Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 31

Aħna “ma naqtgħux qalbna”!

Aħna “ma naqtgħux qalbna”!

“Għalhekk, ma naqtgħux qalbna.”—2 KOR. 4:16.

GĦANJA 128 Nissaportu sat-​tmiem

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’għandhom jagħmlu l-​Kristjani biex jispiċċaw it-​tellieqa għall-​ħajja?

IL-​Kristjani qegħdin f’tellieqa għall-​ħajja. Kemm jekk għadna kif bdejna niġru u kemm jekk ilna fit-​tellieqa għal ħafna snin, jeħtieġ li nibqgħu niġru sakemm nispiċċaw it-​tellieqa. Il-​parir li l-​appostlu Pawlu ta lill-​Kristjani f’Filippi jistaʼ jinkuraġġina nkomplu t-​tellieqa. Uħud f’din il-​kongregazzjoni tal-​ewwel seklu kienu ilhom is-​snin jaqdu lil Ġeħova meta rċivew l-​ittra taʼ Pawlu. Huma diġà kienu qed jaqdu b’lealtà, iżda Pawlu fakkarhom fil-​bżonn li jibqgħu jagħmlu dan bis-​sabar. Hu riedhom jibqgħu jsegwu l-​eżempju tiegħu f’li ‘jiġri lejn il-​mira.’—Flp. 3:14.

2. Il-​parir taʼ Pawlu lill-​Filippin għala kien mogħti fil-​ħin eżatt?

2 Il-​parir taʼ Pawlu lill-​Filippin kien ġie fil-​ħin eżatt. Il-​kongregazzjoni ffaċċjat persekuzzjoni sa mill-​bidu. Kollox beda fis-​sena 50, meta Pawlu u Sila obdew l-​istedina mingħand Alla biex ‘jgħaddu l-​Maċedonja.’ Allura marru Filippi biex jippritkaw l-​aħbar tajba. (Atti 16:9) Hemmhekk sabu mara jisimha Lidja, li ‘semgħethom, u Ġeħova fetħilha qalbha beraħ’ għall-​aħbar tajba. (Atti 16:14) Ma damitx ma tgħammdet flimkien maʼ dawk kollha li kienu joqogħdu f’darha. Iżda x-​Xitan mill-​ewwel beda jqajmilhom l-​inkwiet. Xi rġiel mill-​belt kaxkru lil Pawlu u Sila għal quddiem il-​mexxejja tal-​belt u akkużawhom b’mod falz li kienu qed iqajmu l-​inkwiet. B’hekk, Pawlu u Sila ġew imsawtin, mitfugħin il-​ħabs, u iktar tard imġegħlin jitilqu mill-​belt. (Atti 16:16-40) Qatgħu qalbhom huma? Lanqas xejn! U xi ngħidu għall-​aħwa fil-​kongregazzjoni li kienet għadha kif ifformat? Dawn taʼ min ifaħħarhom għax anke huma ssaportew! Bla dubju kienu inkuraġġiti ferm bl-​eżempju tajjeb li Pawlu u Sila tawhom.

3. Pawlu xi rrealizza, u x’mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 Pawlu kien determinat li ma jaqtax qalbu. (2 Kor. 4:16) Madankollu, kien jaf li sabiex jiġri fit-​tellieqa sal-​aħħar, hu kellu jibqaʼ ffokat fuq il-​mira. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tiegħu? Liema eżempji taʼ fidi fi żmienna juruna li nistgħu nissaportu minkejja l-​problemi? U t-​tama tagħna għall-​futur, kif tistaʼ ssaħħaħ id-​determinazzjoni tagħna biex qatt ma naqtgħu qalbna?

NITGĦALLMU MILL-​EŻEMPJU TAʼ PAWLU

4. Pawlu kif baqaʼ attiv minkejja ċ-​ċirkustanzi tiegħu?

4 Aħseb ftit dwar dak kollu li Pawlu kien qed jagħmel meta kiteb lill-​Filippin. Hu kien Ruma arrestat f’daru. Il-​libertà tiegħu biex jipprietka kienet naqsitlu bil-​kbir. Minkejja dan, hu baqaʼ jagħti xhieda lil min mar iżuru u kiteb ittri lil kongregazzjonijiet ’il bogħod. Bl-​istess mod illum, ħafna Kristjani li ma jistgħux joħorġu minn djarhom, pereżempju minħabba mard jew xjuħija, jieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex jaqsmu l-​aħbar tajba maʼ dawk li jmorru għandhom. Ukoll, jiktbu ittri taʼ inkuraġġiment lil inkwilini li ma jistgħux jintlaħqu personalment.

