Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irġiel maħturin—Tgħallmu minn Timotju

Irġiel maħturin—Tgħallmu minn Timotju

IS-​SENA l-​oħra, eluf t’aħwa rġiel madwar id-​dinja nħatru bħala anzjani u qaddejja ministerjali. Jekk int wieħed minnhom, żgur li int ferħan li tistaʼ taqdi lil Ġeħova u lil ħutek b’dan il-​mod ġdid.

Però, jekk tħossok xi ftit ansjuż ukoll, din xi ħaġa normali. Jason, anzjan żgħir fl-​età, jgħid: “Għall-​ewwel li ġejt maħtur, ħassejtni xi ftit mgħobbi bir-​responsabbiltajiet ġodda li kelli.” Mosè u Ġeremija ħassew li ma kinux kwalifikati meta rċivew inkarigi ġodda minn Ġeħova. (Eżodu 4:10; Ġeremija 1:6) Jekk tħossok l-​istess, x’tistaʼ tagħmel biex issaħħaħ il-​fiduċja fik innifsek u tkompli tagħmel progress? Tistaʼ titgħallem ħafna mill-​eżempju taʼ Timotju.—Atti 16:1-3.

IMITAW L-EŻEMPJU TAʼ TIMOTJU

Probabbilment, Timotju kellu madwar 20 sena meta beda jivvjaġġa mal-​appostlu Pawlu. Meta għall-​ewwel irċieva din l-​istedina, Timotju setaʼ ħass li ma kienx kwalifikat biex jgħallem u jagħti pariri lil oħrajn peress li kien għadu żgħir ħafna. (1 Timotju 4:11, 12; 2 Timotju 1:1, 2, 7) Imma hu kompla jagħmel progress, u għaxar snin wara Pawlu qal lill-​Filippin: “Qed nittama fil-​Mulej Ġesù li nibagħtilkom lil Timotju dalwaqt.” Pawlu għala ħassu b’dal-​mod? Hu spjega: “M’għandi lil ħadd bl-​istess attitudni tiegħu.”—Filippin 2:19, 20.

Timotju għala hu eżempju eċċellenti għall-​anzjani? Ikkunsidra sitt raġunijiet.

1. Hu kien verament jimpurtah min-​nies. Pawlu qal lill-​aħwa f’Filippi li Timotju kien se jieħu ‘ħsiebhom ġenwinament.’ (Filippin 2:20) Timotju ried lil ħutu jibqgħu qrib taʼ Ġeħova, u kien lest jissagrifika l-​ħin u l-​enerġija tiegħu biex jgħinhom.

William, li ilu anzjan għal iktar minn 20 sena, dejjem jgħidilhom hekk lil dawk li jkunu għadhom kemm inħatru bħala anzjani: “Ħobb lill-​aħwa. Iffoka l-​iktar fuq il-​bżonnijiet tagħhom minflok fuq li torganizza u tieħu ħsieb kif isiru l-​affarijiet fil-​kongregazzjoni.” Tkunx bħal xufier tal-​linja li jimpurtah iktar f’li jasal fuq l-​istejġis fil-​ħin milli f’li jħalli lill-​passiġġieri jitilgħu fuq tal-​linja.

2. Hu poġġa s-​servizz taʼ Ġeħova fl-​ewwel post. Pawlu qal li Timotju kien differenti minn dawk li kienu qed “ifittxu l-​interessi tagħhom stess, [u] mhux dawk taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 2:21) Pawlu nnota li l-​aħwa taʼ madwaru kienu wisq iffokati fuq ħajjithom stess. Kultant poġġew l-​interessi tagħhom qabel li jaqdu lil Ġeħova. Imma mhux Timotju! Hekk kif kellu l-​opportunità biex jagħmel iktar fis-​servizz t’Alla, hu rreaġixxa bħal Isaija, li qal: “Hawn jien! Ibgħat lili.”—Isaija 6:8.

Int kif tistaʼ tkun ibbilanċjat hekk kif tieħu ħsieb il-​bżonnijiet personali tiegħek u dawk tal-​kongregazzjoni? L-​ewwel, imxi fuq il-​parir taʼ Pawlu: ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’ (Filippin 1:10) Poġġi s-​servizz taʼ Ġeħova fl-​ewwel post. It-​tieni, evita attivitajiet li se jiħdulek wisq ħin u enerġija. Pawlu qal lil Timotju: “Aħrab mix-​xewqat li jistaʼ jkollok fiż-​żgħożija, imma iġri wara s-​sewwa, il-​fidi, l-​imħabba, il-​paċi.”—2 Timotju 2:22.

