Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tiġġudikax fuq dak li jidher minn barra

Tiġġudikax fuq dak li jidher minn barra

“Tibqgħux tiġġudikaw fuq dak li jidher minn barra, imma ġġudikaw b’ġudizzju ġust.”—ĠWANNI 7:24.

GĦANJIET: 142, 123

1. Isaija xi pprofetizza dwar Ġesù, u dan għala hu inkuraġġanti?

IL-​PROFEZIJA t’Isaija dwar Ġesù Kristu tinkuraġġina u tagħtina tama. Isaija bassar li Ġesù ma kellux “jiġġudika biss fuq dak li jara b’għajnejh, lanqas ma jwiddeb sempliċement skond dak li jismaʼ b’widnejh” u li “bis-​sewwa [kellu] jiġġudika lill-​batuti.” (Isaija 11:3, 4) Dan għala hu inkuraġġanti? Għaliex aħna ngħixu f’dinja mimlija preġudizzju, u n-​nies jiġġudikaw lil xulxin fuq dak li jaraw. Għalhekk, veru għandna bżonn l-​Imħallef perfett, Ġesù, li qatt mhu se jiġġudikana fuq il-​mod kif nidhru minn barra!

2. Xi kkmandana nagħmlu Ġesù, u x’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 Kuljum, aħna nifformaw opinjonijiet dwar oħrajn. Imma m’aħniex perfetti bħal Ġesù, allura l-​opinjonijiet tagħna wkoll mhumiex perfetti. Aħna malajr niġu influwenzati minn dak li naraw. Minkejja dan, Ġesù kkmandana: “Tibqgħux tiġġudikaw fuq dak li jidher minn barra, imma ġġudikaw b’ġudizzju ġust.” (Ġwanni 7:24) Jidher ċar li Ġesù jridna nkunu bħalu u ma niġġudikawx lil oħrajn minħabba l-​mod kif jidhru minn barra. F’dan l-​artiklu, se niddiskutu tliet affarijiet li jistgħu jaffettwaw l-​opinjoni tagħna: ir-​razza jew in-​nazzjonalità taʼ individwu, kemm għandu flus, u kemm għandu żmien. F’kull każ, se nitgħallmu kif nistgħu nobdu lil Ġesù u ma niġġudikawx lil oħrajn mill-​mod kif jidhru minn barra.

TIĠĠUDIKAX SKONT IR-​RAZZA JEW IN-​NAZZJONALITÀ

3, 4. (a) Pietru għala biddel il-​mod kif kien jaħsibha dwar il-​Ġentili? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) Ġeħova liema verità ġdida għallem lil Pietru?

3 Immaġina kif ħassu l-​appostlu Pietru meta ġie mitlub imur Ċesarija, fid-​dar taʼ Ġentil, raġel li ma kienx Lhudi, jismu Kornelju! (Atti 10:17-29) Pietru kien trabba fit-​twemmin li l-​Ġentili kienu nies mhux nodfa. Imma issa ġraw xi affarijiet li ġegħluh jaħsibha differenti. Pereżempju, hu rċieva viżjoni mingħand Alla. (Atti 10:9-16) F’din il-​viżjoni, Pietru ra bħal qisu liżar nieżel mis-​sema, mimli annimali li kienu jitqiesu mhux nodfa skont il-​Liġi. Imbagħad leħen qallu: “Qum, Pietru, oqtol u kul!” Tliet darbiet, Pietru b’mod sod irrifjuta. Kull darba, il-​leħen qallu: “Tibqax issejjaħ imniġġes dak li naddaf Alla.” Wara l-​viżjoni, Pietru ma kienx għadu fehem x’kien qed jipprova jgħidlu l-​leħen. Eżatt wara waslu l-​messaġġiera taʼ Kornelju. L-​ispirtu qaddis qal lil Pietru biex imur fid-​dar taʼ Kornelju, allura hu mar mal-​messaġġiera.

