Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 33

L-Irxoxt Jurina l-Għerf, il-Paċenzja, u l-Imħabba taʼ Ġeħova

L-Irxoxt Jurina l-Għerf, il-Paċenzja, u l-Imħabba taʼ Ġeħova

“Se jkun hemm irxoxt.”—ATTI 24:15.

GĦANJA 151 Isejjaħ hu

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġeħova għala ħalaq il-​ħajja?

KIEN hemm żmien li Ġeħova kien waħdu, imma dan ma jfissirx li ħassu mdejjaq. Ġeħova m’għandu bżonn lil ħadd biex ikun ferħan. Imma Alla ried li oħrajn jgħixu u jkunu ferħanin ukoll. Immotivat mill-​imħabba, Ġeħova beda joħloq.—Salm 36:9; 1 Ġw. 4:19.

2. Kif ħassewhom Ġesù u l-​anġli meta Ġeħova ħalaq l-​affarijiet l-​oħrajn?

2 L-​ewwel, Ġeħova ħalaq lil Ibnu, Ġesù. Flimkien maʼ Ibnu, Ġeħova mbagħad ħalaq “l-​affarijiet l-​oħrajn kollha,” bħall-​anġli. (Kol. 1:16) Ġesù kien ferħan ħafna li ħadem maʼ Missieru. (Prov. 8:30) U anki l-​anġli kellhom għalfejn jifirħu. Huma kienu hemm meta Ġeħova u l-​Ħaddiem tas-​Sengħa tiegħu, Ġesù, ħolqu s-​sema u l-​art. L-​anġli kif urew il-​ferħ tagħhom? Huma “bdew jgħajtu b’tifħir” meta l-​art kienet lesta, u bla dubju baqgħu jfaħħruh meta raw kull ħaġa li hu ħalaq, speċjalment il-​bnedmin. (Ġob 38:7; Prov. 8:31) Kull ħaġa li ħalaq Ġeħova wriet l-​imħabba u l-​għerf tiegħu.—Salm 104:24; Rum. 1:20.

3. Kif jurina l-​1 Korintin 15:21, 22, is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa x’għamel possibbli?

3 Ġeħova ried li l-​bnedmin jgħixu għal dejjem fuq il-​pjaneta sabiħa li hu ħalaq. Imma Adam u Eva ħaduha kontra Ġeħova, għalhekk ma setgħux jgħixu għal dejjem. Huma u t-​tfal tagħhom maż-​żmien kienu se jmutu. (Rum. 5:12) Ġeħova x’għamel? Mill-​ewwel, hu qal kif kien se jsalva lill-​bnedmin. (Ġen. 3:15) Permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, Ġeħova għamilha possibbli biex it-​tfal taʼ Adam u Eva jinħelsu mid-​dnub u l-​mewt. Imbagħad, lil dawk li jagħżlu li jaqduh, hu se jkun jistaʼ jagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 3:16; Rum. 6:23; aqra l-​1 Korintin 15:21, 22.

4. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

4 Hemm ħafna mistoqsijiet li nistgħu nsaqsu dwar il-​wegħda tal-​irxoxt li tana Alla. Pereżempju, l-​irxoxt kif se jseħħ? Se nagħrfuhom lil dawk li se jiġu rxoxtati? L-​irxoxt b’liema modi se jġibilna l-​ferħ? U l-​irxoxt x’jgħallimna dwar l-​għerf, il-​paċenzja, u l-​imħabba taʼ Ġeħova? Ejja nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet.

L-​IRXOXT KIF SE JSEĦĦ?

5. In-​nies għala mhux se jiġu rxoxtati kollha f’daqqa?

5 Meta Ġeħova permezz taʼ Ibnu se jirxoxta lil miljuni taʼ nies, għala ma nistennewx li dawn jiġu rxoxtati kollha f’daqqa? Għax jekk jiġu rxoxtati kollha f’daqqa fuq l-​art se jkun hemm konfużjoni, u Ġeħova jagħmel kollox b’mod organizzat. Hu jaf li biex in-​nies jgħixu fil-​paċi, l-​affarijiet għandhom bżonn ikunu organizzati. (1 Kor. 14:33) Alla Ġeħova kien għaref u paċenzjuż meta ħadem maʼ Ġesù biex ilesti l-​art għall-​bnedmin. Anki Ġesù ħa jkun għaref u paċenzjuż matul it-​Tmexxija taʼ Elf Sena tiegħu meta se jaħdem maʼ dawk li jsalvaw f’Armageddon, biex jippreparaw l-​art u dak kollu li hemm bżonn għal dawk li se jiġu rxoxtati.

