Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 32

Kun Umli u Agħraf il-Limitazzjonijiet Tiegħek

Kun Umli u Agħraf il-Limitazzjonijiet Tiegħek

Kun modest fil-​mixi tiegħek m’Alla!—MIK. 6:8.

GĦANJA 31 O imxi m’Alla!

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. David x’qal dwar l-​umiltà taʼ Ġeħova?

NISTGĦU verament ngħidu li Ġeħova hu umli? Dażgur li nistgħu! Darba David qal: “Int se tagħtini t-​tarka tiegħek taʼ salvazzjoni, u hi l-​umiltà tiegħek li tagħmilni kbir.” (2 Sam. 22:36; Salm 18:35) Meta David kiteb dan, forsi ftakar meta l-​profeta Samwel mar id-​dar taʼ missieru biex jagħżel lil dak li kien se jkun is-​sultan taʼ Iżrael. David kien l-​iżgħar wieħed mit-​tmien subien, imma hu kien il-​wieħed li Ġeħova għażel biex ikun minflok is-​Sultan Sawl.—1 Sam. 16:1, 10-​13.

2. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 David żgur li qabel maʼ dak li jgħid Salm 113 dwar Ġeħova: “Qed jitbaxxa biex iħares lejn is-​sema u l-​art, iqajjem lill-​batut mit-​trab. Jgħolli lill-​fqir . . . biex iqiegħdu bil-​qiegħda man-​nobbli.” (Salm 113:6-​8) F’dan l-​artiklu, l-​ewwel se nitgħallmu lezzjonijiet importati dwar l-​umiltà billi niddiskutu kif Ġeħova wera din il-​kwalità. Se nitgħallmu iktar dwar l-​umiltà mill-​eżempji tas-​Sultan Sawl, il-​profeta Danjel, u Ġesù.

X’NISTGĦU NITGĦALLMU MILL-​EŻEMPJU TAʼ ĠEĦOVA?

3. Ġeħova kif jaġixxi magħna, u dan xi prova jagħti?

3 Ġeħova juri li hu umli bil-​mod kif jaġixxi man-​nies imperfetti. Hu mhux biss jaċċetta l-​qima tagħna imma wkoll iqisna bħala l-​ħbieb tiegħu. (Ġak. 4:8) Biex aħna nkunu l-​ħbieb tiegħu, Ġeħova ħa l-​inizjattiva billi provda lil Ibnu bħala sagrifiċċju għal dnubietna. Xi ħniena u qalb tajba juri magħna Ġeħova!

4. Ġeħova x’tana, u għala?

4 Aħseb f’mod ieħor kif Ġeħova juri l-​umiltà. Bħala l-​Ħallieq, Ġeħova setaʼ ħalaqna mingħajr l-​abbiltà li nagħżlu x’nagħmlu b’ħajjitna. Imma hu ma għamilx hekk. Hu għamilna fix-​xbieha tiegħu u tana l-​libertà. Minkejja li aħna żgħar u dgħajfin meta mqabblin maʼ Ġeħova, l-​għażliet li nagħmlu huma importanti għalih. Hu jridna naqduh minn qalbna għax inħobbuh u għax nafu li jekk nobduh se nibbenefikaw. (Dt. 10:12; Is. 48:17, 18) Kemm napprezzaw li Ġeħova hu umli!

Ġesù fis-​sema u ħdejh hemm uħud li qed imexxu miegħu. Flimkien qed iħarsu lejn kwantità kbira taʼ anġli. Xi anġli neżlin lejn l-art biex iwettqu l-inkarigu tagħhom. Ġeħova ta awtorità lil dawk kollha li jidhru fl-istampa (Ara paragrafu 5)

5. Ġeħova kif jgħallimna nkunu umli? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

5 Bil-​mod kif Ġeħova jaġixxi magħna jgħallimna nkunu umli. Minkejja li huwa l-​iktar Persuna intelliġenti fl-​univers, xorta jaċċetta s-​suġġerimenti t’oħrajn. Pereżempju, Ġeħova ħalla lil Ibnu jgħinu biex joħloq l-​affarijiet kollha. (Prov. 8:27-​30; Kol. 1:15, 16) U minkejja li Ġeħova jistaʼ kollox, hu jagħti responsabbiltajiet lil oħrajn. Nistgħu naraw dan meta għażel lil Ġesù bħala s-​Sultan tas-​Saltna, u ta xi responsabbiltà lill-​144,000 uman biex imexxu maʼ Ġesù. (Lq. 12:32) Bla dubju, Ġeħova ttrennja lil Ġesù biex ikun Sultan u Qassis il-​Kbir. (Ebr. 5:8, 9) Hu jittrennja wkoll lil dawk li se jmexxu maʼ Ġesù biex iwettqu l-​inkarigu tagħhom, imma ma jipprovax jikkontrolla kif jagħmlu x-​xogħol. Minflok, hu jafda li se jagħmlu r-​rieda tiegħu.—Riv. 5:10.

