Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Is-sabar fit-tul—Nissaportu bi skop

Is-sabar fit-tul—Nissaportu bi skop

PERESS li l-​ħajja saret daqshekk diffiċli f’dawn “l-​aħħar jiem,” aħna għandna bżonn is-​sabar fit-​tul, jew il-​paċenzja, iktar minn qatt qabel. (2 Timotju 3:1-5) Ħafna min-​nies huma bla paċenzja. Huma egoisti, iħobbu jargumentaw, u m’għandhomx rażan. Allura jeħtieġ li nistaqsu lilna nfusna: ‘Sirt jien bla paċenzja bħan-​nies madwari? Xi jfisser li tkun verament paċenzjuż? X’nistaʼ nagħmel biex il-​paċenzja tkun parti mill-​personalità tiegħi?’

XI TFISSER IL-​PAĊENZJA?

Xi tfisser il-​kelma “paċenzja” kif inhi użata fil-​Bibbja? Tfisser iktar milli sempliċiment nissaportu problema. Xi ħadd paċenzjuż jissaporti bi skop, jiġifieri, hu jittama li l-​affarijiet se jmorru għall-​aħjar. Hu ma jaħsibx biss fih innifsu, imma jimpurtah ukoll minn kif iħossuhom oħrajn, anke dawk li forsi rritawh jew trattawh ħażin. Hu jkompli jittama li r-​relazzjoni taʼ bejniethom tmur għall-​aħjar. Mhux taʼ b’xejn mela li l-​Bibbja tgħid li l-​paċenzja hi riżultat tal-​imħabba. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (1 Korintin 13:4) Anke l-​paċenzja, jew is-​sabar fit-​tul, hi parti mill-​“frott taʼ l-​ispirtu.” (Galatin 5:22, 23) Allura, x’għandna bżonn nagħmlu biex inkunu verament paċenzjużi?

KIF ISSIR PAĊENZJUŻ

Biex insiru paċenzjużi għandna bżonn nitolbu għall-​għajnuna tal-​ispirtu taʼ Ġeħova, li hu jagħti lil dawk li jafdaw fih. (Luqa 11:13) Dan l-​ispirtu għandu qawwa kbira, iżda aħna xorta jeħtieġ li naġixxu fi qbil maʼ dak li nitolbu. (Salm 86:10, 11) Dan ifisser li għandna nagħmlu l-​almu tagħna biex nuru l-​paċenzja kuljum u nagħmluha parti mill-​personalità tagħna. Imma xi kultant jistaʼ jkun li ma jirnexxilniex. X’jistaʼ jgħinna?

Għandna bżonn nistudjaw u nimitaw l-​eżempju perfett taʼ Ġesù. Meta l-​appostlu Pawlu tkellem dwar “il-​personalità l-​ġdida,” li tinkludi l-​paċenzja, hu inkuraġġiena: “Ħallu l-​paċi tal-​Kristu jkollha kontroll fi qlubkom.” (Kolossin 3:10, 12, 15) Sabiex nagħmlu dan, aħna rridu nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù u jkollna fiduċja sħiħa li fil-​ħin u fil-​waqt xieraq, Alla se jirranġa l-​affarijiet. Jiġri x’jiġri madwarna, jekk ikollna din il-​fiduċja mhux se nitilfu l-​paċenzja.—Ġwanni 14:27; 16:33.

Ilkoll kemm aħna rridu li d-​dinja l-​ġdida tiġi malajr kemm jistaʼ jkun. Imma meta naħsbu dwar kemm Ġeħova hu paċenzjuż magħna, aħna nitgħallmu nkunu iktar paċenzjużi. Il-​Bibbja tassigurana: “Ġeħova mhux qed idum biex iwettaq il-​wegħda tiegħu, bħalma xi nies iqisu d-​dewmien, imma hu paċenzjuż magħkom għax ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) Allura meta naħsbu dwar kemm Ġeħova hu paċenzjuż magħna, aħna wkoll se nkunu iktar paċenzjużi m’oħrajn. (Rumani 2:4) F’liema sitwazzjonijiet għandna bżonn il-​paċenzja?