4 Kieku Pietru ġġudika “fuq dak li jidher minn barra,” hu qatt ma kien imur id-​dar taʼ Kornelju. Il-​Lhud qatt ma kienu jmorru fid-​dar tal-​Ġentili. Allura Pietru għala mar? Minkejja li kien preġudikat kontra l-​Ġentili, il-​viżjoni li kien ra u d-​direzzjoni tal-​ispirtu qaddis kienu biddlulu l-​mod taʼ kif jaħsibha. Wara li Pietru semaʼ lil Kornelju, hu qal: “Tassew qed nifhem li Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.” (Atti 10:34, 35) Din il-​fehma ġdida kienet eċċitanti għal Pietru u kienet se taffettwa lill-​Kristjani kollha. Kif?

Jistaʼ jkun li għad għandna xi sentimenti taʼ preġudizzju, minkejja li naħsbu li aħna imparzjali?

5. (a) Ġeħova xi jrid lill-​Kristjani kollha jifhmu? (b) Għalkemm nafu l-​verità, liema sentimenti xorta jistaʼ jkun li għad għandna?

5 Ġeħova uża lil Pietru biex jgħin lill-​Kristjani kollha jifhmu li Hu mhuwiex parzjali. Għal Ġeħova, ir-​razza, in-​nazzjonalità, it-​tribù, jew il-​lingwa tagħna ma tagħmilx differenza. Dment li nibżgħu minn Alla u nagħmlu t-​tajjeb, aħna nkunu approvati minnu. (Galatin 3:26-28; Rivelazzjoni 7:9, 10) Int forsi diġà tafu dan. Imma x’jistaʼ jiġri jekk trabbejt f’pajjiż jew f’familja fejn il-​preġudizzju kien komuni? Għalkemm int forsi taħseb li m’intix parzjali, jistaʼ jkun li xorta għad għandek xi sentimenti taʼ preġudizzju? Anki wara li Pietru għen lil oħrajn jaraw li Alla mhux parzjali, hu xorta wera preġudizzju. (Galatin 2:11-14) Allura kif nistgħu nobdu lil Ġesù u nieqfu niġġudikaw lil oħrajn fuq kif jidhru minn barra?

6. (a) X’jistaʼ jgħinna neħilsu mill-​preġudizzju? (b) Ir-​rapport tal-​anzjan x’kixef dwaru?

6 Biex inkunu nafu jekk għandniex xi sentimenti taʼ preġudizzju, aħna għandna bżonn neżaminaw lilna nfusna. Għandna bżonn inqabblu l-​attitudni tagħna maʼ dak li nitgħallmu fil-​Kelma t’Alla. (Salm 119:105) Nistgħu wkoll insaqsu lil xi ħabib jekk jinnotax xi tip taʼ preġudizzju li aħna ma nistgħux naraw fina. (Galatin 2:11, 14) Nistgħu tant inkunu mdorrijin b’dawn is-​sentimenti li lanqas biss nindunaw li aħna preġudikati! Dan hu dak li ġara lil wieħed anzjan. Hu kiteb rapport dwar koppja beżlin li kienu fis-​servizz full-​time. Ir-​raġel kien minn grupp etniku li ħafna kienu jqisuh bħala inferjuri. L-​anzjan kiteb ħafna affarijiet sbieħ fuq il-​ħu imma żied: “Għalkemm hu minn [din in-​nazzjonalità], il-​manjieri u l-​mod kif jgħix ħajtu jgħinu lil oħrajn jifhmu li billi tkun [minn dan il-​grupp etniku] mhux bilfors ifisser li għandek stil taʼ ħajja inferjuri u maħmuġa fiżikament, xi ħaġa tipika għal ħafna minn [dan il-​grupp].” X’inhi l-​lezzjoni għalina? Li għandna kemm għandna responsabbiltà fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, irridu neżaminaw lilna nfusna u naċċettaw l-​għajnuna biex inkunu nistgħu nidentifikaw kwalunkwe sentiment taʼ preġudizzju li għad għandna f’qalbna. X’nistgħu nagħmlu iktar?