5. Skont il-​kliem taʼ Pawlu li nsibu f’​Filippin 3:12-​14, x’għenu jibqaʼ ffokat fuq il-​mira?

5 Pawlu ma ħalliex lilu nnifsu jiġi aljenat, la bl-​affarijiet tajbin li għamel fil-​passat u lanqas bl-​iżbalji tiegħu. Fil-​fatt qal illi ‘li jinsa l-​affarijiet taʼ warajh’ kien meħtieġ sabiex ‘jiġġebbed biex jilħaq l-​affarijiet li hemm quddiemu,’ jiġifieri, li jkompli t-​tellieqa b’suċċess. (Aqra Filippin 3:12-14.) X’kienu xi ftit mill-​affarijiet li setgħu aljenawh? L-​ewwel, is-​suċċessi li kellu Pawlu fil-​Ġudaiżmu qabel sar Kristjan kienu kbar. Madankollu qies dawn l-​affarijiet bħala “qabda skart.” (Flp. 3:3-8) It-​tieni, hu ma ħalliex il-​ħtija taʼ meta ppersegwita lill-​Kristjani twaqqfu milli jaqdi lil Ġeħova. U t-​tielet, hu ma rraġunax li diġà kien għamel biżżejjed għal Ġeħova. Pawlu kien għamel ħafna xogħol tajjeb avolja kien il-​ħabs, imsawwat, imħaġġar, nieqes mill-​ikel u l-​ilbies, u għadda minn nawfraġju. (2 Kor. 11:23-27) Madankollu, minkejja dak kollu li kien għamel u sofra, Pawlu kien jaf li kellu jkompli fit-​triq li qabad. Aħna għandna nagħmlu l-​istess.

6. X’inhuma xi ftit mill-​‘affarijiet taʼ warajna’ li forsi għandna bżonn ninsew?

6 Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Pawlu f’‘li ninsew l-​affarijiet taʼ warajna’? Xi wħud minna forsi jkollhom bżonn jegħlbu sentimenti taʼ ħtija minħabba dnubiet tal-​passat. Jekk dan hu veru fil-​każ tiegħek, għala ma tibdiex proġett taʼ studju personali li jiffoka fuq is-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa? Jekk aħna nistudjaw, nimmeditaw, u nitolbu dwar dan is-​suġġett inkuraġġanti, nistgħu ngħinu lilna nfusna biex ninħelsu minn ħtija bla bżonn. Għandna mnejn saħansitra nieqfu nikkastigaw lilna nfusna għal dnubiet li Ġeħova ħafer. Aħseb dwar lezzjoni oħra li nistgħu nitgħallmu minn Pawlu. Xi wħud għandhom mnejn ċedew xogħol li setaʼ għamilhom sinjuri biex ikunu jistgħu jaħdmu iżjed għal Ġeħova. Jekk dan hu l-​każ, nistgħu aħna ninsew l-​affarijiet taʼ warajna billi nirrifjutaw li nħarsu lura bix-​xenqa lejn opportunitajiet materjali li stajna tlifna? (Num. 11:4-6; Ekk. 7:10) ‘L-​affarijiet taʼ warajna’ jistgħu jinkludu wkoll affarijiet li għamilna fis-​servizz taʼ Ġeħova jew provi li ssaportejna fil-​passat. Bla dubju, li niftakru kif Ġeħova berikna u appoġġjana matul is-​snin jistaʼ jressaqna eqreb lejn Missierna. Madankollu, qatt ma rridu naħsbu li għamilna biżżejjed għal Ġeħova.—1 Kor. 15:58.

Fit-tellieqa għall-ħajja għandna nevitaw dak li jaljenana u nibqgħu ffokati fuq il-mira tagħna (Ara paragrafu 7)

7. Skont l-​1 Korintin 9:24-27, x’hemm bżonn biex nirbħu t-​tellieqa għall-​ħajja? Agħti eżempju.

7 Pawlu fehem sew il-​kliem taʼ Ġesù: “Stinkaw kemm tifilħu.” (Lq. 13:23, 24) Pawlu kien jaf li bħal Kristu kellu jistinka sal-​aħħar nett. Hu b’hekk qabbel il-​ħajja Kristjana tagħna maʼ tellieqa. (Aqra l-​1 Korintin 9:24-27.) Wieħed li jiġri f’tellieqa jibqaʼ ffokat fuq it-​tmiem tagħha u jevita affarijiet li jaljenawh. Pereżempju, dawk li jiġru f’tellieqa għandhom mnejn jiġru fi triq mimlija ħwienet u affarijiet oħra li jistgħu jaljenawhom. Tistaʼ timmaġina lil wieħed minnhom jieqaf biex jara l-​affarijiet li jkunu fil-​vetrini tal-​ħwienet? Mhux jekk irid jirbaħ! Fit-​tellieqa għall-​ħajja, aħna wkoll għandna nevitaw l-​affarijiet li jaljenawna. Jekk nibqgħu ffokati fuq il-​mira tagħna u nistinkaw kemm nifilħu bħal Pawlu, aħna se nirbħu l-​premju!