Dawk li jsalvaw f’Armageddon se jgħinu lil dawk irxoxtati billi jgħallmuhom dwar is-Saltna t’Alla u dwar dak li jitlob minna Ġeħova (Ara paragrafu 6) *

6. Skont Atti 24:15, min se jkun hemm fost dawk li jiġu rxoxtati minn Ġeħova?

6 L-​aqwa mod kif dawk li jsalvaw f’Armageddon se jgħinu lil dawk irxoxtati hu billi jgħallmuhom dwar is-​Saltna t’Alla u dwar dak li jitlob minna Ġeħova. Għala? Għax il-​biċċa l-​kbira tan-​nies li se jiġu rxoxtati se jkunu wħud li l-​Bibbja ssejħilhom “m’humiex sewwa.” (Aqra Atti 24:15.) Dawn se jkollhom jagħmlu ħafna bidliet biex igawdu mill-​fidwa taʼ Kristu u jgħixu għal dejjem. Aħseb kemm se jkun hemm xogħol biex ngħallmu lil miljuni taʼ nies li ma jafu xejn dwar Ġeħova. Għalhekk forsi nistaqsu: Kull persuna se jkollha lil xi ħadd magħha biex jgħallimha bħalma nagħmlu llum meta jkollna studju tal-​Bibbja? L-​uħud ġodda se jitqassmu f’kongregazzjonijiet u jiġu trenjati biex jgħallmu lil dawk li jiġu rxoxtati warajhom? Se jkollna nistennew u naraw. Dak li nafu hu li sal-​aħħar tal-​elf sena, “l-​art se tkun mimlija bl-​għarfien taʼ Ġeħova.” (Is. 11:9) Kemm se jkollna xogħol sabiħ matul l-​elf sena!

7. Għala n-​nies t’Alla se jifhmu lil dawk li jiġu rxoxtati?

7 Matul it-​Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu, in-​nies taʼ Ġeħova se jkomplu jagħmlu bidliet f’ħajjithom biex jogħġbuh. Huma se jkunu jistgħu jifhmu lil dawk irxoxtati, għalhekk se jgħinuhom jagħmlu bidliet biex jegħlbu ħsibijiet u xewqat ħżiena, u jgħixu skont il-​livelli taʼ Ġeħova. (1 Pt. 3:8) Meta dawk irxoxtati se jaraw li n-​nies taʼ Ġeħova huma umli u għadhom qed jagħmlu bidliet biex jogħġbu lil Ġeħova se jkunu jridu jaqdu lil Ġeħova magħhom.—Flp. 2:12.

SE NAGĦRFUHOM LIL DAWK LI SE JIĠU RXOXTATI?

8. Għala nistgħu ngħidu li se nagħrfu lil tal-​familja u l-​ħbieb li jiġu rxoxtati?

8 Hemm diversi raġunijiet għala nistgħu ngħidu li se nagħrfu lill-​maħbubin tagħna li se jiġu rxoxtati. Pereżempju, meta Ġeħova rxoxta lin-​nies fil-​passat, huma qamu bl-​istess dehra, bl-​istess leħen, u bl-​istess ħsibijiet. Ftakar li Ġesù qabbel il-​mewt maʼ raqda, u l-​irxoxt bħal meta xi ħadd iqum minn raqda. (Mt. 9:18, 24; Ġw. 11:11-​13) Meta xi ħadd iqum minn raqda jibqaʼ l-​istess bniedem u bl-​istess memorja li kellu qabel. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Lazzru. Hu kien ilu mejjet erbat ijiem u kien diġà beda jinten. Imma meta Ġesù qajmu, ħutu mill-​ewwel għarfuh u bla dubju anki hu għarafhom.—Ġw. 11:38-​44; 12:1, 2.