7. Kif nistgħu nuru li “wessajna qalbna”?

7 Jekk “wessajna qalbna,” aħna se nħallu l-​imħabba tieħu post il-​preġudizzju. (2 Korintin 6:11-13) Tippreferi int tqattaʼ ħin maʼ nies tal-​istess razza, nazzjonalità, tribù, jew lingwa tiegħek? Jekk iva, ipprova qattaʼ wkoll ħin m’oħrajn. Tistaʼ tistieden aħwa minn backgrounds differenti biex jaħdmu miegħek fuq is-​service jew tistaʼ tistidinhom għall-​ikel jew get-​together id-​dar. (Atti 16:14, 15) Maż-​żmien, qalbek tant se tkun mimlija bi mħabba li mhux se jibqaʼ post għall-​preġudizzju. Issa ejja niddiskutu mod ieħor kif nistgħu niġġudikaw “fuq dak li jidher minn barra.”

TIĠĠUDIKAX BEJN FQIR JEW SINJUR

8. Skont Levitiku 19:15, kif nistgħu niġu affettwati minn kemm oħrajn huma fqar jew sinjuri?

8 Il-​ħarsa tagħna lejn oħrajn tistaʼ tiġi affettwata minn kemm huma fqar jew sinjuri. Levitiku 19:15 jgħid: “Tittrattax lill-​batut [jew, “lill-​fqir”] bil-​parzjalità, u tippreferix lil xi ħadd għax hu kbir [jew, “sinjur”]. Għandek tiġġudika lil sieħbek bil-​ġustizzja.” Kif jistaʼ l-​fatt li xi ħadd ikun fqir jew sinjur jaffettwa l-​mod kif inħarsu lejh?

9. Liema verità taʼ swied il-​qalb kiteb Salamun, u din x’tgħallimna?

9 Salamun kien ispirat jikteb din il-​verità taʼ swied il-​qalb: “Wieħed taʼ ftit mezzi jiġi mibgħud minn sieħbu stess, imma ħafna huma l-​ħbieb taʼ l-​għani [jew, tas-​sinjur].” (Proverbji 14:20) X’jgħallimna dan il-​proverbju? Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nkunu rridu nagħmlu ħbieb m’aħwa li għandhom ħafna flus, u mhux mal-​fqar. Għala hu perikoluż ħafna li niġġudikaw in-​nies fuq dak li għandhom jew m’għandhomx?

10. Ġakbu dwar liema problema wissiehom lill-​Kristjani?

10 Jekk niġġudikaw lil ħutna skont jekk humiex foqra jew sinjuri, nistgħu nibdew noħolqu firdiet fil-​kongregazzjoni. Dan ġara f’xi kongregazzjonijiet fl-​ewwel seklu, u Ġakbu wissa lil dawk il-​Kristjani dwarha. (Aqra Ġakbu 2:1-4.) Ma nistgħux inħallu li jkun hemm firdiet fil-​kongregazzjoni tagħna. Mela, kif nistgħu nevitaw li niġġudikaw lil oħrajn fuq dak li għandhom?

Għandna b’umiltà naċċettaw l-​għajnuna biex nidentifikaw kwalunkwe sentiment taʼ preġudizzju li għad għandna f’qalbna

11. L-​affarijiet materjali jaffettwaw ir-​relazzjoni taʼ persuna maʼ Ġeħova? Spjega.

11 Aħna għandna naraw lil ħutna bil-​mod kif jarahom Ġeħova. Persuna mhijiex prezzjuża għal Ġeħova għax hi fqira jew sinjura. Ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova m’għandha x’taqsam xejn maʼ kemm għandna flus jew maʼ kemm għandna affarijiet materjali. Huwa veru li Ġesù qal “li se jkun diffiċli għal raġel għani biex jidħol fis-​saltna tas-​smewwiet,” imma hu ma qalx li se jkun impossibbli. (Mattew 19:23) Ġesù qal ukoll: “Henjin intom il-​foqra, għax tagħkom hi s-​saltna t’Alla.” (Luqa 6:20) Imma dan ma jfissirx li n-​nies foqra kollha kienu se jisimgħu lil Ġesù u jirċievu barkiet speċjali. Kien hemm ħafna foqra li ma marrux wara Ġesù. Ir-​realtà hi li ma nistgħux niġġudikaw ir-​relazzjoni taʼ persuna maʼ Ġeħova mill-​affarijiet materjali li għandha.

