Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 35

Irrispetta lil Kulħadd fil-Kongregazzjoni taʼ Ġeħova

Irrispetta lil Kulħadd fil-Kongregazzjoni taʼ Ġeħova

“L-​għajn ma tistax tgħid lill-​id: ‘M’għandix bżonnok’; jew, ir-​ras ma tistax tgħid lis-​saqajn: ‘M’għandix bżonnkom.’”—1 KOR. 12:21.

GĦANJA 124 Dejjem leali

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġeħova x’tahom lill-​qaddejja leali tiegħu?

GRAZZI għall-​imħabba taʼ Ġeħova, kull wieħed mill-​qaddejja leali tiegħu għandu rwol fil-​kongregazzjoni. Minkejja li lkoll kemm aħna nagħmlu xi ħaġa differenti fil-​kongregazzjoni, aħna kollha prezzjużi u għandna bżonn lil xulxin. L-​appostlu Pawlu jgħinna nifhmu din il-​lezzjoni importanti. Kif?

2. Skont Efesin 4:16, għala għandna napprezzaw lil xulxin u naħdmu flimkien?

2 Fl-​iskrittura li dan l-​artiklu hu bbażat fuqha, Pawlu wera biċ-​ċar li ħadd minna ma jistaʼ jgħid lil xi ħadd fil-​kongregazzjoni: “M’għandix bżonnok.” (1 Kor. 12:21) Jekk irridu l-​paċi fil-​kongregazzjoni għandna napprezzaw lil xulxin u naħdmu flimkien. (Aqra Efesin 4:16.) Meta naħdmu flimkien u nikkoperaw, kulħadd se jħossu maħbub u l-​kongregazzjoni se tkun b’saħħitha.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 B’liema modi nistgħu nuru rispett lejn ħutna fil-​kongregazzjoni? F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw kif l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jistgħu juru rispett lejn xulxin. Imbagħad, se naraw kif ilkoll kemm aħna nistgħu nuru li napprezzaw lill-​aħwa li huma single. U se naraw ukoll kif nistgħu nuru l-​apprezzament lejn l-​aħwa li qed jitgħallmu lingwa ġdida.

L-​ANZJANI GĦANDHOM JURU RISPETT LEJN XULXIN

4. Liema parir li nsibu f’​Rumani 12:10 għandhom japplikaw l-​anzjani?

4 L-​anzjani kollha tal-​kongregazzjoni jiġu magħżulin permezz tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. Minkejja dan, kull wieħed minnhom għandu abbiltajiet differenti. (1 Kor. 12:17, 18) Xi wħud forsi m’ilhomx li saru anzjani u għalhekk m’għandhomx ħafna esperjenza. Oħrajn forsi ma jistgħux jagħmlu ħafna minħabba l-​età jew problemi taʼ saħħa. Madankollu, l-​ebda anzjan m’għandu dritt jaħseb li xi anzjan ieħor mhux bżonjuż. Minflok, kull anzjan għandu japplika l-​parir taʼ Pawlu li nsibu f’​Rumani 12:10.—Aqra.

Anzjani juru li jirrispettaw lil xulxin billi jisimgħu sew lil xulxin (Ara paragrafi 5-6)

5. L-​anzjani kif juru li jirrispettaw lil xulxin, u dan għala hu importanti?

5 L-​anzjani juru li jirrispettaw lil xulxin billi jisimgħu sew lil xulxin. Dan huwa importanti ħafna meta l-​ġemgħa tal-​anzjan jiltaqgħu flimkien biex jitkellmu dwar affarijiet importanti. Għala? Innota x’qal It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 t’Ottubru 1988: “L-​anzjani jifhmu li Ġesù jistaʼ juża l-​ispirtu qaddis biex jgħin lil kull anzjan isemmi xi prinċipju mill-​Bibbja. Dan jgħin lill-​anzjani jkunu jafu x’għandhom jagħmlu f’kull sitwazzjoni jew biex jieħdu deċiżjoni importanti.” (Atti 15:6-​15) L-​ispirtu qaddis ma jgħinx biss lil anzjan wieħed, imma lill-​anzjani kollha tal-​kongregazzjoni.

