Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Għala ħadd m’għandu permess li jitfaʼ pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fuq websajts oħrajn jew fuq il-​midja soċjali?

Xi wħud jaħsbu li peress li noffru l-​pubblikazzjonijiet tagħna mingħajr ħlas, huma jistgħu jikkopjawhom jew jitfgħuhom fuq websajts oħrajn jew fuq il-​midja soċjali. Imma dan jistaʼ jġib problemi serji u jmur kontra t-​Termini tal-​użu * (ara n-​nota taʼ taħt) għall-​websajts tagħna. Dawn it-​Termini jgħidu b’mod ċar li ħadd m’għandu permess “jitfaʼ stampi, pubblikazzjonijiet elettroniċi, trademarks, mużika, ritratti, vidjows, jew artikli minn din il-​websajt għal fuq l-​Internet (kwalunkwe websajt, file-​sharing site, video-​sharing site, jew netwerk soċjali).” Dawn ir-​regoli għala huma neċessarji?

Il-​materjal kollu fuq il-​websajts tagħna hu copyrighted, jiġifieri, li hu protett mil-​liġi. Dan hu importanti għax jgħin biex ma jintużax b’mod ħażin. L-​apostati u nies oħrajn li jridu jagħmlu ħsara lix-​xogħol tagħna kultant ipoġġu l-​pubblikazzjonijiet tagħna fuq il-​websajts tagħhom biex jattiraw l-​attenzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova u oħrajn. Imma fuq dawn il-​websajts ipoġġu wkoll materjal li jqajjem id-​dubji fl-​imħuħ tan-​nies. (Salm 26:4; Proverbji 22:5) Oħrajn użaw il-​materjal tagħna jew il-​logo tal-​jw.org f’reklami, fl-​apps tal-​mowbajls jew tablets, u fuq prodotti li jbigħu. Imma peress li l-​materjal tagħna u l-​logo tagħna huma protetti mil-​liġi, aħna nistgħu ntellgħuhom il-​qorti u nwaqqfuhom milli jagħmlu dan. (Proverbji 27:12) Imma l-​qrati għandhom mnejn ma jappoġġjawniex jekk inħallu lil xi nies, saħansitra lill-​aħwa, jitfgħu l-​pubblikazzjonijiet tagħna fuq websajts oħrajn jew jużaw il-​logo tal-​jw.org biex ibigħu prodotti.

Jekk inniżżlu, jew niddawnlowdjaw, il-​pubblikazzjonijiet tagħna minn xi mkien ieħor apparti jw.org, dan jistaʼ jkun taʼ periklu. Ġeħova jagħtina l-​ikel spiritwali permezz tal-​“ilsir leali u għaqli” biss. (Mattew 24:45) Dan “l-​ilsir” juża biss il-​websajts uffiċjali tiegħu biex jipprovdi ikel spiritwali—www.pr418.com, tv.pr418.com, u wol.pr418.com. U aħna għandna biss tliet apps uffiċjali għall-​mowbajls u t-​tabletsJW Language®, JW Library®, u JW Library Sign Language®. Fuq dawn il-​websajts u l-​apps mhux se nsibu reklami jew xi affarijiet oħra mid-​dinja taʼ Satana. Imma jekk inġibu l-​pubblikazzjonijiet tagħna minn fuq websajt jew app oħra, ikun hemm il-​periklu li dawn jistgħu jkunu ġew mibdulin b’xi mod.—Salm 18:26; 19:8.

Flimkien maʼ dan, jekk nitfgħu l-​materjal tagħna fuq websajts fejn in-​nies jistgħu jagħmlu l-​kummenti, dan jippermetti lill-​apostati u oħrajn biex jikkritikaw l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Xi aħwa mbagħad joqogħdu jargumentaw maʼ dawn in-​nies, u dan iġib saħansitra iktar diżunur lil Ġeħova. Diskussjonijiet bħal dawn fuq l-​Internet mhumiex il-​mod xieraq kif nikkoreġu l-​ħsieb taʼ xi ħadd u ngħinuh jifhem il-​verità. (1 Timotju 6:3-​5; 2 Timotju 2:23-​25) Ukoll, xi wħud jagħmlu websajts u accounts fuq il-​midja soċjali li jidhru li huma ġejjin mill-​organizzazzjoni jew minn aħwa tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Imma dawn huma foloz. L-​ebda membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna ma għandu Web page personali jew account fuq xi sit tal-​midja soċjali.

Meta ngħidu lin-​nies biex jidħlu fuq jw.org, inkunu qed nappoġġjaw l-​ippritkar tal-​“aħbar tajba.” (Mattew 24:14) Il-​websajts u l-​apps tagħna qed isiru dejjem aħjar. Aħna rridu li kulħadd jibbenefika minnhom. Allura, aħna għandna permess li nibagħtu kopja taʼ xi pubblikazzjoni jew link tal-​websajt permezz taʼ e-​mail. B’dal-​mod, inkunu qed inwasslu lin-​nies lejn l-​uniku sors li Ġeħova qed juża biex jagħti l-​ikel spiritwali, “l-​ilsir leali u għaqli.”

^ par. 1 Tistaʼ ssib link għat-​Termini tal-​użu fin-​naħa t’isfel tal-​paġna tad-​dħul taʼ jw.org/mt. Dawn ir-​regoli japplikaw għal kull ħaġa li hi disponibbli fuq il-​websajts tagħna.