9. Dawk li se jirxoxtaw għala mhux se jkunu perfetti?

9 Ġeħova wiegħed li fil-​Ġenna tal-​art ħadd mhu se jgħid: “Jien marid.” (Is. 33:24; Rum. 6:7) B’hekk, dawk li se jqumu mill-​mewt se jkollhom ġisem b’saħħtu. Però, dawn mhux se jkunu perfetti mill-​ewwel għax inkella jaf il-​familja u l-​ħbieb tagħhom ma jagħrfuhomx. Milli jidher, il-​bnedmin kollha se jsiru perfetti bil-​mod il-​mod matul it-​Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu. Wara li jgħaddu l-​elf sena, Ġesù se jagħti s-​Saltna lura lil Missieru. Is-​Saltna se tkun wettqet dak kollu li Ġeħova ried, inkluż li n-​nies isiru perfetti.—1 Kor. 15:24-​28; Riv. 20:1-​3.

L-​IRXOXT B’LIEMA MODI SE JĠIBILNA L-​FERĦ?

10. Kif se jġiegħlek tħossok l-​irxoxt?

10 Immaġina kemm se jkun żmien sabiħ meta se terġaʼ tara lill-​maħbubin tiegħek. Se jaqbiżlek id-​dmugħ bil-​ferħ li se tħoss? Se tkanta bil-​ferħ lil Ġeħova? Li nafu żgur hu li se nħossu mħabba kbira għal Ġeħova u għal Ibnu li tant iħobbuna għax bis-​saħħa tagħhom l-​irxoxt sar possibbli.

11. Skont il-​kliem taʼ Ġesù fi Ġwanni 5:28, 29, x’se jiġrilhom dawk li jagħmlu bidliet u jobdu lil Alla?

11 Immaġina l-​ferħ li se jħossu dawk li se jqumu hekk kif jagħmlu bidliet biex jobdu lil Alla. Dawk li jagħmlu dawn il-​bidliet se jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna tal-​art. Filwaqt li dawk li ma jridux jagħmlu bidliet, Ġeħova mhux se jħallihom jgħixu hemmhekk, biex b’hekk dawk ubbidjenti jgħixu fil-​paċi.—Is. 65:20; aqra Ġwanni 5:28, 29.

12. Dawk kollha li se jkunu fuq l-​art, kif se jkunu mberkin minn Ġeħova?

12 Taħt it-​tmexxija tas-​Saltna, in-​nies t’Alla kollha se jaraw li l-​kliem fi Proverbji 10:22 hu veru. Il-​vers jgħid: “Il-​barka taʼ Ġeħova—hi li ġġib l-​għana, u hu ma jżid l-​ebda wġigħ magħha.” Bl-​għajnuna tal-​ispirtu taʼ Ġeħova, in-​nies tiegħu se jsiru jixbhu iktar lil Kristu u bil-​mod il-​mod isiru perfetti. (Ġw. 13:15-​17; Efes. 4:23, 24) Ukoll, maʼ kull ġurnata li tgħaddi huma se jsiru iktar b’saħħithom u nies aħjar. Kemm se tkun sabiħa l-​ħajja! (Ġob 33:25) Imma li timmedita issa fuq l-​irxoxt, kif jistaʼ jgħinek?

X’NITGĦALLMU DWAR L-​IMĦABBA TAʼ ĠEĦOVA

13. Fi qbil maʼ Salm 139:1-​4, l-​irxoxt kif juri li Ġeħova jaf kollox dwarna?

13 Kif iddiskutejna qabel, meta Ġeħova se jqajjem lin-​nies mill-​mewt se jkollhom l-​istess memorja u personalità. Aħseb xi jfisser dan. Ġeħova tant iħobbok li jinnota u jiftakar dak kollu li taħseb, tħoss, tgħid, u tagħmel. Mela jekk tmut u Ġeħova jirxoxtak, se jkun faċli għalih biex iqajmek kif kont qabel. Is-​Sultan David kien jaf kemm Ġeħova jimpurtah minn kull wieħed u waħda minna. (Aqra Salm 139:1-​4.) Kif tħossok meta tifhem kemm Ġeħova jafek sew?