KIF NIBQGĦU NAQDU LIL ĠEĦOVA MINKEJJA L-​ISFIDI

8. Liema tliet sfidi se nikkunsidraw?

8 Ejja issa nikkunsidraw tliet sfidi li jistgħu jġegħluna nnaqqsu l-​pass. Dawn huma stennijiet imtawla, saħħa fiżika li tbatti, u provi li jdumu ħafna. Aħna nistgħu nibbenefikaw milli nitgħallmu kif oħrajn kampaw f’dawn iċ-​ċirkustanzi.—Flp. 3:17.

9. L-​istennijiet imtawla kif jistgħu jaffettwawna?

9 Stennijiet imtawla. Naturalment, aħna nixxennqu għall-​affarijiet tajbin li Ġeħova wiegħed. Fil-​fatt meta Ħabakkuk, il-​profeta taʼ Ġeħova, esprima x-​xewqa qawwija li kellu biex Ġeħova jġib it-​tmiem għall-​kundizzjonijiet ħżiena f’​Ġuda, Ġeħova qallu biex ‘jibqaʼ jistenna.’ (Ħab. 2:3) Madankollu, meta t-​twettiq tal-​istennijiet tagħna jidher li qed idum, dan jistaʼ jnaqqsilna ż-​żelu tagħna. Nistgħu wkoll naqtgħu qalbna. (Prov. 13:12) Dan ġara lil xi aħwa għall-​ħabta tal-​1914. Dak iż-​żmien, ħafna Kristjani midlukin stennew li jirċievu l-​premju tagħhom għas-​sema fl-​1914. Meta dan ma seħħx, l-​uħud leali kif trattaw mal-​istennijiet imtawla tagħhom?

Royal u Pearl Spatz ma rawx it-twettiq tat-tama tagħhom fl-1914, imma baqgħu leali għal ħafna għaxriet taʼ snin (Ara paragrafu 10)

10. Waħda koppja kif trattaw mal-​istennijiet imtawla?

10 Aħseb ftit fuq l-​eżempju taʼ żewġ aħwa leali li kellhom din l-​isfida. Ħuna Royal Spatz tgħammed fl-​1908 meta kellu 20 sena. Kien fiduċjuż ħafna li dalwaqt kien se jirċievi l-​premju tiegħu. Fil-​fatt, meta ppropona ż-​żwieġ lill-​għarusa tiegħu Pearl fl-​1911, hu qalilha: “Int taf x’se jiġri fl-​1914. Jekk se niżżewġu, aħjar ma ndumux!” Qatgħu qalbhom din il-​koppja Kristjana fit-​tellieqa għall-​ħajja meta ma rċivewx il-​premju tagħhom għas-​sema fl-​1914? Le, għax huma kkonċentraw l-​iktar fuq li lealment jagħmlu r-​rieda t’Alla, u mhux fuq li jieħdu l-​premju. Kienu determinati li jiġru t-​tellieqa bis-​sabar. Tabilħaqq, Royal u Pearl baqgħu attivi u leali sakemm spiċċaw il-​ħajja tagħhom fuq l-​art ħafna għaxriet taʼ snin wara. Żgur li int tħares ’il quddiem għaż-​żmien meta Ġeħova jneħħi t-​tmaqdir minn fuq ismu, jagħti prova li l-​mod taʼ tmexxija tiegħu hi tajba, u jwettaq il-​wegħdi kollha tiegħu. Ibqaʼ ċert li dawn l-​affarijiet se jseħħu fiż-​żmien li Ġeħova għażel. Sadanittant, jalla jibqaʼ jkollna x’nagħmlu f’li naqdu lil Alla tagħna, u qatt ma nħallu l-​istennijiet imtawla jiskuraġġuna jew iġegħluna nnaqqsu l-​pass.

Anke fi xjuħitu, Arthur Secord ried jagħmel l-aħjar li setaʼ għal Ġeħova (Ara paragrafu 11)

11-12. Għala nistgħu nibqgħu naqdu lil Ġeħova lealment anke jekk is-​saħħa fiżika tagħna battiet? Agħti eżempju.

