeħova, u għalhekk inġabru biex jibdew gwerra kontrihom. (Aqra Ġożwè 22:9-12.) Imma qabel m’attakkaw, l-​Iżraelin tan-​naħa tal-​Punent bagħtu lil xi rġiel biex isiru jafu l-​fatti kollha. X’saru jafu l-​irġiel? Li l-​Iżraelin tan-​naħa tal-​Lvant ma kinux bnew l-​artal biex joffru sagrifiċċji lil allat foloz. Huma kienu bnewh bħala tfakkira biex fil-​futur, kulħadd ikun jaf li anki huma kienu jqimu lil Ġeħova. Żgur li l-​Iżraelin kienu kuntenti li ma kinux marru jiġġieldu kontra ħuthom imma li ħadu l-​ħin biex iġibu l-​fatti kollha.

11. (a) Mefiboset kif ġie trattat b’mod inġust? (b) David kif setaʼ ttratta lil Mefiboset b’mod ġust?

11 Jistaʼ jkun hemm żmien meta personalment inweġġgħu għax in-​nies ixerrdu stejjer dwarna li huma biss nofs verità. Dan hu dak li ġara lil Mefiboset. Is-​Sultan David b’ġenerożità ta lil Mefiboset l-​artijiet kollha li kienu taʼ nannuh Sawl. (2 Samwel 9:6, 7) Imma iktar tard, David semaʼ rapport negattiv dwar Mefiboset. Hu ma ċċekkjax jekk ir-​rapport kienx veru, u għalhekk ħa l-​propjetà kollha taʼ Mefiboset. (2 Samwel 16:1-4) Meta David iktar tard tkellem miegħu, David induna li kien għamel żball. Imbagħad, ta lil Mefiboset xi ftit mill-​propjetà lura. (2 Samwel 19:24-29) Kieku David ħa l-​ħin biex ikollu l-​fatti kollha minflok ma qabad u rreaġixxa fuq nofs l-​informazzjoni, kieku Mefiboset ma kienx ikollu għalfejn ibati din l-​inġustizzja kollha.

12, 13. (a) X’għamel Ġesù meta n-​nies gidbu fuqu? (b) X’nistgħu nagħmlu jekk xi ħadd jigdeb fuqna?

12 X’tistaʼ tagħmel jekk xi ħadd ixerred gideb fuqek? Dan ġara kemm lil Ġesù u kemm lil Ġwanni l-​Għammied. (Aqra Mattew 11:18, 19.) Ġesù x’għamel? Hu ma użax il-​ħin u l-​enerġija kollha tiegħu biex jikkonvinċi lin-​nies li l-​istejjer kienu foloz. Minflok, hu inkuraġġixxa lin-​nies biex jaraw il-​fatti kollha. Hu riedhom jiffokaw fuq dak li għamel u għallem. Ġesù qal: “L-​għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.”—Mattew 11:19.

13 Nistgħu nitgħallmu lezzjoni importanti minn Ġesù. Xi kultant in-​nies jistgħu jgħidu affarijiet inġusti jew negattivi fuqna, u forsi ninkwetaw li dan jistaʼ jagħmel ħsara lir-​reputazzjoni tagħna. Imma l-​mod kif ngħixu jistaʼ juri lil oħrajn dak li aħna verament. Bħalma nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġesù, il-​kondotta tajba tagħna tistaʼ ġġib fix-​xejn kwalunkwe nofs verità u akkuża falza.

TISTRIEĦ INT FUQ IL-​FEHMA TIEGĦEK STESS?

14, 15. Għala m’għandniex nistrieħu fuq il-​fehma tagħna stess?

14 Aħna rajna li jistaʼ jkun diffiċli biex tikseb fatti taʼ min joqgħod fuqhom. Problema oħra hi l-​imperfezzjoni tagħna stess. Jistaʼ jkun li ilna naqdu lil Ġeħova għal ħafna snin, u forsi ksibna ċertu għerf. Oħrajn għandu mnejn jirrispettawna għax kapaċi nqisu sitwazzjoni bil-​għaqal u naslu għal konklużjoni tajba. Imma tistaʼ din issir problema għalina?

Il-​Bibbja twissina li m’għandniex nistrieħu fuq il-​fehma tagħna stess

15 Iva. Nistgħu nibdew nistrieħu fuq il-​fehma tagħna stess. Nistgħu nibdew inħallu l-​emozzjonijiet u l-​ideat tagħna jikkontrollaw il-​mod kif naħsbu. Nistgħu nibdew nemmnu li aħna nifhmu sitwazzjoni anki jekk ma jkollniex il-​fatti kollha. Dan hu perikoluż ħafna! Il-​Bibbja b’mod ċar twissina li m’għandniex nistrieħu fuq il-​fehma tagħna stess.—Proverbji 3:5, 6; 28:26.