6. X’jgħin lill-​anzjani jaħdmu flimkien, u l-​kongregazzjoni kif tibbenefika meta jagħmlu dan?

6 Anzjan li jirrispetta lill-​anzjani l-​oħrajn, waqt laqgħa tal-​anzjani ma jitkellimx dejjem hu. Dan jagħti ċans lil oħrajn jitkellmu u ma jaħsibx li dejjem għandu raġun. Imma b’rispett u b’umiltà jgħid dak li jħoss u jismaʼ sew l-​opinjoni t’oħrajn. U l-​iktar ħaġa importanti, dak li jgħid ikun ibbażat fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja u d-​direzzjoni tal-​“l-​ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45-​47) Meta l-​anzjani juru l-​imħabba u r-​rispett waqt il-​laqgħat tagħhom, l-​ispirtu qaddis t’Alla se jkun magħhom, u se jiggwidahom biex jieħdu deċiżjonijiet li jsaħħu l-​kongregazzjoni.—Ġak. 3:17, 18.

IRRISPETTA LILL-​KRISTJANI LI HUMA SINGLE

7. Ġesù kif ħassu dwar dawk li kienu single?

7 Fil-​kongregazzjonijiet hemm koppji miżżewġin u familji bit-​tfal. Imma hemm ukoll aħwa single. Kif għandna nħossuna dwar dawn l-​aħwa single? Għandna nħossuna bħalma ħassu Ġesù. Meta kien fuq l-​art, Ġesù ma żżewwiġx. Hu uża l-​ħin tiegħu biex jiffoka fuq l-​inkarigu li kellu. Ġesù qatt ma għallem li Kristjan għandu jiżżewweġ jew jibqaʼ single. Però, hu qal li xi wħud kienu se jagħżlu li ma jiżżewġux. (Mt. 19:11, 12) Ġesù rrispetta lil dawk li kienu single. Hu ma ħasibx li dawn kellhom xi ħaġa inqas minn koppji miżżewġin.

8. Skont l-​1 Korintin 7:7-​9, Pawlu x’qalilhom biex jikkunsidraw lill-​Kristjani?

8 Bħal Ġesù, l-​appostlu Pawlu baqaʼ ma żżewwiġx matul il-​ministeru tiegħu. Pawlu qatt ma għallem li hu ħażin li Kristjan jiżżewweġ. Hu kien jaf li kienet deċiżjoni personali. Però, Pawlu inkuraġġixxa lill-​Kristjani biex, jekk jistgħu, jibqgħu single u jiffokaw fuq li jaqdu lil Ġeħova. (Aqra l-​1 Korintin 7:7-​9.) Żgur li Pawlu ma ħasibx li dawk li huma single għandhom xi ħaġa inqas mill-​Kristjani miżżewġin. Fil-​fatt, hu għażel lil Timotju, ħu single, biex jagħmel affarijiet importanti fis-​servizz taʼ Ġeħova. * (Flp. 2:19-​22) Mela biex ħu jikkwalifika għal xi assignment ma jiddependix jekk ikunx miżżewweġ jew le.—1 Kor. 7:32-​35, 38.

9. X’nistgħu ngħidu dwar dawk li jibqgħu single?

9 La Ġesù u lanqas Pawlu ma għallmu li l-​Kristjani għandhom jiżżewġu jew li għandhom jibqgħu single. Allura x’nistgħu ngħidu dwar dawk li jiżżewġu u dwar dawk li jibqgħu single? It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 t’Ottubru 2012 jispjega li sew jekk inti miżżewweġ u sew jekk le, inti rċivejt rigal mingħand Alla. Ukoll, Ġeħova ma jaħsibx li dawk li huma single għandhom għaliex jistħu jew ikunu mdejqin. Għalhekk, fi qbil maʼ dak li jgħid It-​Torri tal-​Għassa għandna nirrispettaw lill-​aħwa single fil-​kongregazzjoni.

