Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nies ġenerużi huma nies ferħanin

Nies ġenerużi huma nies ferħanin

“Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—ATTI 20:35.

GĦANJIET: 76, 110

1. X’juri li Ġeħova hu ġeneruż?

KIEN hemm żmien meta Ġeħova kien kompletament waħdu. Imbagħad iddeċieda li jagħti l-​għotja tal-​ħajja lil ħlejjaq intelliġenti, kemm spirti kif ukoll umani. “L-​Alla l-​hieni,” Ġeħova, iħobb jagħti affarijiet tajbin. (1 Timotju 1:11; Ġakbu 1:17) U għax Ġeħova jridna nkunu henjin ukoll, jew ferħanin, hu jgħallimna nkunu ġenerużi.—Rumani 1:20.

2, 3. (a) Għala nkunu ferħanin meta nkunu ġenerużi? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-​artiklu?

2 Alla ħalaq lill-​bnedmin fuq ix-​xbieha tiegħu. (Ġenesi 1:27) Dan ifisser li ħalaqna bil-​kwalitajiet li għandu hu. Sabiex inkunu verament ferħanin u jkollna l-​barka taʼ Ġeħova, għandna bżonn nimxu fuq l-​eżempju tiegħu. Jeħtieġ li aħna ninteressaw ruħna f’nies oħrajn u li nagħtu b’mod ġeneruż. (Filippin 2:3, 4; Ġakbu 1:5) Għala? Għax dan hu l-​mod kif Ġeħova ħalaqna. Għalkemm aħna imperfetti, nistgħu nimitaw lil Ġeħova u nkunu ġenerużi wkoll.

3 Issa se niddiskutu xi lezzjonijiet li tgħallem il-​Bibbja dwar il-​ġenerożità. Se nitgħallmu għala Ġeħova jkun kuntent meta nkunu ġenerużi. Se nitgħallmu wkoll kif il-​ġenerożità tgħinna nagħmlu x-​xogħol li Ġeħova tana nagħmlu u għala nkunu ferħanin meta nkunu ġenerużi. U se niddiskutu għala għandna nkomplu nkunu ġenerużi.

ĠEĦOVA JKUN KUNTENT META NKUNU ĠENERUŻI

4, 5. Ġeħova u Ġesù kif kienu ġenerużi, u għala għandna nimitawhom?

4 Ġeħova jridna nimitawh, allura li nkunu ġenerużi jagħmlu ferħan. (Efesin 5:1) Ġeħova jrid ukoll li l-​bnedmin ikunu ferħanin. Aħna nafu dan għaliex hu għamilna b’mod tal-​għaġeb u għamel l-​art sabiħa tagħna u kulma hemm fiha għalina biex ingawduh. (Salm 104:24; 139:13-16) B’hekk, aħna nonoraw lil Ġeħova meta nipprovaw inferrħu lil oħrajn.

5 Aħna nimitaw ukoll lil Ġesù, li tana l-​eżempju perfett taʼ kif il-​bnedmin jistgħu jkunu ġenerużi. Hu qal: “Bin il-​bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) U l-​appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-​Kristjani: “Żommu din l-​attitudni mentali fikom li kienet ukoll fi Kristu Ġesù . . . [li] xejjen lilu nnifsu u ħa s-​sura taʼ lsir.” (Filippin 2:5, 7) Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Nistaʼ jien nimxi fuq l-​eżempju taʼ Ġesù saħansitra iktar mill-​qrib?’—Aqra l-​1 Pietru 2:21.

6. X’għallimna Ġesù fl-​istorja tas-​Samaritan li aġixxa taʼ proxxmu tajjeb? (Ara l-​ewwel stampa.)

6 Ġeħova jkun kuntent meta nimxu fuq l-​eżempju perfett li hu u Ġesù tawna. Aħna nagħmlu dan billi ninteressaw ruħna fin-​nies u nfittxu għal modi kif ngħinuhom. Ġesù wera kemm dan hu importanti meta qal l-​istorja tas-​Samaritan li aġixxa taʼ proxxmu tajjeb. (Aqra Luqa 10:29-37.) Hu għallem lis-​segwaċi tiegħu li kellhom jgħinu lil oħrajn, ikunu min ikunu jew huma minn fejn huma. Tiftakar għala Ġesù qal din l-​istorja? Kien għaliex raġel Lhudi staqsieh: “Min tassew hu l-​proxxmu tiegħi?” It-​tweġiba taʼ Ġesù tgħallimna li bħal dak is-​Samaritan għandna nkunu ġenerużi jekk irridu nogħġbu lil Ġeħova.