SITWAZZJONIJIET FEJN GĦANDNA BŻONN IL-​PAĊENZJA

Fil-​ħajja taʼ kuljum hemm ħafna sitwazzjonijiet fejn ikollna bżonn il-​paċenzja. Pereżempju, jekk inħossu li għandna xi ħaġa importanti x’ngħidu, għandna bżonn il-​paċenzja biex ma naqbżux fin-​nofs meta oħrajn ikunu qed jitkellmu. (Ġakbu 1:19) Meta xi ħadd jirritana, ikollna bżonn nuru paċenzja wkoll. Minflok ma naġixxu bla paċenzja, nagħmlu tajjeb li niftakru kif Ġeħova u Ġesù jirreaġixxu għad-​dgħufijiet tagħna. Huma ma jiffokawx fuq il-​ħafna affarijiet żgħar li nagħmlu ħażin. Minflok, jaraw il-​kwalitajiet tajbin li għandna u bil-​paċenzja jagħtuna ċans nitjiebu.—1 Timotju 1:16; 1 Pietru 3:12.

Għandna bżonn il-​paċenzja wkoll meta xi ħadd jgħidilna li għedna jew għamilna xi ħaġa ħażina. Forsi l-​ewwel reazzjoni tagħna tkun li nieħdu għalina u niddefendu lilna nfusna. Imma l-​Kelma t’Alla tgħidilna biex nirreaġixxu b’mod differenti. Din tgħid: “Aħjar min hu paċenzjuż milli min għandu spirtu supperv. Tgħaġġilx biex tieħu għalik, għax l-​istupidi jieħdu għalihom u jżommu f’qalbhom.” (Ekkleżjasti 7:8, 9) Għalhekk, anke jekk l-​akkuża mhix vera, aħna għandna bżonn inkunu paċenzjużi u naħsbu sew qabel ma nirreaġixxu. Ġesù hekk għamel meta oħrajn akkużawh b’mod żbaljat.—Mattew 11:19.

Il-​ġenituri b’mod speċjali għandhom bżonn ikunu paċenzjużi meta jkollhom jgħinu lit-​tfal tagħhom biex jirranġaw l-​attitudni tagħhom jew jevitaw xewqat ħżiena. Ħa nieħdu l-​eżempju taʼ Mattias, li jaqdi fil-​Betel tal-​Iskandinavja. Meta Mattias kien żagħżugħ, sħabu tal-​iskola kienu joqogħdu jwaqqgħuh għaċ-​ċajt minħabba t-​twemmin tiegħu. Għall-​ewwel, il-​ġenituri ma kinux jafu b’dan. Imma mbagħad huma raw li kien qed jibda jiddubita t-​twemmin tiegħu. Gillis, missier Mattias, jgħid li hu u martu kellhom bżonn ħafna paċenzja f’din is-​sitwazzjoni. Mattias kien isaqsi mistoqsijiet bħal: “Min hu Alla? Xi ngħidu jekk il-​Bibbja mhix il-​Kelma t’Alla? Kif nafu li hu fil-​fatt Alla li jrid hekk jew hekk minna?” Ukoll, hu kien jistaqsi lil missieru: “Għala għandi niġi ġġudikat jekk ma nħossnix u ma nemminx bħalek?”

Gillis jispjega: “Kultant il-​mistoqsijiet tat-​tifel tagħna ntqalu b’rabja, mhux kontra ommu jew kontrija, imma kontra l-​verità, li hu ħass li kienet qed tagħmillu ħajtu verament diffiċli.” Gillis kif għen lil ibnu? “Jien u ibni konna noqogħdu bilqiegħda u nitkellmu għal sigħat sħaħ.” Ġeneralment, Gillis kien biss jismaʼ lil Mattias u jistaqsih mistoqsijiet biex jipprova jifhem kif iħossu u jismaʼ l-​opinjonijiet tiegħu. Xi drabi Gillis kien jispjega xi ħaġa lil ibnu u jgħidlu biex jaħseb dwarha għal xi ġurnata jew iktar qabel ma jerġgħu jitkellmu fuqha. Drabi oħra, Gillis kien jgħid li anke hu kellu bżonn xi ftit ġranet biex jaħseb dwar xi ħaġa li ibnu jkun qal. Matul dawn il-​konversazzjonijiet regulari, Mattias beda jifhem it-​tifsir tal-​fidwa u li Ġeħova jħobbna u għandu d-​dritt imexxina. Missieru jgħid: “Dan ħa ż-​żmien, u spiss kien diffiċli, imma bil-​mod il-​mod, l-​imħabba għal Ġeħova kibret f’qalbu. Jien u marti ferħanin ħafna li l-​isforzi li għamilna bil-​paċenzja biex ngħinu lit-​tifel tagħna jgħaddi miż-​żmien taż-​żgħożija rnexxew u messewlu qalbu.”

