Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġwanni l-Battista—Eżempju li jistaʼ jgħinna nibqgħu ferħanin

Ġwanni l-Battista—Eżempju li jistaʼ jgħinna nibqgħu ferħanin

HEMM xi ħaġa li tixtieq tagħmel fil-​kongregazzjoni imma bħalissa ma tistax? Forsi tkun xi responsabbiltà li ħaddieħor għandu. Jew tistaʼ tkun inkarigu taʼ servizz, jew privileġġ, li kont tagħmel fil-​passat. Madankollu, l-​età, is-​saħħa batuta, id-​diffikultajiet ekonomiċi, jew ir-​responsabbiltajiet tal-​familja li għandek bħalissa jillimitaw dak li tistaʼ tagħmel. Jew minħabba bidliet fl-​organizzazzjoni, forsi kellek tieqaf mill-​inkarigu li kont ilek tagħmel għal żmien twil. Hi x’inhi r-​raġuni, forsi tħoss li m’intix tagħmel dak li tixtieq fis-​servizz t’Alla. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, huwa normali li kultant forsi tħossok diżappuntat. Xorta waħda, x’jistaʼ jgħinek ma tkunx dejjem skuraġġit, irrabjat, jew imdejjaq? Kif tistaʼ tibqaʼ ferħan?

Mill-​eżempju taʼ Ġwanni l-​Battista nistgħu nitgħallmu xi ħaġa importanti dwar kif nibqgħu ferħanin. Hu gawda privileġġi tal-​għaġeb, iżda aktarx stenna li ħajtu fis-​servizz taʼ Ġeħova tkun differenti milli kienet. Hu forsi qatt ma immaġina li kellu jqattaʼ iktar żmien il-​ħabs milli fil-​ministeru tiegħu. Minkejja dan, Ġwanni kompla jkun ferħan, u baqaʼ jkollu din l-​attitudni għall-​kumplament taʼ ħajtu. X’għenu? U aħna kif nistgħu nibqgħu ferħanin anke meta nesperjenzaw diżappunti?

INKARIGU TAʼ FERĦ

Fir-​rebbiegħa tas-​sena 29, Ġwanni beda l-​inkarigu li tah Ġeħova, dak li jipprepara n-​nies għall-​wasla tal-​Messija. Hu qal: “Indmu, għax qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.” (Mt. 3:2; Lq. 1:12-17) Ħafna wieġbu għal dan. Fil-​fatt, folol taʼ nies vjaġġaw distanzi twal biex jisimgħu l-​messaġġ tiegħu, u ħafna tqanqlu biex jindmu u jitgħammdu. Ukoll, Ġwanni b’kuraġġ wissa lill-​mexxejja reliġjużi, li riduha taʼ tajbin, dwar il-​ġudizzju li kien ġej għalihom jekk ma jinbidlux. (Mt. 3:5-12) Ġwanni għamel l-​iktar ħaġa importanti fil-​ministeru tiegħu meta għammed lil Ġesù matul il-​ħarifa tas-​sena 29. Minn dakinhar, Ġwanni dderieġa lin-​nies biex isegwu lil Ġesù, il-​Messija mwiegħed.—Ġw. 1:32-37.

Meta qies l-​irwol uniku taʼ Ġwanni, Ġesù setaʼ jgħid: “Fost dawk li twieldu min-​nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-​Battista.” (Mt. 11:11) Żgur li Ġwanni feraħ bil-​barkiet li ngħata. Bħalu, ħafna llum esperjenzaw barkiet mill-​isbaħ. Ejja naraw l-​eżempju taʼ ħu jismu Terry. Hu u martu, Sandra, qattgħu 50 sena fis-​servizz full-​time. Terry jgħid: “Kelli ħafna barkiet sbieħ. Qdejt bħala pijunier, Betelit, pijunier speċjali, indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet, indokratur tad-​distrett, u issa rġajt qed naqdi bħala pijunier speċjali.” Aħna nifirħu meta nirċievu inkarigi fis-​servizz taʼ Ġeħova, imma bħalma se nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġwanni, meta ċ-​ċirkustanzi tagħna jinbidlu jinvolvi sforz biex nibqgħu ferħanin.