11 Saħħa fiżika li tbatti. Xi ħadd li jieħu sehem f’tellieqa jkollu bżonn ħafna enerġija. Iżda int m’għandekx bżonn tkun fiżikament b’saħħtek biex tkompli tissaħħaħ spiritwalment. Fil-​fatt, ħafna minn dawk li saħħithom battiet xorta għad għandhom determinazzjoni qawwija biex jagħtu l-​aħjar tagħhom lil Ġeħova. (2 Kor. 4:16) Pereżempju, meta Ħuna Arthur Secord * kellu 88 sena, kien diġà ilu jaqdi Betel għal 55 sena. Issa kien dgħajjef u saħħtu ma kinitx tajba. Darba minnhom resqet lejh ners biex tara x’għandu bżonn. Ħarset lejh u b’qalb tajba qaltlu: “Ħuna Secord, int ivvjaġġajt ħafna fis-​servizz taʼ Ġeħova.” Madankollu, Arthur ma kienx qed jgħix fil-​passat. Hu ħares f’għajnejha, tbissem, u wieġeb: “Iva, veru. Imma dak li għamilna mhux importanti. Dak li nagħmlu minn issa ’l quddiem jgħodd.”

12 Forsi ilek is-​snin taqdi lil Ġeħova u issa s-​saħħa batuta tiegħek qed iżżommok lura milli tagħmel xogħol daqskemm darba kont. Jekk dan hu l-​każ, tiskuraġġix ruħek. Ibqaʼ ċert li Ġeħova jgħożż is-​servizz leali li għamilt fil-​passat. (Ebr. 6:10) U rigward il-​preżent, ftakar li devozzjoni sħiħa ma titkejjilx skont kemm nagħmlu xogħol fis-​servizz taʼ Ġeħova. Minflok, aħna nuru kemm inħobbuh meta jkollna attitudni tajba u nagħmlu dak kollu li nistgħu. (Kol. 3:23) Ġeħova jifhem il-​limitazzjonijiet tagħna u ma jitlobx minna iktar milli nistgħu nagħtuh.—Mk. 12:43, 44.

Anatoly u Lidiya Melnik issaportew lealment minkejja ħafna provi (Ara paragrafu 13)

13. L-​esperjenza taʼ Anatoly u Lidiya kif tinkuraġġina nkomplu naqdu lil Ġeħova, minkejja ħafna provi?

13 Provi li jdumu ħafna. Uħud mix-​Xhieda taʼ Ġeħova ssaportew għaxriet taʼ snin taʼ provi u persekuzzjoni. Pereżempju, Anatoly Melnik * kellu biss 12-​il sena meta missieru kien arrestat, mitfugħ il-​ħabs, u eżiljat fis-​Siberja, iktar minn 7,000 kilometru ’l bogħod minn familtu fil-​Moldova. Sena wara, Anatoly, ommu, u n-​nanniet tiegħu wkoll ġew eżiljati fis-​Siberja. Maż-​żmien setgħu jattendu l-​laqgħat f’villaġġ ieħor, imma kellhom jimxu 30 kilometru fil-​borra u jissaportu temperaturi taħt iż-​żero. Iktar tard, Ħuna Melnik qattaʼ tliet snin il-​ħabs, ’il bogħod minn martu Lidiya, u bintu taʼ sena. Minkejja snin taʼ provi, Anatoly u l-​familja tiegħu komplew jaqdu lil Ġeħova lealment. Issa Anatoly għandu 82 sena u jaqdi f’Kumitat tal-​Fergħa fl-​Asja Ċentrali. Bħal Anatoly u Lidiya, jalla nagħmlu dak kollu li nistgħu fis-​servizz taʼ Ġeħova u nkomplu nissaportu bħalma għamilna fil-​passat.—Gal. 6:9.

IMMOTIVATI BIT-​TAMA TAGĦNA GĦALL-​FUTUR

14. Pawlu xi rrealizza li kellu jagħmel biex jilħaq il-​mira tiegħu?

14 Pawlu kien fiduċjuż li kien se jispiċċa t-​tellieqa u jilħaq il-​mira tiegħu. Bħala Kristjan midluk, hu ħares ’il quddiem għal li jikseb il-​premju għas-​sema. Madankollu, biex jilħaq din il-​mira, hu rrealizza li kellu jibqaʼ ‘jiġri.’ (Flp. 3:14) Pawlu uża tixbiha interessanti biex jgħin lill-​Filippin jibqgħu ffokati fuq il-​mira tagħhom.