Aħna nimitaw lil Ġeħova meta nittrennjaw lil oħrajn u nagħtuhom responsabbiltajiet (Ara paragrafi 6-7) *

6-7. X’nitgħallmu mill-​mod kif Missierna tas-​sema jagħti responsabbiltajiet lil oħrajn?

6 Jekk Missierna tas-​sema, li m’għandu bżonn għajnuna mingħand ħadd, jagħti responsabbiltajiet lil oħrajn, kemm għandna iktar nagħmlu dan aħna! Inti kap taʼ familja jew anzjan fil-​kongregazzjoni? Imita l-​eżempju taʼ Ġeħova billi tagħti responsabbiltajiet lil oħrajn u tipprovax tikkontrolla kif huma jagħmlu x-​xogħol. Meta timita lil Ġeħova, mhux biss se jsir ix-​xogħol, imma wkoll tkun qed tittrennja oħrajn u turihom li tafdahom. (Is. 41:10) X’jistgħu jitgħallmu iktar minn Ġeħova dawk li għandhom responsabbiltajiet?

7 Il-​Bibbja turina li Ġeħova hu interessat fl-​opinjoni tal-​anġli. (1 Slat. 22:19-​22) Ġenituri, kif tistgħu timitaw l-​eżempju taʼ Ġeħova? Meta tkunu se tagħmlu xi ħaġa, jekk ikun xieraq, saqsu lit-​tfal tagħkom għall-​opinjoni tagħhom. U fejn tistgħu applikaw is-​suġġerimenti tagħhom.

8. Ġeħova kif aġixxa b’paċenzja maʼ Abraham u Sara?

8 Il-​paċenzja taʼ Ġeħova turi wkoll kemm hu umli. Pereżempju, Ġeħova juri l-​paċenzja maʼ dawk li jaqduh meta b’rispett jiddubitaw id-​deċiżjonijiet tiegħu. Hu semaʼ lil Abraham meta ħaseb li ma kienx sew li jeqred lil Sodoma u Gomorra. (Ġen. 18:22-​33) U tiftakar kif Ġeħova rreaġixxa mal-​mara taʼ Abraham, Sara? Hu ma ħassux offiż jew irrabjat għax daħqet meta wegħedha li se jkollha tarbija fi xjuħitha. (Ġen. 18:10-​14) Minflok, hu tratta lil Sara b’rispett.

9. Il-​ġenituri u l-​anzjani, x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġeħova?

9 Ġenituri u anzjani, x’tistgħu titgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġeħova? Ikkunsidra kif tħossok meta t-​tfal tiegħek jew uħud mill-​kongregazzjoni ma jaqblux mad-​deċiżjoni tiegħek. Xi tkun l-​ewwel reazzjoni tiegħek? Li tikkoreġihom jew tipprova tifhem il-​ħsieb tagħhom? Il-​familji u l-​kongregazzjonijiet żgur se jibbenefikaw meta dawk li għandhom responsabbiltajiet jimitaw lil Ġeħova. S’issa ddiskutejna x’nistgħu nitgħallmu dwar l-​umiltà mill-​eżempju taʼ Ġeħova. Issa se nitgħallmu kif nistgħu nuru l-​umiltà billi nikkunsidraw eżempji oħrajn fil-​Bibbja.

X’NISTGĦU NITGĦALLMU MILL-​EŻEMPJI T’OĦRAJN?

10. Ġeħova kif juża l-​eżempji t’oħrajn biex jgħallimna?

10 Bħala “l-​Istruttur Grandjuż” tagħna, Ġeħova jipprovdi eżempji fil-​Kelma tiegħu biex jgħallimna. (Is. 30:20, 21) Mir-​rakkonti tal-​Bibbja, aħna nitgħallmu dwar nies li kellhom kwalitajiet li jogħġbu lil Alla, u għarfu l-​limitazzjonijiet tagħhom. Ukoll, se nitgħallmu minn uħud li naqsu li juru kwalitajiet tajbin.—Salm 37:37; 1 Kor. 10:11.

11. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju ħażin taʼ Sawl?