7. Kif nuru li nemmnu li l-​mod kif Ġeħova jagħmel l-​affarijiet hu l-​aħjar mod? Spjega.

7 Raġuni oħra biex inkunu ġenerużi għandha x’taqsam maʼ dak li ġara fil-​ġnien tal-​Għeden. Satana sostna li Adam u Eva kienu jkunu iżjed ferħanin jekk ma jobdux lil Ġeħova u jaħsbu biss fihom infushom. Eva kienet egoista u riedet tkun bħal Alla. Adam kien egoist u ried jogħġob lil Eva iktar milli ried jogħġob lil Alla. (Ġenesi 3:4-6) Ir-​riżultati kienu diżastrużi. Huwa ċar, ħadd ma jistaʼ jkun ferħan meta jkun egoist. Imma meta naħsbu wkoll f’ħaddieħor u nkunu ġenerużi, aħna nuru li nemmnu li l-​mod kif Ġeħova jagħmel l-​affarijiet hu l-​aħjar mod.

AGĦMEL IX-​XOGĦOL LI ALLA TANA NAGĦMLU

8. Adam u Eva għala kien imisshom ħasbu f’oħrajn?

8 Għalkemm Adam u Eva kienu waħedhom fil-​ġnien tal-​Għeden, huma kien imisshom ħasbu f’oħrajn. Għala? Ġeħova kien tahom xogħol x’jagħmlu. Hu qalilhom jimlew l-​art bit-​tfal tagħhom u jagħmluha ġenna tal-​art. (Ġenesi 1:28) Adam u Eva suppost riedu li t-​tfal futuri tagħhom ikunu ferħanin, l-​istess bħalma Ġeħova riedhom ilkoll ikunu. Flimkien, kienu se jaħdmu biex jagħmlu d-​dinja kollha ġenna tal-​art. Xi proġett enormi kien se jkun dan!

9. Il-​bnedmin għala kienu se jkunu ferħanin waqt li jagħmlu l-​art ġenna?

9 Ukoll, il-​bnedmin perfetti kien se jkollhom bżonn jaħdmu mill-​qrib maʼ Ġeħova biex jagħmlu l-​art ġenna u jwettqu r-​rieda tiegħu. B’dan il-​mod, kienu se jidħlu fil-​mistrieħ tiegħu. (Ebrej 4:11) Immaġina kemm dan ix-​xogħol kien se jkun taʼ sodisfazzjon u taʼ gost! Ġeħova kien se jberikhom bil-​kbir talli kienu se jaħsbu f’oħrajn u jimpurtahom minnhom.

10, 11. X’se jgħinna nippritkaw u nagħmlu dixxipli?

10 Illum, Ġeħova tana xogħol speċjali x’nagħmlu. Hu jridna nippritkaw u nagħmlu dixxipli. Biex nagħmlu dan ix-​xogħol, verament għandu jimpurtana min-​nies. Fil-​fatt, aħna nistgħu nibqgħu nagħmlu dan ix-​xogħol jekk ikollna l-​motiv it-​tajjeb biss: imħabba għal Ġeħova u mħabba għan-​nies.

11 Pawlu qal li hu u Kristjani oħra fl-​ewwel seklu kienu “ħaddiema sħab m’Alla” għax ippritkaw u għallmu l-​verità lin-​nies. (1 Korintin 3:6, 9) Illum, anke aħna nistgħu nkunu “ħaddiema sħab m’Alla” billi nagħtu b’mod ġeneruż mill-​ħin, l-​enerġija, u l-​affarijiet materjali tagħna biex nagħmlu x-​xogħol tal-​ippritkar li Alla tana. X’unur kbir dan!

Li tgħin lil xi ħadd jitgħallem il-verità se jġiblek ferħ kbir (Ara paragrafu 12)

12, 13. Int x’tgħid li huma l-​barkiet taʼ li nagħmlu dixxipli?

