ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 34
Int Prezzjuż fil-Kongregazzjoni taʼ Ġeħova!
“Għax bħalma l-ġisem hu wieħed imma għandu ħafna membri, u l-membri kollha taʼ dak il-ġisem, għalkemm ħafna, huma ġisem wieħed, hekk ukoll hu l-Kristu.”—1 KOR. 12:12.
GĦANJA 101 Naħdmu flimkien f’unità
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Xi privileġġ ingawdu?
XI PRIVILEĠĠ għandna li nagħmlu parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova! Aħna ngawdu paċi u ferħ kbir hekk kif naqdu lil Ġeħova maʼ ħutna fil-kongregazzjoni. X’inhu l-irwol tiegħek fil-kongregazzjoni?
2. L-appostlu Pawlu x’eżempju uża f’diversi ittri li kiteb?
2 Mill-eżempju li uża l-appostlu Pawlu f’diversi ittri li kiteb, nistgħu nitgħallmu dwar l-irwol li għandna fil-kongregazzjoni. F’kull waħda minn dawn l-ittri, Pawlu qabbel il-kongregazzjoni mal-ġisem taʼ bniedem. Hu qabbel ukoll kull persuna fil-kongregazzjoni mal-partijiet tal-ġisem.—Rum. 12:4-8; 1 Kor. 12:12-27; Efes. 4:16.
3. Liema tliet lezzjonijiet se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
3 F’dan l-artiklu se nitgħallmu tliet lezzjonijiet importanti mill-eżempju taʼ Pawlu. L-ewwel, li kull wieħed u waħda minna għandu rwol * fil-kongregazzjoni taʼ Ġeħova. It-tieni, x’nistgħu nagħmlu jekk ma nifhmux x’inhu l-irwol tagħna fil-kongregazzjoni. U t-tielet, għala għandna niffokaw fuq l-irwol li Ġeħova tana fil-kongregazzjoni.
KULL WIEĦED MINNA GĦANDU RWOL FIL-KONGREGAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA
4. X’nitgħallmu minn Rumani 12:4, 5?
4 L-ewwel lezzjoni li nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Pawlu hija li kull wieħed minna għandu rwol fil-kongregazzjoni. Pawlu beda l-eżempju billi qal: “Għax bħalma f’ġisem wieħed għandna ħafna membri, iżda mhux il-membri kollha għandhom l-istess xogħol, bl-istess mod, għalkemm ħafna, aħna ġisem wieħed f’unjoni maʼ Kristu, imma kull wieħed minna membru taʼ l-ieħor.” (Rum. 12:4, 5) X’ried ifisser Pawlu? Li kull wieħed u waħda minna għandu rwol differenti fil-kongregazzjoni u kulħadd huwa importanti.
5. Ġeħova xi pprovdielhom lill-kongregazzjonijiet?
5 Meta taħseb f’dawk li għandhom irwol fil-kongregazzjoni, forsi l-ewwel li jiġuk f’moħħok huma dawk li jmexxu. (1 Tess. 5:12; Ebr. 13:17) Fil-fatt, permezz taʼ Kristu, Ġeħova lill-kongregazzjonijiet tiegħu pprovdielhom “irġiel bħala għotjiet.” (Efes. 4:8) Dawn l-“irġiel bħala għotjiet” jinkludu membri tal-Ġemgħa li Tiggverna, l-ajjutanti tal-Ġemgħa li Tiggverna, membri tal-Kumitati tal-Fergħa, indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, għalliema fi skejjel tal-organizzazzjoni, anzjani, u qaddejja ministerjali. Dawn l-aħwa jintgħażlu minn Ġeħova permezz tal-ispirtu qaddis biex jieħdu ħsieb lin-nagħaġ prezzjużi tiegħu u biex isaħħu lill-kongregazzjoni.—1 Pt. 5:2, 3.