X’għandna nevitaw biex nuru li nirrispettaw lill-aħwa single? (Ara paragrafu 10)

10. Kif nistgħu nirrispettaw lil ħutna single?

10 Kif nistgħu nirrispettaw is-​sentimenti u ċ-​ċirkustanzi taʼ ħutna single? Tajjeb li niftakru li xi aħwa ddeċidew huma li jibqgħu single. Oħrajn jixtiequ jiżżewġu imma għadhom ma sabux il-​persuna addattata. U hemm oħrajn li tilfu l-​maħbub jew il-​maħbuba tagħhom fil-​mewt. Hi x’inhi r-​raġuni, għandhom l-​aħwa jistaqsu lil dawk single għala għadhom ma żżewġux? Jew għandhom jgħinuhom biex isibu lil xi ħadd? Forsi xi aħwa single jitolbu l-​għajnuna huma. Imma jekk ma jitolbux l-​għajnuna, kif jistgħu jħossuhom jekk xi ħu jew oħt tkun trid tipprova ssibilhom lil xi ħadd? (1 Tess. 4:11; 1 Tim. 5:13) Ejja naraw x’qalu xi aħwa single.

11-12. Jekk ma noqogħdux attenti, kif nistgħu niskuraġġixxu lill-​aħwa single?

11 Ħu single li huwa indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet u li jagħmel l-​assignment tiegħu sew, iħoss li hemm ħafna benefiċċji meta tkun single. Imma hu qal li hu skuraġġanti meta aħwa mhux b’intenzjoni ħażina jistaqsu mistoqsijiet bħal: “Kif għadek ma żżewwiġtx?” Ħu ieħor single u li jaqdi f’uffiċċju tal-​fergħa jgħid: “Kultant inħoss li l-​aħwa jitħassruhom lil dawk single. Qisu jekk ma tiżżewwiġx għandek problema u mhux li rċivejt rigal.”

12 Oħt single li taqdi f’Betel qalet: “Xi aħwa jaħsbu li dawk kollha single qed ifittxu lil xi ħadd. Pereżempju, dawn jaħsbu li meta uħud single jkunu fi grupp mal-​aħwa, tkun opportunità tajba biex isibu lil xi ħadd. Meta darba vvjaġġajt minħabba x-​xogħol taʼ Betel, wasalt fil-​ġurnata tal-​laqgħa. L-​oħt li kont se noqgħod għandha qaltli li fil-​kongregazzjoni hemm żewġ ġuvintur tajbin għalija. Hi qaltli li ma kinitx qed tipprova ssibli lil xi ħadd. Imma malli wasalna l-​laqgħa, ħaditni biex tlaqqagħni magħhom. Din kienet vera sitwazzjoni imbarazzanti għalina t-​tlieta.”

13. X’għen lill-​oħt single?

13 Oħt single oħra li taqdi f’Betel tgħid: “Jien naf aħwa kbar fl-​età li huma pijunieri u single. Huma vera orrajt, għandhom skop f’ħajjithom, lesti li jgħinu lil oħrajn, u ferħanin. Vera huma taʼ barka għal kongregazzjoni. Għalkemm mhumiex miżżewġin huma kuntenti. Ma jaħsbux li għax huma single, huma aħjar minn oħrajn. U ma jaħsbux li għax mhumiex miżżewġin u ma għandhomx tfal ma jistgħux ikunu ferħanin.” Għalhekk, hu sabiħ li tkun f’kongregazzjoni fejn kulħadd iħobbok u japprezzak. Għax taf li l-​aħwa la jitħassruk, la jgħiru għal-​libertà li għandek, u lanqas ma jinjorawk jew jaħsbu li inti aħjar minnhom. Imma taf li jħobbuk.