3. Hu ħadem iebes fis-​servizz taʼ Ġeħova. Pawlu qal hekk dwar Timotju: “Bħal iben maʼ missieru tjassar miegħi biex iġib l-​aħbar tajba ’l quddiem.” (Filippin 2:22) Timotju ma kienx għażżien. Hu ħadem iebes flimkien maʼ Pawlu, u dan saħħaħ iktar il-​ħbiberija tagħhom.

Hemm ħafna xogħol xi jsir fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova llum. Dan ix-​xogħol hu taʼ sodisfazzjon kbir u se jgħinek tersaq qrib ħutek. Allura agħmel ċert li dejjem ikollok ‘ħafna x’tagħmel fix-​xogħol tal-​Mulej.’—1 Korintin 15:58.

4. Hu applika dak li tgħallem. Lil Timotju, Pawlu kitiblu: “Int segwejt mill-​qrib it-​tagħlim tiegħi, il-​kondotta tiegħi, l-​iskop tiegħi, il-​fidi tiegħi, il-​paċenzja kollha tiegħi, l-​imħabba tiegħi, is-​sabar tiegħi.” (2 Timotju 3:10) Timotju applika dak li tgħallem, allura ngħata saħansitra iktar responsabbiltà.—1 Korintin 4:17.

Għax ma ssibx anzjan t’esperjenza li tistaʼ tqisu bħala mudell fuq xiex timxi? Tom, li ilu anzjan għal ħafna snin, jiftakar li anzjan t’esperjenza ħa interess personali fih u ttrennjah b’mod eċċellenti. Hu jgħid: “Regolarment kont nitlob il-​parir tiegħu u napplikah. Dan malajr għenni nkun iktar kunfidenti.”

5. Hu kompla jħarreġ, jew jittrennja, lilu nnifsu. Pawlu tah dan il-​parir lil Timotju: “Ħarreġ lilek innifsek bid-​devozzjoni lejn Alla bħala l-​mira tiegħek.” (1 Timotju 4:7) Għalkemm atleta jkollu kowċ, hu xorta għandu jittrennja lilu nnifsu. Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Kompli agħti ruħek għall-​qari pubbliku, għat-​twiddib, għat-​tagħlim. . . . Immedita fuq dawn l-​affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.”—1 Timotju 4:13-15.

Int ukoll għandek tkompli ttejjeb l-​abbiltajiet tiegħek. Kun student diliġenti tal-​Bibbja, u ibqaʼ aġġornat mal-​aħħar direzzjonijiet mill-​organizzazzjoni. Issirx kunfidenti żżejjed. Ikun ħażin li taħseb li għandek biżżejjed esperjenza biex tittratta maʼ kwalunkwe sitwazzjoni mingħajr ma tagħmel riċerka tajba. Bħal Timotju, “oqgħod attent il-​ħin kollu għalik innifsek u għat-​tagħlim tiegħek.”—1 Timotju 4:16.

6. Hu straħ fuq l-​ispirtu taʼ Ġeħova. Meta kien qed jitkellem dwar il-​ministeru taʼ Timotju, Pawlu fakkru: “Dan it-​teżor li ġejt fdat bih għassu permezz taʼ l-​ispirtu qaddis li qed jgħammar fina.” (2 Timotju 1:14) Timotju kellu bżonn jistrieħ fuq l-​ispirtu t’Alla.

Donald, li ilu anzjan għal ħafna snin, jgħid: “Irġiel maħturin għandhom jgħożżu r-​relazzjoni tagħhom m’Alla. Dawk li jagħmlu dan se jissaħħu iktar u iktar. Jekk jitolbu għall-​ispirtu t’Alla u jikkultivaw il-​frott tiegħu, huma se jkunu taʼ barka kbira għal ħuthom.”—Salm 84:7; 1 Pietru 4:11.

GĦOŻŻ L-​INKARIGU TIEGĦEK

Hu inkuraġġanti li tara qaddejja ministerjali u anzjani ġodda li, bħalek, ikomplu jagħmlu progress fis-​servizz tagħhom lil Ġeħova. Jason, li ssemma qabel, jgħid: “Matul iż-​żmien li ili anzjan, tgħallimt ħafna u ħassejtni iktar kunfidenti. Issa verament nieħu gost bl-​inkarigu tiegħi u nqisu bħala privileġġ mill-​isbaħ!”

Se tkompli tagħmel progress? Jekk timxi fuq l-​eżempju taʼ Timotju, anke int se tkun taʼ barka għal ħutek.