IBQAʼ URI APPREZZAMENT

Ġwanni l-​Battista baqaʼ ferħan għax dejjem apprezza l-​privileġġ li kellu. Ejja nieħdu eżempju taʼ dan. Wara l-​magħmudija taʼ Ġesù, in-​numru taʼ segwaċi taʼ Ġwanni beda jonqos filwaqt li dak taʼ Ġesù beda jiżdied. Inkwetati dwar dan, id-​dixxipli taʼ Ġwanni avviċinawh u qalulu: “Ara, dan qed jgħammed u kulħadd sejjer għandu.” (Ġw. 3:26) Ġwanni wieġeb: “Dak li għandu l-​għarusa hu l-​għarus. Madankollu, meta l-​ħabib taʼ l-​għarus jieqaf u jisimgħu, jifraħ ħafna minħabba leħen l-​għarus. Għalhekk, dan il-​ferħ tiegħi ntgħamel sħiħ.” (Ġw. 3:29) Ġwanni ma kkompetiex maʼ Ġesù; lanqas ma ħass li xogħlu kien bla valur minħabba li dak taʼ Ġesù kien iktar importanti. Minflok, Ġwanni baqaʼ ferħan għax baqaʼ japprezza l-​irwol tiegħu bħala “l-​ħabib taʼ l-​għarus.”

L-​attitudni taʼ Ġwanni għenitu jibqaʼ ferħan avolja l-​inkarigu tiegħu kien diffiċli. Pereżempju, hu kien Nażirit mit-​twelid, u b’hekk ma setax jixrob inbid. (Lq. 1:15) “Ġwanni la ġie jiekol u lanqas jixrob,” qal Ġesù, meta rrefera għall-​ħajja sempliċi tiegħu. Mill-​banda l-​oħra, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu ma kellhomx restrizzjonijiet bħal dawn u għexu ħajja iktar normali. (Mt. 11:18, 19) Ukoll, filwaqt li Ġwanni m’għamel l-​ebda miraklu, hu kien jaf li d-​dixxipli taʼ Ġesù, inkluż uħud li kienu d-​dixxipli tiegħu, setgħu jagħmlu l-​mirakli. (Mt. 10:1; Ġw. 10:41) Minflok ma qagħad iħalli differenzi bħal dawn itellfuh, hu baqaʼ jkollu x’jagħmel fl-​inkarigu li kellu mingħand Ġeħova.

Jekk aħna wkoll ngħożżu l-​inkarigu li għandna bħalissa fis-​servizz taʼ Ġeħova, nistgħu nipproteġu l-​ferħ li għandna. Terry, li ssemma qabel, jgħid, “Jien ikkonċentrajt fuq kull inkarigu li ngħatajt.” Meta jaħseb dwar ħajtu fis-​servizz full-​time, hu jgħid, “Għandi biss memorji mill-​isbaħ u l-​ebda dispjaċir.”

Aħna nkunu iktar ferħanin jekk naħsbu dwar x’jagħmel kwalunkwe inkarigu u responsabbiltà fis-​servizz taʼ Ġeħova verament speċjali. Dan hu l-​privileġġ li aħna “ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Kor. 3:9) Oġġett prezzjuż se jibqaʼ sabiħ jekk dejjem nieħdu ħsiebu. Bl-​istess mod, aħna se nibqgħu ferħanin jekk nibqgħu naħsbu dwar l-​unur li għandna li naħdmu maʼ Ġeħova. Aħna mhux se nqabblu l-​isforzi tagħna maʼ dawk t’oħrajn. U mhux se nqisu l-​privileġġ tagħna bħala t’inqas valur minħabba l-​privileġġi li għandu ħaddieħor.—Gal. 6:4.

IFFOKA FUQ DAK LI HU IMPORTANTI GĦAL ĠEĦOVA

Ġwanni setaʼ kien jaf li l-​ministeru tiegħu ma kienx se jdum għal ħafna żmien, imma forsi ma rrealizzax kemm kien se jispiċċa ħabta u sabta. (Ġw. 3:30) Fis-​sena 30, xi sitt xhur wara li għammed lil Ġesù, Ġwanni ġie mitfugħ il-​ħabs mis-​Sultan Erodi. Madankollu, Ġwanni għamel kulma setaʼ biex ikompli jagħti xhieda. (Mk. 6:17-​20) X’kien se jgħinu jibqaʼ ferħan matul dawn il-​bidliet? Hu baqaʼ ffokat fuq dak li hu importanti għal Ġeħova.