Waqt li Gillis u martu bil-​paċenzja għenu lit-​tifel tagħhom, huma kellhom fiduċja li Ġeħova kien se jgħinhom. Gillis jgħid: “Spiss kont ngħid lil Mattias li l-​imħabba kbira li għandna għalih qanqlet lili u lil ommu biex nitolbu saħansitra iktar bil-​qalb biex Ġeħova jgħinu jifhem.” Dawn il-​ġenituri huma verament ferħanin li kienu paċenzjużi u ma qatgħux qalbhom!

Aħna għandna bżonn il-​paċenzja wkoll meta nkunu qed nieħdu ħsieb membru tal-​familja jew ħabib li għandu marda fit-​tul. Ejja nieħdu l-​eżempju t’Ellen * (ara n-​nota taʼ taħt), li tgħix ukoll fl-​Iskandinavja.

Madwar tmien snin ilu, ir-​raġel t’Ellen tawh żewġ puplesiji li għamlulu ħsara f’moħħu. Minħabba dan, hu m’għadux jistaʼ jħoss il-​ferħ, id-​dwejjaq, jew iħoss ħniena. Din is-​sitwazzjoni hi diffiċli ħafna għal Ellen. Hi tgħid: “Kien hemm bżonn taʼ ħafna paċenzja u talb.” Hi żżid: “L-​iskrittura favorita tiegħi li tfarraġni hi dik taʼ Filippin 4:13, li tgħid: ‘Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.’” Bil-​qawwa u l-​appoġġ taʼ Ġeħova, Ellen tkampa maʼ din is-​sitwazzjoni bil-​paċenzja.—Salm 62:5, 6.

IMITA L-​PAĊENZJA TAʼ ĠEĦOVA

Ovvjament, l-​aħjar eżempju taʼ li nuru paċenzja hu Ġeħova nnifsu. (2 Pietru 3:15) Fil-​Bibbja, spiss naqraw dwar il-​paċenzja kbira li għandu Ġeħova. (Neħemija 9:30; Isaija 30:18) Tiftakar kif irreaġixxa Ġeħova meta Abraham staqsieh dwar id-​deċiżjoni Tiegħu li jeqred lil Sodoma? Ġeħova ma waqqafx lil Abraham. Bil-​paċenzja semaʼ kull mistoqsija u tħassib t’Abraham. Imbagħad, Ġeħova wera li kien semaʼ t-​tħassib t’Abraham u assigurah li ma kienx se jeqred lil Sodoma anke jekk kien hemm biss għaxart irġiel sewwa fil-​belt. (Ġenesi 18:22-33) Ġeħova dejjem jismaʼ bil-​paċenzja, u hu qatt ma jirreaġixxi b’mod esaġerat!

Il-​paċenzja hi parti importanti mill-​personalità l-​ġdida li kull Kristjan għandu jkollu. Jekk nagħmlu l-​almu tagħna biex insiru verament paċenzjużi, aħna nonoraw lil Missierna, Ġeħova, li jieħu ħsiebna u li hu paċenzjuż u se nkunu fost “dawk li bil-​fidi u l-​paċenzja jirtu l-​wegħdi.”—Ebrej 6:10-12.

^ par. 4 Il-​kwalità tal-​imħabba kienet ġiet diskussa fl-​ewwel artiklu minn din is-​serje taʼ disaʼ artikli fuq il-​frott tal-​ispirtu qaddis t’Alla.

^ par. 15 L-​isem ġie mibdul.