14. Kif nistgħu nuru li nirrispettaw lill-​aħwa single?

14 Dawn l-​aħwa single se jkunu kuntenti iktar jekk aħna napprezzawhom minħabba l-​kwalitajiet tagħhom u mhux nitħassruhom għax huma single. Nagħmlu tajjeb li napprezzaw il-​lealtà tagħhom. Jekk nagħmlu dan, dawn l-​aħwa qatt mhu se jħossu li qed ngħidulhom: ‘M’għandniex bżonnkom.’ (1 Kor. 12:21) Minflok, se jkunu jafu li aħna nirrispettawhom u ferħanin li huma fil-​kongregazzjoni tagħna.

URI RISPETT LEJN DAWK LI QED JITGĦALLMU L-​LINGWA

15. Xi wħud x’bidliet għamlu biex ikunu jistgħu jagħmlu iktar fil-​ministeru?

15 F’dawn l-​aħħar snin, ħafna pubblikaturi għamluha mira li jitgħallmu lingwa barranija biex jagħmlu iktar fil-​ministeru. Biex jilħqu din il-​mira kellhom jagħmlu xi bidliet f’ħajjithom. Dawn l-​aħwa telqu l-​kongregazzjoni tagħhom biex imorru jgħinu f’kongregazzjoni li fiha l-​aħwa jitkellmu lingwa differenti. (Atti 16:9) Din hija deċiżjoni personali li jieħdu dawn l-​aħwa biex jagħmlu iktar għal Ġeħova. Minkejja li forsi jgħaddu s-​snin sakemm jitgħallmu l-​lingwa sew, huma jgħinu ħafna fil-​kongregazzjoni. Il-​kwalitajiet tajbin u l-​esperjenzi tagħhom jgħinu biex isaħħu l-​aħwa. Aħna napprezzaw lil dawn l-​aħwa li jagħmlu dan is-​sagrifiċċju!

16. L-​anzjani fuq liema bażi għandhom jaraw jekk ħu jikkwalifikax bħala anzjan jew qaddej ministerjali?

16 L-​anzjani ma jistgħux jiddeċiedu li ħu ma jikkwalifikax biex ikun anzjan jew qaddej ministerjali għax ma jitkellimx sew il-​lingwa. L-​anzjani se jaraw jekk ħu jikkwalifikax fuq dak li tgħid il-​Bibbja dwar kif għandhom ikunu l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali, u mhux fuq kemm jaf il-​lingwa.—1 Tim. 3:1-​10, 12, 13; Titu 1:5-​9.

17. Il-​ġenituri x’għandhom jiddeċiedu meta jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor?

17 Xi familji Kristjani telqu mill-​pajjiż tagħhom minħabba l-​problemi li kien hemm jew biex isibu xogħol. Minħabba dan, it-​tfal qed imorru l-​iskola u qed jitgħallmu l-​lingwa tal-​pajjiż li qed jgħixu fih. Jistaʼ jkun li anki l-​ġenituri se jkollhom jitgħallmu l-​lingwa biex isibu xogħol. Xi ngħidu jekk hemm kongregazzjoni jew grupp tal-​lingwa tagħhom? Liema kongregazzjoni għandhom jattendu? Għandhom imorru fil-​kongregazzjoni tal-​lingwa tagħhom jew fil-​kongregazzjoni tal-​lingwa taʼ dak il-​pajjiż?

18. Skont Galatin 6:5, kif nistgħu nuru rispett lejn id-​deċiżjoni li jieħu kap taʼ familja?

18 Il-​kap tal-​familja għandu jiddeċiedi maʼ liema kongregazzjoni għandha tmur il-​familja. Minħabba li din hija deċiżjoni personali, hu għandu jara x’inhu l-​aħjar għall-​familja tiegħu. (Aqra Galatin 6:5.) Irridu nirrispettaw id-​deċiżjoni tiegħu. Tkun xi tkun id-​deċiżjoni, ejja naċċettaw l-​għażla tiegħu billi nilqgħuhom bħala familja u nuruhom l-​imħabba.—Rum. 15:7.