6. Skont l-1 Tessalonikin 2:6-8, aħwa li huma magħżulin bl-ispirtu qaddis x’jagħmlu?
6 Permezz tal-ispirtu qaddis, aħwa jintgħażlu biex jieħdu ħsieb responsabbiltajiet differenti. Bħalma kull parti hija bżonjuża biex il-ġisem jaħdem sew, dawn l-aħwa jaħdmu iebes flimkien għal ġid tal-kongregazzjoni kollha. Dan ma jagħmluhx biex jidhru imma għax jixtiequ jgħinu u jsaħħu lill-aħwa. (Aqra l-1 Tessalonikin 2:6-8.) Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova li tana dawn l-irġiel kwalifikati li jpoġġu l-interessi taʼ oħrajn qabel tagħhom!
7. Dawk li huma fis-servizz full-time, x’barkiet igawdu?
7 Xi wħud fil-kongregazzjoni jistgħu jiġu inkarigati biex jaqdu bħala missjunarji, pijunieri speċjali, jew pijunieri regulari. Infatti, aħwa madwar id-dinja għamlu x-xogħol tal-ippritkar u li jagħmlu dixxipli l-karriera tagħhom. Minħabba d-deċiżjoni li ħadu, għenu lil ħafna jsiru dixxipli taʼ Kristu Ġesù. Minkejja li ħafna minn dawn li jaqdu lil Ġeħova fis-servizz full-time m’għandhomx ħafna flus u affarijiet, Ġeħova tahom ħafna barkiet. (Mk. 10:29, 30) Aħna nħobbuhom ħafna lil dawn l-aħwa u napprezzaw li huma jagħmlu parti mill-kongregazzjoni.
8. Għala kull pubblikatur tal-aħbar tajba hu prezzjuż għal Ġeħova?
8 Dawk l-aħwa rġiel b’responsabbiltajiet u dawk li jaqdu fis-servizz full-time biss għandhom irwol fil-kongregazzjoni? Żgur li le! Kull pubblikatur tal-aħbar tajba hu importanti għal Ġeħova u għall-kongregazzjoni. (Rum. 10:15; 1 Kor. 3:6-9) Fil-fatt, l-iktar mira importanti tal-kongregazzjoni hi li nagħmlu dixxipli taʼ Ġesù Kristu. (Mt. 28:19, 20; 1 Tim. 2:4) Dawk kollha li jippritkaw, kemm dawk il-pubblikaturi mgħammdin u kemm dawk li mhumiex, jipprovaw jagħmlu dan ix-xogħol l-iktar ħaġa importanti f’ħajjithom.—Mt. 24:14.
9. Għala napprezzaw lill-aħwa nisa Kristjani?
Lq. 8:2, 3; Atti 16:14, 15; Rum. 16:3, 6; Flp. 4:3; Ebr. 11:11, 31, 35) Aħna nirringrazzjaw ħafna lil Ġeħova li fil-kongregazzjoni għandna nisa Kristjani li għandhom dawn il-kwalitajiet sbieħ ukoll!
9 Ġeħova juri li jqishom taʼ valur lill-aħwa nisa billi jagħtihom xogħol importanti fil-kongregazzjoni. Hu japprezza lin-nisa miżżewġin, lill-ommijiet, lir-romol, u lin-nisa single li jaqduh lealment. Il-Bibbja titkellem dwar ħafna nisa li għoġbu lil Alla. Huma ġew imfaħħrin minħabba l-għerf, il-fidi, iż-żelu, il-kuraġġ, il-ġenerożità li wrew, u x-xogħol li għamlu. (10. Aħna għala napprezzaw l-aħwa kbar fl-età?