11 Aħseb x’ġara lis-​Sultan Sawl. Għall-​ewwel kien żagħżugħ umli. Hu kien jaf il-​limitazzjonijiet tiegħu u anki żamm lura milli jaċċetta iżjed responsabbiltajiet. (1 Sam. 9:21; 10:20-​22) Imma maż-​żmien, Sawl sar prużuntuż. Hu beda jaġixxi hekk ftit wara li sar sultan. Darba minnhom, waqt li kien qed jistenna lill-​profeta Samwel, tilef il-​paċenzja. Minflok ma ħalla f’idejn Ġeħova, Sawl offra sagrifiċċju tal-​ħruq minkejja li ma kellux id-​dritt. Minħabba f’hekk, Sawl tilef l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova u maż-​żmien ma baqax sultan. (1 Sam. 13:8-​14) Jekk nitgħallmu minn dan l-​eżempju ħażin u nevitaw li nkunu prużuntużi se nkunu għaqlin.

12. Danjel għala hu taʼ eżempju tajjeb għalina?

12 Kuntrarju għall-​eżempju ħażin taʼ Sawl, il-​profeta Danjel ħallielna eżempju tajjeb. Matul ħajtu, Danjel baqaʼ umli u dejjem talab lil Ġeħova għal gwida. Pereżempju, Danjel ma ħax il-​krettu meta Ġeħova użah biex jispjega l-​ħolma taʼ Nebukadnessar. Minflok, hu ta t-​tifħir lil Ġeħova. (Dan. 2:26-​28) X’nitgħallmu minn dan? Jekk l-​aħwa jgħidulek li jieħdu pjaċir bit-​taħditiet li tagħti jew ikollok esperjenzi tajbin fil-​ministeru, se tagħti t-​tifħir lil Ġeħova? Irridu nirrealizzaw li mingħajr l-​għajnuna taʼ Ġeħova ma nistgħux nagħmlu dawn l-​affarijiet. (Flp. 4:13) Meta jkollna din l-​attitudni, inkunu qed nimitaw ukoll l-​eżempju tajjeb taʼ Ġesù. Kif?

13. X’jgħallimna Ġwanni 5:19, 30 dwar Ġesù?

13 Ġesù straħ fuq Ġeħova avolja kien l-​Iben perfett tiegħu. (Aqra Ġwanni 5:19, 30.) Hu qatt ma prova jaħtaf l-​awtorità mingħand Missieru tas-​sema. Filippin 2:6 jgħidilna li Ġesù “ma qagħadx jaħseb li għandu jaħtaf, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla.” Ġesù għaraf il-​limitazzjonijiet tiegħu u rrispetta l-​awtorità taʼ Missieru.

Ġesù kien jaf u għaraf il-limitazzjonijiet tiegħu (Ara paragrafu 14)

14. Ġesù x’għamel meta ġie mitlub jagħmel xi ħaġa li ma kellux awtorità fuqha?

14 Aħseb x’għamel Ġesù meta Ġakbu, Ġwanni, u ommhom talbuh xi ħaġa li hu ma kellux awtorità fuqha. Ġesù mill-​ewwel qal li Missieru tas-​sema biss setaʼ jiddeċiedi min kien se jkun fuq ix-​xellug u fuq il-​lemin tiegħu fis-​Saltna. (Mt. 20:20-​23) Ġesù wera li kien umli u għaraf il-​limitazzjonijiet tiegħu. Hu qatt m’għamel xi ħaġa li Ġeħova ma tahx l-​awtorità jagħmilha. (Ġw. 12:49) Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju tajjeb taʼ Ġesù?

Kif nistgħu nkunu umli bħal Ġesù? (Ara paragrafi 15-16) *

15-16. Kif nistgħu napplikaw il-​parir tal-​Bibbja fl-​1 Korintin 4:6?

15 Aħna nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù billi napplikaw il-​parir tal-​Bibbja fl-​1 Korintin 4:6. Hemmhekk naqraw: “Tmorrux lil hinn minn dak li hemm miktub.” Għalhekk, meta xi ħadd jitlobna parir, m’għandniex ngħidu l-​opinjoni tagħna jew dak li jiġina f’moħħna. Minflok, irridu nagħtu pariri li huma bbażati fuq il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tagħna. B’dan il-​mod, nuru li nafu l-​limitazzjonijiet tagħna u li ma nafux kollox. Meta nagħmlu hekk, nuru li aħna umli għax nifhmu li l-​pariri taʼ Ġeħova huma dejjem aħjar minn tagħna.—Riv. 15:3, 4.

16 Apparti milli nfaħħru lil Ġeħova, għandna raġunijiet oħra biex inkunu umli. Jekk inkunu umli se nkunu ferħanin u ningwalawha m’oħrajn. Ejja nikkunsidraw dan.