19. Il-​kap tal-​familja dwar xiex għandu jaħseb sew u jitlob?

19 F’każijiet oħrajn, jistaʼ jkun li xi familji jmorru f’kongregazzjoni fejn jitkellmu bil-​lingwa tal-​ġenituri, imma li t-​tfal ma jkunux jafu sew. Jekk il-​kongregazzjoni li qegħdin fiha jitkellmu l-​lingwa tal-​ġenituri imma t-​tfal draw il-​lingwa tal-​pajjiż, jistaʼ jkun li t-​tfal isibuha diffiċli biex jifhmu u jagħmlu progress spiritwali. Għala? Għax it-​tfal jaf ikunu qed jattendu skola fejn jitkellmu l-​lingwa tal-​pajjiż u mhux il-​lingwa tal-​ġenituri tagħhom. Meta jiġri hekk, il-​kap tal-​familja għandu jaħseb sew u jitlob għall-​għerf. Dan se jgħinu jiddeċiedi x’għandu jagħmel biex jgħin lit-​tfal tiegħu jersqu qrib Ġeħova u n-​nies tiegħu. Il-​ġenituri se jkollhom, jew jgħinu lit-​tfal biex jitgħallmu l-​lingwa tagħhom sew jew imorru f’kongregazzjoni fejn it-​tfal ikunu jistgħu jifhmu sew. Tkun xi tkun id-​deċiżjoni li jieħu l-​kap tal-​familja, l-​aħwa fil-​kongregazzjoni għandhom juru lill-​familja li huma apprezzati.

Kif nistgħu nuru li napprezzaw lil dawk li qed jitgħallmu lingwa ġdida? (Ara paragrafu 20)

20. Kif nuru li nirrispettaw lill-​aħwa li qed jitgħallmu lingwa ġdida?

20 Minħabba r-​raġunijiet kollha li semmejna, f’ħafna kongregazzjonijiet se jkun hemm aħwa li qed jagħmlu sforz biex jitgħallmu lingwa ġdida. Jistaʼ jkun diffiċli għalihom biex jesprimu dak li jkunu qed jaħsbu. Imma jekk ma niffokawx biss dwar kif jitkellmu l-​lingwa tagħna, se naraw l-​imħabba tagħhom għal Ġeħova u x-​xewqa li jaqduh. Jekk naraw dawn il-​kwalitajiet sbieħ li għandhom, aħna verament se napprezzaw u nirrispettaw lil dawn l-​aħwa. Aħna mhux se ngħidulhom: ‘M’għandniex bżonnkom’ sempliċiment għax ma jafux jitkellmu l-​lingwa tagħna sew.

AĦNA PREZZJUŻI GĦAL ĠEĦOVA

21-22. Xi privileġġ mill-​isbaħ għandna?

21 Ġeħova tana privileġġ sabiħ billi tana rwol fil-​kongregazzjoni tiegħu. Sew jekk int oħt jew ħu, single jew miżżewweġ, żgħir jew kbir fl-​età, titkellem il-​lingwa sew jew għadek qed titgħallimha, int prezzjuż għal Ġeħova u għall-​aħwa.—Rum. 12:4, 5; Kol. 3:10, 11.

22 Jalla nkomplu napplikaw il-​lezzjonijiet sbieħ li tgħallimna mill-​eżempju taʼ Pawlu dwar il-​ġisem tal-​bniedem. Dan se jgħinna noqogħdu attenti x’nistgħu nagħmlu biex ninkuraġġixxu lill-​aħwa. Se jgħinna wkoll nirrispettawhom u nħobbuhom.

GĦANJA 90 Inkuraġġixxu lil xulxin

^ par. 5 In-​nies taʼ Ġeħova huma kollha differenti u lkoll għandhom irwol differenti fil-​kongregazzjoni. Dan l-​artiklu se jgħinna naraw għala huwa importanti li nirrispettaw lil xulxin fil-​kongregazzjoni taʼ Ġeħova.

^ par. 8 M’aħniex ċerti jekk Timotju baqax single.