12. X’tgħallem l-​Iskrittura kemm lin-​nies foqra kif ukoll lin-​nies sinjuri?

12 Fost il-​poplu taʼ Ġeħova, hemm aħwa li huma foqra u oħrajn li huma sinjuri. Imma kollha jħobbu lil Ġeħova u jaqduh b’qalb sħiħa. L-​Iskrittura tgħid lis-​sinjuri biex “ma jqegħdux it-​tama tagħhom f’rikkezzi li ma tistax torbot fuqhom imma f’Alla.” (Aqra l-​1 Timotju 6:17-19.) Fl-​istess ħin, il-​Kelma t’Alla twissi lill-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova, foqra u sinjuri, li hu perikoluż li jħobbu l-​flus. (1 Timotju 6:9, 10) Meta naraw lil ħutna bil-​mod kif jarahom Ġeħova, aħna mhux se niġġudikawhom fuq dak li għandhom jew m’għandhomx. Imma xi ngħidu dwar l-​età taʼ persuna? Hija din raġuni biex niġġudikaw lil oħrajn?

TIĠĠUDIKAX SKONT L-​ETÀ

13. X’tgħallimna l-​Bibbja dwar li nuru rispett lejn uħud kbar fl-​età?

13 Il-​Bibbja spiss issemmi li għandna nirrispettaw lill-​uħud kbar fl-​età. Levitiku 19:32 jgħid: “Quddiem ix-​xagħar griż għandek tqum, u uri konsiderazzjoni lejn il-​persuna taʼ raġel xiħ, u ibżaʼ minn Alla tiegħek.” Proverbji 16:31 jgħidilna li “x-​xagħar griż hu kuruna taʼ sbuħija meta jkun fit-​triq tas-​sewwa.” Pawlu qal lil Timotju biex ma jikkritikax lil raġel imdaħħal fiż-​żmien imma jittrattah bħala missieru. (1 Timotju 5:1, 2) Għalkemm Timotju kellu ċertu ammont taʼ awtorità li jagħti direzzjoni lil uħud kbar fl-​età, hu dejjem kellu juri mogħdrija u rispett.

14. Meta jistaʼ jkun li jkollna bżonn nikkoreġu lil xi ħadd anki jekk ikun akbar minna fl-​età?

14 Xi ngħidu jekk xi ħadd akbar fl-​età jagħmel dnub apposta jew jippromwovi xi ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova? Ġeħova mhux se jiskuża lil xi ħadd li jidneb apposta, anki jekk dan ikun kbir fl-​età u rispettat. Innota l-​prinċipju li nsibu f’​Isaija 65:20: “Il-​midneb, għalkemm ikollu mitt sena jiġi misħut.” Prinċipju simili nsibuh fil-​viżjoni taʼ Eżekjel. (Eżekjel 9:5-7) Mela, l-​iktar ħaġa importanti hi li nirrispettaw lil Ġeħova, ix-​Xiħ fil-​Jiem. (Danjel 7:9, 10, 13, 14) Ir-​rispett tagħna lejh se jagħtina l-​kuraġġ li għandna bżonn biex nikkoreġu persuna li teħtieġ l-​għajnuna, għandha kemm għandha żmien.—Galatin 6:1.

Turi int rispett lejn irġiel żgħażagħ? (Ara paragrafu 15)

15. X’nitgħallmu mill-​appostlu Pawlu dwar li nuru rispett lejn aħwa rġiel żgħażagħ?

15 Imma xi ngħidu għal ħu żagħżugħ? Ifisser dan li ma ħaqqux ir-​rispett tagħna? Le. Pawlu kiteb lil Timotju: “Tħalli lil ħadd qatt imaqdar żgħożitek. Għall-​kuntrarju, kun t’eżempju għall-​uħud leali, fil-​kliem, fil-​kondotta, fl-​imħabba, fil-​fidi, fis-​safa.” (1 Timotju 4:12) Meta Pawlu kiteb dan, Timotju probabbilment kellu madwar 30 sena. Madankollu, Pawlu kien tah responsabbiltajiet importanti ħafna. X’inhi t-​tagħlima? Qatt m’għandna niġġudikaw aħwa rġiel żgħażagħ minħabba l-​età tagħhom. Aħseb dwar dak kollu li Ġesù għamel sakemm kellu biss 33 sena!