GĦALA HU TAJJEB LI NKUNU UMLI?

17. Nies umli għala huma ferħanin?

17 Meta nkunu umli, għandna iktar ċans li nkunu ferħanin. Għala? Meta nkunu konxji tal-​limitazzjonijiet tagħna, se nkunu ferħanin u napprezzaw l-​għajnuna li nirċievu mingħand oħrajn. Pereżempju, aħseb meta Ġesù fejjaq għaxart irġiel li kellhom il-​marda tal-​ġdiem. Wieħed minnhom biss mar lura biex jirringrazzja lil Ġesù talli fejqu minn dik il-​marda kiefra. Dan ir-​raġel umli kien jaf li ma setax ifiq mingħajr l-​għajnuna taʼ Ġesù, u għalhekk apprezza l-​għajnuna li rċieva u faħħar lil Alla.—Lq. 17:11-​19.

18. L-​umiltà kif tgħinna ningwalawha m’oħrajn? (Rumani 12:10)

18 Għal nies umli jkun iżjed faċli biex jingwalawha m’oħrajn u jkollhom ħbieb tal-​qalb. Għala? Huma jieħdu pjaċir li oħrajn għandhom kwalitajiet tajbin u b’hekk jafdawhom. Dawk li huma umli jkunu ferħanin meta oħrajn jagħmlu xogħol tajjeb fl-​inkarigu tagħhom u ma jżommux lura milli jfaħħruhom.—Aqra Rumani 12:10.

19. Għala għandna nevitaw il-​kburija?

19 Kuntrarju għal nies umli, nies kburin isibuha diffiċli biex ifaħħru lil oħrajn għax jippreferu jirċievu t-​tifħir huma. Huma jqabblu lilhom infushom m’oħrajn u jipprovaw ikunu aħjar minnhom. Minflok jittrennjaw lil oħrajn u jagħtuhom responsabbiltajiet, jaf jgħidu: “Jekk trid xi ħaġa sew, trid tagħmilha int stess.” Spiss persuna kburija tkun trid li tħossha iktar importanti minn oħrajn u tgħir meta huma jagħmlu affarijiet aħjar minnha. (Ga 5:26) Nies bħal dawn ma tantx ikollhom ħbieb. Jekk nindunaw li għandna problema bil-​kburija, għandna nitolbu mill-​qalb lil Ġeħova għall-​għajnuna biex inbiddlu l-​mod kif naħsbu ħalli ma nħallux din il-​kwalità ssir parti mill-​personalità tagħna.—Rum. 12:2.

20. Għala rridu nkunu umli?

20 Kemm għandna għal xiex napprezzaw l-​eżempju taʼ Ġeħova! L-​umiltà tiegħu narawha mill-​mod kif jaġixxi mal-​qaddejja tiegħu, u aħna nkunu rridu nimitawh. Barra minn hekk, irridu nimitaw l-​eżempji tajbin li nsibu fil-​Bibbja taʼ nies li qdew lil Ġeħova b’umiltà. Jalla dejjem nagħtu l-​glorja u l-​unur li jixraq lil Alla. (Riv. 4:11) Jekk nagħmlu dawn l-​affarijiet, aħna nistgħu nkunu l-​ħbieb taʼ Ġeħova għal dejjem, għax hu jħobb lil nies umli u li jagħrfu l-​limitazzjonijiet tagħhom.

GĦANJA 123 Sottomissjoni b’lealtà għall-​ordni teokratiku

^ par. 5 Persuna umli turi ħniena u qalb tajba. Għalhekk, bir-​raġun ngħidu li Ġeħova hu umli. Bħalma se naraw f’dan l-​artiklu, nistgħu nitgħallmu nkunu umli billi nimitaw l-​eżempju taʼ Ġeħova. Ukoll, se niddiskutu x’nistgħu nitgħallmu dwar l-​umiltà mill-​eżempji tas-​Sultan Sawl, il-​profeta Danjel, u Ġesù.

^ par. 58 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Anzjan jieħu l-ħin biex jittrennja żagħżugħ ħalli jkun jistaʼ jieħu ħsieb it-territorju tal-kongregazzjoni. Wara, l-anzjan ma jipprovax jikkontrolla liż-żagħżugħ kif għandu jagħmel ix-xogħol, imma jħallih jagħmel ix-xogħol hu.

^ par. 62 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Oħt issaqsi lil anzjan jekk hux xieraq taċċetta stedina taʼ koppja li se jiżżewġu fil-knisja. L-anzjan ma jagħtihiex l-opinjoni tiegħu, imma jaqsam xi prinċipji mill-Bibbja magħha.