16. F’dan l-​eżempju, x’ġara f’restorant, u Tom x’ħaseb?

16 Pereżempju, immaġina li lejla waħda anzjan taʼ esperjenza jismu Tom imur f’restorant u jara anzjan ieħor, jismu John, fuq mejda maʼ mara li mhijiex il-​mara tiegħu. Huma jidhru li qed jieħdu gost flimkien. Tom jarahom jidħqu u jgħannqu lil xulxin. Hu jibda jinkwieta ħafna u jaħseb: ‘Tgħid John u l-​mara se jiddivorzjaw? U t-​tfal tagħhom?’ Tom ra affarijiet bħal dawn jiġru qabel. Kif kont tħossok kieku kont minflok Tom?

17. F’dan l-​eżempju, x’sar jaf Tom wara, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

17 Imma stenna. Għalkemm Tom qed jassumi li John qed juri nuqqas taʼ lealtà lejn martu, għandu hu l-​fatti kollha? Iktar tard dik il-​lejla, Tom iċempel lil John u jsir jaf li l-​mara li John kien magħha kienet oħtu, li kienet ġiet mill-​bogħod biex tarah. John u oħtu kienu ilhom snin ma jaraw lil xulxin. U minħabba li kienet se tkun hemm biss għal ftit sigħat, John kellu biss iċ-​ċans li jiltaqaʼ magħha f’restorant għall-​ikel. Il-​mara tiegħu ma setgħetx tmur magħhom. Kemm kien kuntent Tom li ma kien qal lil ħadd dwar dak li kien ħaseb! X’nitgħallmu minn dan? Li ilna kemm ilna naqdu lil Ġeħova, xorta hemm bżonn niksbu l-​fatti kollha qabel ma naslu għal konklużjoni eżatta.

18. X’jistaʼ jġegħelna nemmnu xi ħaġa ħażina dwar ħuna?

18 Jistaʼ jkun diffiċli wkoll biex ngħarblu sitwazzjoni b’mod korrett meta dan jinvolvi ħu li ma tantx ningwalawha miegħu. Jekk nibqgħu naħsbu dwar l-​affarijiet li ma naqblux dwarhom, nistgħu nibdew nissuspettaw f’ħuna. Imbagħad, jekk nisimgħu xi ħaġa negattiva dwaru, għandu mnejn inkunu rridu nemmnuha, anki jekk m’hemmx provi li hi vera. X’inhi l-​lezzjoni għalina? Jekk inħallu lilna nfusna jkollna sentimenti negattivi dwar ħutna, dan jistaʼ jġegħelna naslu għal konklużjoni żbaljata li ma tkunx ibbażata fuq il-​fatti. (1 Timotju 6:4, 5) M’għandniex inħallu sentimenti ħżiena bħall-​għira jibqgħu f’qalbna. Qatt m’għandna ninsew li Ġeħova jridna nħobbu lil ħutna u naħfrulhom mill-​qalb.—Aqra Kolossin 3:12-14.

PROTETTI MINN PRINĊIPJI BIBLIĊI

19, 20. (a) Liema prinċipji tal-​Bibbja se jgħinuna ngħarblu l-​informazzjoni b’mod korrett? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

19 Illum, hu veru diffiċli biex ikollna fatti taʼ min joqgħod fuqhom u biex ngħarbluhom b’mod korrett. Għala? Għax ħafna mill-​informazzjoni disponibbli hija biss nofs verità, u aħna imperfetti. X’jistaʼ jgħinna? Il-​prinċipji li nsibu fil-​Kelma t’Alla! Pereżempju, prinċipju wieħed jgħidilna li jkun bluha jekk inwieġbu qabel ma nisimgħu l-​fatti kollha. (Proverbji 18:13) Ieħor jgħinna naraw li m’għandniex nemmnu kull ħaġa li nisimgħu mingħajr ma niċċekkjaw jekk hix vera. (Proverbji 14:15) U ilna kemm ilna naqdu lil Ġeħova, ma nistgħux nistrieħu fuq il-​fehma tagħna stess. (Proverbji 3:5, 6) Il-​prinċipji tal-​Bibbja se jipproteġuna jekk nużaw fatti taʼ min joqgħod fuqhom biex naslu għal konklużjoni eżatta u biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin.

20 Imma hemm raġuni oħra għala tistaʼ tkun diffiċli nsibu l-​verità taʼ sitwazzjoni. Bħala bnedmin, aħna malajr niġġudikaw l-​affarijiet fuq dak li jidher minn barra. Fl-​artiklu li jmiss, se niddiskutu aspetti fejn nistgħu nagħmlu dan l-​iżball u se nitgħallmu kif nevitawh.

^ par. 8 Ara t-​2004 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 111-​112, u t-​2008 Yearbook, paġni 133-​135.