12 Li nkunu ġenerużi fil-​ħin u l-​enerġija tagħna meta nippritkaw u ngħallmu jġibilna ferħ kbir. Hekk jgħidu ħafna aħwa li kellhom l-​opportunità li jikkonduċu studji tal-​Bibbja. Aħna nifirħu ħafna meta naraw lill-​istudenti tagħna jsiru entużjasti meta jifhmu x’tistaʼ tgħallimna l-​Bibbja, meta jiżviluppaw fidi vera, jagħmlu bidliet f’ħajjithom, u jibdew jgħidu lil oħrajn x’qed jitgħallmu. Ġesù wkoll kien ferħan ħafna meta s-​70 dixxiplu li bagħat “ġew lura ferħanin” minħabba l-​esperjenzi tajbin li kellhom.—Luqa 10:17-21.

13 Ħutna madwar id-​dinja jkunu ferħanin meta jaraw kif il-​messaġġ tal-​Bibbja jgħin lin-​nies itejbu ħajjithom. Pereżempju, oħt single jisimha Anna riedet taħdem iktar għal Ġeħova. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Allura marret f’post fl-​Ewropa tal-​Lvant fejn hemm bżonn taʼ iktar ħaddiema. Hi kitbet: “Hawn ħafna opportunitajiet biex tikkonduċi studji tal-​Bibbja, u dan jogħġobni wisq. Ix-​xogħol tal-​ippritkar iġibli ħafna ferħ. Meta nasal id-​dar, ma jkollix ħin naħseb fuqi nnifsi. Jien naħseb fuq dawk li qed nistudja magħhom—l-​inkwiet u l-​ansjetajiet tagħhom. Infittex modi kif ninkuraġġihom u ngħinhom b’modi prattiċi. U sirt konvinta li ‘hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.’”—Atti 20:35.

Minkejja kif iwieġbu n-​nies, li nxandru l-​messaġġ t’Alla jagħmilna ferħanin

14. Kif tistaʼ tieħu pjaċir tipprietka anke jekk in-​nies ma jisimgħux?

14 Anke jekk in-​nies ma jisimgħuniex meta nippritkaw, aħna nistgħu nkunu ferħanin għax nagħtuhom l-​opportunità li jisimgħu l-​aħbar tajba. Ġeħova jistenniena nagħmlu l-​istess ħaġa li qal lil Eżekjel jagħmel: “Trid tgħidilhom kliemi, sew jekk jisimgħu u sew jekk le.” (Eżekjel 2:7; Isaija 43:10) Allura, minkejja kif iwieġbu n-​nies, Ġeħova japprezza l-​isforzi tagħna. (Aqra Ebrej 6:10.) Dwar il-​ministeru tiegħu, wieħed ħu qal: “Aħna ħawwilna, saqqejna, u tlabna bit-​tama li Ġeħova jkabbar l-​interess.”—1 Korintin 3:6.

Meta mmorru f’kull dar fit-territorju tagħna, aħna nagħtu l-opportunità lin-nies biex jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna (Ara paragrafu 14)

KIF NISTGĦU NKUNU FERĦANIN

15. Għandna nkunu ġenerużi biss jekk in-​nies japprezzaw? Spjega.

15 Ġesù jridna nkunu ġenerużi għax dan jagħmilna ferħanin. Meta nkunu ġenerużi, ħafna nies ikunu ġenerużi wkoll. Allura hu jinkuraġġina: “Idraw agħtu, u n-​nies jagħtukom. Iferrgħulkom f’ħoġorkom kejl tajjeb, marsus, mheżżeż, u mfawwar. Għax bil-​kejl li tkejlu, ikejlulkom lura.” (Luqa 6:38) M’għandniex xi ngħidu, meta tkun ġeneruż, mhux in-​nies kollha se japprezzaw. Imma anke meta huma ma japprezzawx, ibqaʼ agħti. Ma tistax tgħid kemm ġid tistaʼ tagħmel b’att wieħed biss taʼ ġenerożità.