14. Kif għandna nħossuna meta naħsbu dwar kemm Ġeħova jafna sew?

14 Meta naħsbu dwar kemm Ġeħova jafna sew m’għandniex għalfejn ninkwetaw. Għala? Ftakar li Ġeħova jimpurtah ħafna minna. Kull wieħed u waħda minna hu prezzjuż għalih. Ġeħova jaf minn xiex għaddejna u jifhem kif dan jeffettwana. Kemm hu inkuraġġanti dan il-​ħsieb! Qatt m’għandna nħossuna waħedna. Ġeħova jkun magħna kull mument taʼ ħajjitna u jixtieq jgħinna.—2 Kron. 16:9.

X’NITGĦALLMU DWAR L-​GĦERF TAʼ ĠEĦOVA

15. L-​irxoxt kif juri l-​għerf taʼ Ġeħova?

15 Minħabba li n-​nies jibżgħu li jmutu, l-​għedewwa tagħhom jistgħu jhedduhom li joqtluhom jekk ma jagħmlux dak li jgħidu huma. Nies ikkontrollati minn Satana jużaw din il-​biżaʼ biex jisforzaw lil nies oħrajn jittradixxu lill-​ħbieb tagħhom u jagħmlu affarijiet kontra qalbhom. Imma dawn ma jistgħux jisforzaw lilna biex nagħmlu hekk. Aħna nafu li jekk l-​għedewwa tagħna joqtluna, Ġeħova se jirxoxtana. (Riv. 2:10) Aħna konvinti li xejn ma jistaʼ jwaqqafna milli nkunu ħbieb taʼ Ġeħova. (Rum. 8:35-​39) It-​tama tal-​irxoxt turina kemm Ġeħova hu għaref! Grazzi għal din it-​tama, aħna ma nibżgħux minn dawk li jappoġġaw lil Satana u jhedduna li joqtluna jekk ma nobduhomx. Ukoll, din it-​tama timliena bil-​kuraġġ biex nibqgħu leali lejn Ġeħova.

Id-deċiżjonijiet tagħna juru li nafdaw fil-wegħda taʼ Ġeħova li se jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħna? (Ara paragrafu 16) *

16. Liema mistoqsijiet għandek tistaqsi lilek innifsek, u t-​tweġibiet kif jistgħu juru kemm tafda lil Ġeħova?

16 Jekk l-​għedewwa taʼ Ġeħova jhedduk li joqtluk, temmen int li Ġeħova jistaʼ jqajmek? Kif tistaʼ tkun taf? Mod wieħed hu billi ssaqsi lilek innifsek, ‘Id-​deċiżjonijiet tiegħi taʼ kuljum juru li nafda f’Ġeħova? (Lq. 16:10) Kif nuża l-​ħin u l-​flus juri li nafda fil-​wegħda taʼ Ġeħova li se jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tiegħi jekk inpoġġi s-​Saltna l-​ewwel?’ (Mt. 6:31-​33) Jekk it-​tweġiba għal dawn il-​mistoqsijiet hija iva, turi li tafda f’Ġeħova u se tkun preparat għal kull prova li se tiffaċċja.—Prov. 3:5, 6.

X’NITGĦALLMU DWAR IL-​PAĊENZJA TAʼ ĠEĦOVA

17. (a) L-​irxoxt kif juri li Ġeħova hu paċenzjuż? (b) Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-​paċenzja taʼ Ġeħova?

17 Għalkemm Ġeħova diġà ddeċieda meta se jeqred din is-​sistema ħażina u għandu xewqa kbira biex jirxoxta lill-​mejtin, hu mhux se jitlef il-​paċenzja u jaġixxi qabel il-​waqt. (Mt. 24:36; Ġob 14:14, 15) Hu qed jistenna ż-​żmien addattat biex iqajjem lill-​mejtin. (Ġw. 5:28) Għal xiex għandna napprezzaw il-​paċenzja taʼ Ġeħova? Aħseb f’dan: Minħabba li Ġeħova hu paċenzjuż, ħafna nies, inkluż aħna, kellhom ċans ‘jaslu għall-​indiema.’ (2 Pt. 3:9) Ġeħova jixtieq li kulħadd ikollu l-​opportunità li jgħix għal dejjem. Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-​paċenzja tiegħu? Billi nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insibu lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem” u ngħinuhom iħobbu lil Ġeħova u jaqduh. (Atti 13:48) Imbagħad bħalna, anki huma se jibbenefikaw mill-​paċenzja taʼ Ġeħova.