10 Aħna ferħanin ukoll li għandna ħafna aħwa kbar fl-età fil-kongregazzjoni. Xi kongregazzjonijiet għandhom aħwa bħal dawn li qdew lil Ġeħova lealment matul ħajjithom kollha. Oħrajn m’ilhomx li ġew fil-verità. Sew dawk li ilhom fil-verità u sew dawk li m’ilhomx, ħafna minnhom għandhom problemi taʼ saħħa minħabba l-età. Allura, ma jistgħux jagħmlu ħafna fil-kongregazzjoni u fil-ministeru. Però, dawn l-aħwa jagħmlu dak li jistgħu biex jippritkaw. Ukoll, jagħmlu l-almu tagħhom biex jinkuraġġixxu u jittrennjaw lil oħrajn. U aħna nitgħallmu ħafna minn dak li għaddew minnu f’ħajjithom. Huma verament għeżież għal Ġeħova u għalina!—Prov. 16:31.
11-12. Kif ġejt inkuraġġit mit-tfal u ż-żgħażagħ fil-kongregazzjoni tiegħek?
11 Aħseb ukoll dwar it-tfal u ż-żgħażagħ. Huma jiffaċċjaw ħafna problemi hekk kif qed jikbru f’din is-sistema kkontrollata minn Satana x-Xitan u l-ideat tiegħu. (1 Ġw. 5:19) Imma kemm inħossuna inkuraġġiti meta jikkummentaw fil-laqgħat, jippritkaw, u b’kuraġġ jiddefendu l-verità. Iva, tfal u żgħażagħ, intom għandkom irwol importanti fil-kongregazzjoni taʼ Ġeħova!—Salm 8:2.
12 Però, xi wħud mill-aħwa jaf isibuha diffiċli biex jaraw li għandhom irwol importanti fil-kongregazzjoni. X’jistaʼ jgħinhom? Ejja naraw.
INT PREZZJUŻ FIL-KONGREGAZZJONI
13-14. Xi wħud għala jaf iħossuhom li mhumiex importanti fil-kongregazzjoni?
13 Ejja naraw it-tieni lezzjoni li nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tal-appostlu Pawlu. Hu jsemmi problema li ħafna għandhom illum. Huma jsibuha diffiċli biex jemmnu li huma prezzjużi fil-kongregazzjoni. Pawlu kiteb: “Kieku s-sieq kellha tgħid: ‘La m’iniex id, jien m’iniex parti mill-ġisem,’ b’daqshekk ma jkunx ifisser li mhix parti mill-ġisem. U kieku l-widna kellha tgħid: ‘La m’iniex għajn, jien m’iniex parti mill-ġisem,’ b’daqshekk ma jkunx ifisser li mhix parti mill-ġisem.” (1 Kor. 12:15, 16) Liema lezzjoni ried jgħallimna Pawlu?
14 Jekk toqgħod tqabbel lilek innifsek m’oħrajn fil-kongregazzjoni, jaf tibda taħseb li m’intix importanti. Xi aħwa jafu jgħallmu, oħrajn jafu jorganizzaw, u oħrajn jinqalgħu biex jinkuraġġixxu. Forsi tħossok li m’intix tajjeb daqshom. Dan juri li inti umli u taf il-limitazzjonijiet tiegħek. (Flp. 2:3) Imma oqgħod attent. Jekk toqgħod il-ħin kollu tqabbel l-abbiltajiet tiegħek maʼ t’oħrajn se tiskuraġġixxi ruħek. Jistaʼ jkun li tħossok bħalma qal Pawlu li m’intix importanti fil-kongregazzjoni. X’jistaʼ jgħinek ma tħossokx hekk?
15. Fi qbil mal-1 Korintin 12:4-11, x’għandna nirrealizzaw dwar l-abbiltajiet tagħna?
15 Aħseb dwar dan: Ġeħova ta lil xi Kristjani tal-bidu abbiltajiet speċjali permezz tal-ispirtu qaddis, imma mhux kulħadd irċieva l-istess abbiltà. (Aqra l-1 Korintin 12:4-11.) Għalkemm Ġeħova tahom abbiltajiet differenti, kull Kristjan kien prezzjuż għalih. Illum, ħadd minna ma jirċievi abbiltajiet speċjali permezz tal-ispirtu qaddis. Imma l-fatt jibqaʼ li għalkemm m’għandniex l-istess abbiltajiet, għal Ġeħova kollha prezzjużi.