16, 17. (a) L-​anzjani kif jiddeċiedu jekk ħu jikkwalifikax biex ikun qaddej ministerjali jew anzjan? (b) Kif jistgħu opinjonijiet personali jew drawwiet tal-​pajjiż imorru kontra dak li tgħid l-​Iskrittura?

16 F’xi kulturi, in-​nies ma jirrispettawx lill-​irġiel żgħażagħ. Minħabba f’hekk, xi anzjani jaf ma jirrikkmandawx lil raġel żagħżugħ biex jaqdi bħala qaddej ministerjali jew anzjan, anki jekk jikkwalifika għal dan. Imma l-​Bibbja mkien ma tgħid li ħu jrid ikollu ċerta età qabel ma jkun jistaʼ jinħatar bħala qaddej ministerjali jew anzjan. (1 Timotju 3:1-10, 12, 13; Titu 1:5-9) Jekk anzjan jagħmel regola dwar dan minħabba l-​kultura tiegħu, hu ma jkunx qed jimxi mal-​Kelma t’Alla. L-​anzjani m’għandhomx jiġġudikaw aħwa rġiel żgħażagħ skont l-​opinjonijiet tagħhom stess jew skont id-​drawwa f’pajjiżhom imma skont il-​livelli tal-​Kelma t’Alla.—2 Timotju 3:16, 17.

17 Jekk l-​anzjani ma jimxux mal-​livelli tal-​Bibbja meta jiġu biex jaħtru qaddejja ministerjali jew anzjani, jaf ikunu qed iżommu lura aħwa li jikkwalifikaw biex jinħatru. F’pajjiż wieħed, qaddej ministerjali kien jieħu ħsieb sew responsabbiltajiet importanti, u l-​anzjani qablu li hu kien jilħaq il-​kwalifiki tal-​Bibbja biex ikun anzjan. Minkejja dan, xi wħud mill-​anzjani kbar fl-​età qalu li hu kien jidher żgħir wisq għal anzjan, allura ma rrikkmandawhx. B’dispjaċir, dan il-​ħu ma ġiex maħtur anzjan, u dan kollu minħabba l-​mod kif kien jidher. Għalkemm dan hu eżempju wieħed, raġunar bħal dan hu komuni ħafna f’xi partijiet madwar id-​dinja. Hu importanti ħafna li nistrieħu fuq il-​Bibbja minflok fuq l-​opinjonijiet tagħna stess jew id-​drawwiet tal-​pajjiż. Imbagħad se nobdu lil Ġesù u nieqfu niġġudikaw lil oħrajn mill-​mod kif jidhru.

IĠĠUDIKA B’ĠUDIZZJU ĠUST

18, 19. X’se jgħinna naraw lil ħutna kif jarahom Ġeħova?

18 Aħna imperfetti, imma xorta nistgħu nitgħallmu naraw lil oħrajn mingħajr preġudizzju, kif jarahom Ġeħova. (Atti 10:34, 35) Għalhekk, għandna dejjem noqogħdu attenti għat-​tfakkiriet mill-​Kelma t’Alla. Meta napplikawhom, aħna nkunu qed nobdu l-​kmand taʼ Ġesù: “Tibqgħux tiġġudikaw fuq dak li jidher minn barra.”—Ġwanni 7:24.

19 Dalwaqt is-​Sultan tagħna, Ġesù Kristu, se jiġġudika lin-​nies kollha. Il-​ġudizzju tiegħu se jkun ibbażat fuq il-​livelli ġusti t’Alla, mhux fuq dak li jara jew jismaʼ. (Isaija 11:3, 4) Kemm inħarsu ’l quddiem għal dak iż-​żmien sabiħ!