16. Maʼ min għandna nkunu ġenerużi, u għaliex?

16 Nies li verament huma ġenerużi ma jagħtux għax jistennew xi ħaġa lura. Ġesù qal: “Meta tagħmel festa, stieden lill-​foqra, lill-​magħtubin, liz-​zopop, lill-​għomja; u tkun hieni, għax dawn m’għandhomx biex ipattulek.” (Luqa 14:13, 14) Il-​Bibbja tgħid li min ikun ġeneruż se jitbierek. Tgħid ukoll: “Hieni min jaġixxi b’konsiderazzjoni mal-​batut.” (Proverbji 22:9; Salm 41:1) Aħna għandna nkunu ġenerużi għax tassew nixtiequ ngħinu lil oħrajn.

17. B’liema modi li jferrħuna nistgħu nagħtu?

17 Meta Pawlu kkwota kliem Ġesù li “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi,” hu ma kienx qed jitkellem biss dwar l-​għoti t’affarijiet materjali. Aħna nistgħu nagħtu wkoll l-​inkuraġġiment lin-​nies, parir mill-​Bibbja, u għajnuna prattika. (Atti 20:31-35) B’dak li qal u għamel, Pawlu għallimna kemm hu importanti li nkunu ġenerużi bil-​ħin, l-​enerġija, l-​attenzjoni, u l-​imħabba tagħna.

18. X’jgħidu ħafna riċerkaturi dwar li nkunu ġenerużi?

18 Riċerkaturi li jistudjaw fuq l-​imġiba tal-​bniedem ukoll sabu li meta nagħtu nkunu ferħanin. Skont artiklu, in-​nies jgħidu li jħossuhom bil-​qabda iżjed ferħanin wara li jagħmlu affarijiet tajbin għal oħrajn. Ir-​riċerkaturi jgħidu li meta ngħinu lil oħrajn, inħossu li ħajjitna għandha skop u fiha tifsir. B’hekk, xi esperti jissuġġerixxu li n-​nies jagħmlu xogħol volontarju biex ikunu iżjed f’saħħithom u iktar ferħanin. Bla dubju, dak li sabu ma jissorprendiniex, għax il-​Ħallieq tagħna kollu mħabba, Ġeħova, dejjem qalilna li meta nagħtu nkunu ferħanin.—2 Timotju 3:16, 17.

IBQAʼ KUN ĠENERUŻ

19, 20. Int għala trid tkun ġeneruż?

19 Meta n-​nies madwarna jimpurtahom biss minnhom infushom, dan jistaʼ jkun diffiċli biex nibqgħu nkunu ġenerużi. Imma Ġesù fakkarna li l-​ikbar żewġ kmandamenti huma li nħobbu lil Ġeħova b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’moħħna kollu, u b’saħħitna kollha u li nħobbu lill-​proxxmu tagħna bħalna nfusna. (Marku 12:28-31) F’dan l-​artiklu tgħallimna li dawk li jħobbu lil Ġeħova jimitawh. Ġeħova u Ġesù t-​tnejn huma ġenerużi. Huma jinkuraġġuna nimxu fuq l-​eżempju tagħhom, għax jafu li dan jagħmilna verament ferħanin. Jekk inkunu ġenerużi f’dak li nagħmlu għal Alla u għall-​proxxmu tagħna, aħna se nonoraw lil Ġeħova u se nibbenefikaw kemm aħna kif ukoll oħrajn.

20 Ċertament, int diġà qed tagħmel l-​aħjar li tistaʼ biex tkun ġeneruż u tgħin lil oħrajn, speċjalment lil ħutek Kristjani. (Galatin 6:10) Jekk tibqaʼ tagħmel dan, in-​nies se japprezzaw u jħobbuk, u int se tkun ferħan. Il-​Bibbja tgħid: “Ir-​ruħ ġeneruża titqawwa [jew, “tiġi ppremjata”], u min isaqqi bix-​xabaʼ lil oħrajn jissaqqa bix-​xabaʼ hu wkoll.” (Proverbji 11:25) Fil-​ħajja u l-​ministeru tagħna hemm ħafna modi kif nistgħu nagħtu mingħajr egoiżmu u nkunu qalbna tajba u ġenerużi. L-​artiklu li jmiss se jitkellem dwar ftit minn dawn il-​modi.

^ par. 13 L-​isem ġie mibdul.