16. Liema parir irridu napplikaw?
16 Minflok ma nqabblu lilna nfusna m’aħwa oħrajn, irridu napplikaw il-parir tal-appostlu Pawlu: “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.”—Gal. 6:4.
17. Kif se nibbenefikaw jekk napplikaw il-parir taʼ Pawlu?
17 Jekk napplikaw il-parir taʼ Pawlu u naħsbu dwar x’nafu nagħmlu aħna, se nibdew naraw li għandna abbiltajiet li l-oħrajn m’għandhomx. Pereżempju, anzjan jaf ma jkunx jinqalaʼ biex jgħallem fuq il-platform, imma jkun effettiv ħafna fil-ministeru. Jew forsi ma jkunx jaf jorganizza daqs l-anzjani l-oħrajn fil-kongregazzjoni, imma hu dħuli, qalbu tajba, u l-aħwa jħossuhom komdi jitkellmu miegħu. Jew forsi magħruf li hu ospitabbli. (Ebr. 13:2, 16) Meta nieqfu u naħsbu dwar l-abbiltajiet tagħna, se jkollna raġunijiet biex inħossuna ferħanin dwar dak li nistgħu nagħmlu għall-kongregazzjoni. U b’hekk mhux se ngħiru għal ħutna li għandhom abbiltajiet differenti minn tagħna.
18. Kif nistgħu nsiru għalliema aħjar?
18 Ilkoll kemm aħna għandu jkollna x-xewqa li ntejbu l-abbiltajiet tagħna u nagħmlu xogħol aħjar, hu x’inhu l-irwol li għandna. Biex jgħinna nagħmlu dan, Ġeħova jipprovdilna trejning mill-aħjar permezz tal-organizzazzjoni tiegħu. Pereżempju, fil-laqgħa taʼ fost il-ġimgħa nitgħallmu kif nistgħu nkunu effettivi fil-ministeru. Int qiegħed tuża t-trejning li nirċievu?
19. Kif tistaʼ tilħaq il-mira biex tattendi l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna?
19 Trejning ieħor li Ġeħova pprovda hu l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna. Aħwa fis-servizz full-time li għandhom bejn it-23 u l-65 sena jistgħu jattendu din l-iskola. Forsi taħseb li int qatt ma tistaʼ tilħaq din il-mira. Imma minflok ma tagħmel lista għala ma tistax tattendi, agħmel lista għala għandek tattendi. Imbagħad, agħmel miri li se jgħinuk tikkwalifika u tkun tistaʼ tapplika. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova u billi tagħmel l-almu tiegħek, jaf tkun tistaʼ tagħmel dak li inti ħsibt li hu impossibbli.
UŻA L-ABBILTAJIET TIEGĦEK BIEX ISSAĦĦAĦ IL-KONGREGAZZJONI
20. X’nistgħu nitgħallmu minn Rumani 12:6-8?
20 It-tielet lezzjoni li nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Pawlu nsibuha f’Rumani 12:6-8. (Aqra.) Għal darb’oħra, hawnhekk Pawlu juri li fil-kongregazzjoni kulħadd għandu abbiltajiet differenti. Imma issa jenfasizza li għandna nużaw l-abbiltà tagħna, tkun xi tkun, biex ngħinu u nsaħħu l-kongregazzjoni.
21-22. X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn Robert u Felice?
21 Aħseb x’ġara lil ħu jismu Robert. * Hu ġie mitlub biex jaqdi f’Betel ġewwa pajjiżu wara li kien jaqdi f’pajjiż ieħor. L-aħwa kienu qalulu li ma biddlulux l-assignment għax kien għamel xi ħaġa ħażina. Imma hu qal: “Xorta ħassejtni mdejjaq għal ħafna xhur. Kien hemm żmien li anki ridt nieqaf minn Betel.” X’ġiegħlu jħossu aħjar? Anzjan fakkru li kull assignment li Ġeħova jagħtina jkun qed jittrennjana biex inkunu utli fl-assignment li ġej. Robert irrealizza li kellu jieqaf jaħseb fuq il-passat u jiffoka fuq dak li setaʼ jagħmel issa.