15. Pawlu kif uża t-​tixbiha taċ-​ċittadinanza ħalli jinkuraġġixxi lill-​Kristjani Filippin biex jibqgħu ‘jiġru’?

15 Pawlu fakkar lill-​Filippin li huma kienu ċittadini tas-​sema. (Flp. 3:20) Għala kellhom bżonn jiftakru dan? Dak iż-​żmien, iċ-​ċittadinanza Rumana kienet taʼ valur kbir għaliex tathom ħafna benefiċċji. * Madankollu, il-​Kristjani midlukin kellhom ċittadinanza ferm aħjar, waħda li kienet se tagħtihom vantaġġi bil-​wisq ikbar. Imqabblin maʼ li jkunu ċittadini tal-​gvern fis-​sema, li jkunu ċittadini Rumani ftit li xejn kellu valur. Għal din ir-​raġuni, Pawlu inkuraġġixxa lill-​Filippin: “Ġibu ruħkom kif jixraq lill-​aħbar tajba dwar il-​Kristu.” (Flp. 1:27) Il-​frażi “ġibu ruħkom” f’dan il-​vers tfisser “komplu bħala ċittadini,” jew ġibu ruħkom bħala ċittadini. Il-​Kristjani midlukin illum jagħtuna eżempju mill-​aħjar hekk kif ikomplu jiġru lejn il-​mira tagħhom taʼ ħajja taʼ dejjem fis-​sema.

16. Kemm jekk it-​tama tagħna hi għas-​sema jew għall-​art, x’għandna nibqgħu nagħmlu skont Filippin 4:6, 7?

16 Kemm jekk it-​tama tagħna hi ħajja taʼ dejjem fis-​sema jew fuq art magħmula ġenna, aħna għandna nkomplu niġru lejn dik il-​mira. Huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tagħna, m’għandniex inħarsu lejn l-​affarijiet taʼ warajna; lanqas m’għandna nħallu xi ħaġa ttellef il-​progress tagħna. (Flp. 3:16) It-​twettiq tal-​istennijiet tagħna jistaʼ jidher li ttardja, jew is-​saħħa fiżika tagħna għandha mnejn qed tbatti. Forsi ssaportejna provi u persekuzzjoni għal ħafna snin. Hi x’inhi s-​sitwazzjoni, “tkunu ansjużi fuq xejn.” Pjuttost, ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu b’talb bil-​ħerqa, u hu jagħtikom paċi li hi aħjar minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ timmaġina.—Aqra Filippin 4:6, 7.

17. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

17 Bħal wieħed f’tellieqa li jiffoka fuq li jispiċċaha iktar ma jasal lejn it-​tmiem tagħha, aħna wkoll niffokaw kompletament fuq il-​mira li nispiċċaw it-​tellieqa għall-​ħajja. Sakemm jippermettulna s-​saħħa u ċ-​ċirkustanzi tagħna, jalla nistinkaw u nagħmlu progress b’żelu biex niksbu l-​affarijiet meraviljużi li hemm quddiemna. Kif nistgħu nibqgħu nissaportu biex inkomplu niġru fid-​direzzjoni t-​tajba? L-​artiklu li jmiss se jgħinna nagħmlu miri xierqa u ‘naċċertaw ruħna minn dak li hu iktar importanti.’—Flp. 1:9, 10.

GĦANJA 79 Għallimhom iżommu sod

^ par. 5 Ilna kemm ilna naqdu lil Ġeħova, aħna rridu nkomplu nimmaturaw u ntejbu l-​qima tagħna lejh. L-​appostlu Pawlu inkuraġġixxa lil sħabu Kristjani biex ma jiqfux jagħmlu dan. Meta aħna naqraw l-​ittra tiegħu lill-​Filippin, niġu inkuraġġiti biex nissaportu fit-​tellieqa tagħna għall-​ħajja. Dan l-​artiklu se jurina kif napplikaw il-​kliem imnebbaħ taʼ Pawlu.

^ par. 11 Ara l-​bijografija taʼ Ħuna Secord, “My Part in Advancing Right Worship,” fil-​ħarġa bl-​Ingliż tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Ġunju 1965.

^ par. 13 Ara l-​bijografija taʼ Ħuna Melnik, “Taught From Childhood to Love God,” fil-​ħarġa bl-​Ingliż taʼ Stenbaħ! tat-​22 taʼ Ottubru 2004.

^ par. 15 In-​nies li kienu jgħixu f’Filippi kellhom ftit mid-​drittijiet taċ-​ċittadini Rumani. B’hekk, l-​aħwa Filippin setgħu jifhmu t-​tixbiha taʼ Pawlu.