18. Għala għandna nkunu paċenzjużi m’oħrajn?

18 Ġeħova bil-​paċenzja se jistenna sat-​tmiem tal-​elf sena biex aħna nsiru perfetti. Sa dak iż-​żmien, Ġeħova lest li jibqaʼ jaħfer in-​nuqqasijiet tagħna. Għalhekk, għandna nimitaw l-​eżempju tiegħu, niffokaw fuq il-​kwalitajiet tajbin t’oħrajn, u nkunu paċenzjużi magħhom. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ oħt li r-​raġel tagħha beda jkollu attakki t’ansjetà qawwija u waqaf jattendi l-​laqgħat. Hi tgħid: “Dan kien vera diffiċli għalija, ħajjitna nqalbet taʼ taħt fuq. U ma stajniex nagħmlu dak li xtaqna.” Minkejja dan, tant kienet tħobb lil żewġha li kienet paċenzjuża miegħu. Hi straħet fuq Ġeħova u ma qatgħetx qalbha. Bħal Ġeħova, hi ffokat fuq il-​kwalitajiet tajbin taʼ żewġha. Hi tgħid: “Żewġi għandu kwalitajiet mill-​aħjar u qed jagħmel dak kollu li jistaʼ biex bil-​mod il-​mod jirkupra.” Dan jgħallimna kemm hu importanti li nuru l-​paċenzja maʼ tal-​familja u mal-​aħwa fil-​kongregazzjoni li qed jiffaċċjaw ċirkustanzi diffiċli.

19. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

19 Ġesù u l-​anġli ferħu ħafna meta nħolqot l-​art. Imma immaġina kemm se jkunu ferħanin meta se jaraw l-​art mimlija b’nies perfetti li jħobbu u jaqdu lil Ġeħova. Immaġina kemm se jkunu ferħanin dawk li se jkunu fis-​sema meta jaraw il-​bnedmin igawdu x-​xogħol tagħhom. (Riv. 4:4, 9-​11; 5:9, 10) Aħseb ukoll meta inti mhux se tibki bl-​uġigħ imma se tibki bil-​ferħ. U l-​mard, id-​dwejjaq, u l-​mewt se jispiċċaw għal dejjem. (Riv. 21:4) Sa dak iż-​żmien, kun determinat li tagħmel bħal Ġeħova billi tkun għaref, paċenzjuż, u turi l-​imħabba. Jekk tagħmel hekk, int se tibqaʼ ferħan minkejja l-​provi li tiffaċċja. (Ġak. 1:2-​4) Kemm għandna napprezzaw il-​wegħda taʼ Ġeħova “li se jkun hemm irxoxt”!—Atti 24:15.

GĦANJA 141 Il-​miraklu tal-​ħajja

^ par. 5 Ġeħova hu Missier għaref, paċenzjuż, u kollu mħabba. Aħna nistgħu naraw dawn il-​kwalitajiet kemm fil-​mod kif hu ħalaq l-​affarijiet kollha, kif ukoll fil-​wegħda tiegħu li jirxoxta l-​mejtin. Dan l-​artiklu se jiddiskuti xi mistoqsijiet li jistaʼ jkollna dwar l-​irxoxt. Ukoll, se naraw x’jgħallimna l-​irxoxt dwar l-​għerf, il-​paċenzja, u l-​imħabba taʼ Ġeħova, u kif dan għandu jeffettwana.

^ par. 59 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Raġel li miet mijiet taʼ snin ilu u ġie rxoxtat matul it-​Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu. Ħu li baqaʼ ħaj wara Armageddon bil-​ferħ qed jgħallmu x’għandu jagħmel biex jibbenefika mill-​fidwa taʼ Kristu.

^ par. 61 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Ħu jgħid lill-​imgħallem tiegħu li hemm xi ġranet fost il-​ġimgħa fejn hu ma jistax jagħmel overtime. Hu jispjegalu li xi ġranet iħallihom għal affarijiet spiritwali bħal-​laqgħat, il-​qima bħala familja, u l-​ippritkar. Però, fil-​ġranet l-​oħra meta jkun hemm xi xogħol urġenti, hu jkun lest li jaħdem.