22 Ħu jismu Felice Episcopo għadda minn sitwazzjoni simili. Hu u l-mara tiegħu ggradwaw minn Gilegħad fl-1956 u qdew fix-xogħol tas-circuit fil-Bolivja. Fl-1964 kellhom tifel. Felice qal: “L-assignment li kellna kien għal qalbna ħafna, allura sibnieha diffiċli biex nitilquh. Ikolli nammetti li għamilt sena nħossni skuraġġit. Imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova bdilt l-attitudni tiegħi u ffokajt fuq ir-responsabbiltà ġdida tiegħi bħala ġenitur.” Ġieli ħassejtek bħal Robert jew Felice? Ġieli tħossok skuraġġit għax m’għadx għandek l-istess privileġġi li kellek fil-passat? Jekk iva, se tkun iktar ferħan jekk tiffoka fuq dak li tistaʼ tagħmel issa biex taqdi lil Ġeħova u lil ħutek. Għalhekk, aħdem biex tgħin lil ħutek billi tuża l-abbiltajiet tiegħek, u hekk kif issaħħaħ il-kongregazzjoni, int se tħossok ferħan.
23. Xi rridu nagħmlu, u x’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
23 Kull wieħed minna hu prezzjuż għal Ġeħova. Hu jridna nkunu parti mill-familja tiegħu. Jekk nieħdu l-ħin biex nimmeditaw dwar kif nistgħu nsaħħu lil ħutna u naħdmu iebes biex ngħinuhom, aħna se nħossuna iktar parti mill-kongregazzjoni. Imma xi ngħidu għal mod kif inqisu lil ħutna fil-kongregazzjoni? Kif nistgħu nuru li nħobbuhom u nirrispettawhom? Fl-artiklu li jmiss se nikkunsidraw dan is-suġġett importanti.
GĦANJA 24 Ejjew lejn il-muntanja taʼ Ġeħova
^ par. 5 Ilkoll nixtiequ nħossuna maħbubin minn Ġeħova. Imma kultant forsi niddubitaw jekk aħniex bżonjużi għalih. Dan l-artiklu se jgħinna naraw li lkoll kemm aħna prezzjużi fil-kongregazzjoni.
^ par. 3 ESPRESSJONI SPJEGATA: L-irwol li għandna fil-kongregazzjoni taʼ Ġeħova jirreferi għal dak li nistgħu nagħmlu biex insaħħu l-aħwa tal-kongregazzjoni tagħna. Li nsaħħu l-kongregazzjoni ma jiddependix minn fejn aħna, kemm għandna flus, min hi l-familja tagħna, x’inhuma d-drawwiet tagħna, jew kemm għandna skola.
^ par. 21 Xi ismijiet ġew mibdulin.
^ par. 63 X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: It-tliet stampi juru dak li jiġri qabel, waqt, u wara laqgħa tal-kongregazzjoni. L-1 stampa: Anzjan jilqaʼ lil raġel li ġie l-laqgħa, ħu żagħżugħ qed jieħu ħsieb il-microphones, u oħt qed titkellem maʼ oħt kbira fl-età. It-2 stampa: Uħud kbar u żgħar fil-kongregazzjoni qed jipprovaw jikkummentaw waqt l-Istudju taʼ It-Torri tal-Għassa. It-3 stampa: Koppja qed jgħinu fit-tindif tas-Sala tas-Saltna. Omm tgħin lit-tifla tagħha titfaʼ donazzjoni. Ħu żagħżugħ jieħu ħsieb il-letteratura, u ħu ieħor qed jinkuraġġixxi lil oħt kbira fl-età.