Waqt li kien il-​ħabs, Ġwanni waslulu rapporti dwar it-​tkabbir tal-​ministeru taʼ Ġesù. (Mt. 11:2; Lq. 7:18) Hu kien konvint li Ġesù kien il-​Messija imma setaʼ tħasseb kif dan kien se jwettaq kulma l-​Iskrittura qalet dwaru. Peress li Ġwanni kien jaf li l-​Messija kien se jsir sultan, hu setaʼ tħasseb jekk Ġesù kienx se jsir sultan dalwaqt. Setaʼ tħasseb ukoll jekk kienx se jeħilsu mill-​ħabs. Ħerqan li jkollu fehma iktar ċara tal-​irwol taʼ Ġesù, Ġwanni bagħat tnejn mid-​dixxipli tiegħu biex jistaqsuh: “Int Dak li għandu jiġi jew għandna nistennew lil ħaddieħor?” (Lq. 7:19) Nistgħu nimmaġinaw kemm semaʼ b’attenzjoni hekk kif marru lura ħdejh u wasslulu dak li qalilhom Ġesù: “L-​għomja qed jingħataw id-​dawl, iz-​zopop qed jimxu, l-​imġiddmin qed jiġu mnaddfin u t-​torox qed jisimgħu, il-​mejtin qed jitqajmu, il-​foqra qed tintqalilhom l-​aħbar tajba.”—Lq. 7:20-22.

Ġwanni żgur li ssaħħaħ bir-​rapport tagħhom. Dan ikkonferma li Ġesù kien qed iwettaq il-​profeziji Messjaniċi. Għalkemm il-​preżenza taʼ Ġesù ma kinitx se twassal għall-​ħelsien mill-​ħabs taʼ Ġwanni, Ġwanni kien jaf li l-​ministeru tiegħu kien taʼ valur. Minkejja ċ-​ċirkustanzi, kellu kull raġun ikun ferħan.

Aħna jistaʼ jibqaʼ jkollna l-ferħ billi niffokaw fuq rapporti tajbin dwar l-ippritkar tagħna madwar id-dinja

Jekk aħna niffokaw fuq li naqdu lil Ġeħova bħal Ġwanni, se nkunu nistgħu nissaportu bil-​ferħ u l-​paċenzja. (Kol. 1:9-​11) Dan nistgħu nagħmluh billi naqraw il-​Bibbja u nimmeditaw fuqha. B’hekk se niġu mfakkrin li x-​xogħol tagħna fis-​servizz t’Alla għandu valur. (1 Kor. 15:58) Sandra tgħid: “Li naqra kapitlu mill-​Bibbja kuljum għenni nersaq eqreb taʼ Ġeħova. Jgħinni niffoka fuqu u mhux fuqi.” Meta niffokaw fuq rapporti dwar l-​attività tas-​Saltna, aħna nistgħu nieqfu naħsbu biss fuqna nfusna u nikkonċentraw fuq dak li Ġeħova qed iwettaq. “Il-​programmi taʼ kull xahar fuq JW Broadcasting® jgħinuna nħossuna eqreb tal-​organizzazzjoni,” tgħid Sandra, “u jgħinuna nibqgħu ferħanin fl-​inkarigu tagħna.”

Matul il-​ftit żmien li Ġwanni l-​Battista pprietka, hu għamel dan “bl-​ispirtu u l-​qawwa t’Elija,” u bħal Elija, hu “kien raġel b’sentimenti bħal tagħna.” (Lq. 1:17; Ġak. 5:17) Jekk nimitaw l-​eżempju tiegħu t’apprezzament u li baqaʼ ffokat fuq li jaqdi lil Ġeħova, anke aħna nistgħu nibqgħu ferħanin fis-​servizz tagħna tas-​Saltna, jiġri x’jiġri.