Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 33

Kun Ferħan b’Dak li Qed Tagħmel għal Ġeħova

Kun Ferħan b’Dak li Qed Tagħmel għal Ġeħova

“Aħjar tara b’għajnejk milli tixxennaq b’ruħek.”—EKK. 6:9.

GĦANJA 111 Ir-​raġunijiet tagħna għall-​ferħ

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. L-​aħwa kif qegħdin jippruvaw jagħmlu iktar għal Ġeħova?

 AĦNA għandna ħafna x’nagħmlu minħabba li qegħdin ngħixu fl-​aħħar jiem. (Mt. 24:14; Lq. 10:2; 1 Pt. 5:2) U lkoll kemm aħna nixtiequ nagħmlu l-​aħjar tagħna biex naqdu lil Ġeħova. Ħafna qegħdin jippruvaw iżidu fix-​xogħol tal-​ippritkar. Xi wħud jixtiequ jaqdu bħala pijunieri, oħrajn jixtiequ jaqdu f’Betel, jew jgħinu fix-​xogħol taʼ kostruzzjoni. U ħafna aħwa qed jagħmlu mira biex jaqdu bħala qaddejja ministerjali jew anzjani. (1 Tim. 3:1, 8) Min jaf kemm iħossu ferħan Ġeħova meta jara lill-​qaddejja tiegħu jagħmlu l-​aħjar tagħhom biex jaqduh!—Salm 110:3; Is. 6:8.

2. Kif nistgħu nħossuna meta ma nilħqux il-​miri li nagħmlu?

2 Kultant nistgħu nibdew naqtgħu qalbna meta wara ħafna snin ma nilħqux il-​mira li nkunu għamilna. Jew inħossuna skuraġġiti għax ma nkunux nistgħu nagħmlu ċertu affarijiet fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova minħabba l-​età jew raġunijiet oħra. (Prov. 13:12) Melissa * hekk ġralha. Hi tixtieq taqdi f’Betel jew tmur l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna. Hi tgħid: “Minħabba l-​età tiegħi, ma nistax napplika. Dawn il-​privileġġi għalija huma biss ħolma. Xi kultant inħossni skuraġġita.”

3. Xi wħud xi jkollhom jagħmlu biex jikkwalifikaw għal ċertu privileġġi?

3 Xi wħud li jkunu għadhom żgħar u f’saħħithom, jaf ikollhom bżonn jikbru spiritwalment qabel jingħataw xi responsabbiltajiet. Pereżempju, xi wħud jaf ikunu intelliġenti, jieħdu deċiżjoni malajr, u lesti biex jaħdmu. Però, jaf ikollhom bżonn jitgħallmu jkunu iktar paċenzjużi, jagħmlu x-​xogħol b’mod aħjar, u juru iktar rispett lejn l-​aħwa. Meta int tagħmel sforz biex tiżviluppa l-​kwalitajiet li għandek bżonn, taf tirċievi privileġġ li ma tkunx qiegħed tistenna. Ejja nieħdu l-​eżempju taʼ Nick. Meta kellu 20 sena hu ħadha bi kbira għax ma kkwalifikax biex jaqdi bħala qaddej ministerjali. Hu qal: “Bdejt naħseb li qed nagħmel xi ħaġa ħażina.” Imma Nick ma qatax qalbu u baqaʼ jaħdem biex itejjeb il-​kwalitajiet tiegħu. Hu baqaʼ jagħmel l-​almu tiegħu kemm fil-​ministeru kif ukoll fil-​kongregazzjoni. Illum hu jaqdi bħala membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa.

4. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

4 Tħossok skuraġġit minħabba li ma lħaqtx mira li għamilt? Jekk iva, itlob lil Ġeħova u għidlu kif qed tħossok. (Salm 37:5-​7) Tistaʼ wkoll titlob parir lil ħu tal-​esperjenza, u mbagħad agħmel dak li tistaʼ biex tapplikah. Jekk tagħmel hekk, jaf tilħaq il-​mira tiegħek. Però, bħal Melissa, forsi bħalissa ma tistax tagħmel dak li tixtieq għal Ġeħova. Allura x’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ ferħan? Biex inwieġbu din il-​mistoqsija, f’dan l-​artiklu se niddiskutu (1) x’jistaʼ jagħmlek ferħan, (2) kif tistaʼ tkun iżjed ferħan, u (3) liema miri tistaʼ tagħmel biex iżżid il-​ferħ tiegħek.

X’JISTAʼ JĠIBLEK IL-​FERĦ

5. Fuq xiex għandna niffokaw biex inkunu ferħanin? (Ekkleżjasti 6:9)

5 Ekkleżjasti 6:9 jispjega x’jistaʼ jgħinna biex inkunu ferħanin. (Aqra.) Persuna li tieħu pjaċir b’dak li ‘jaraw għajnejha’ tapprezza dak li għandha bħalissa fiċ-​ċirkostanzi tagħha. Però, persuna li tibqaʼ tixxennaq għal dak li m’għandhiex mhux se tkun kuntenta. Mela x’inhi l-​lezzjoni għalina? Biex inkunu ferħanin, irridu niffokaw fuq dak li għandna mhux fuq dak li m’għandniex jew fuq miri li ma nistgħux nilħqu.

6. Liema tixbiha se nikkunsidraw, u x’se nitgħallmu minnha?

6 Meta jgħaddi ż-​żmien, aħna nkunu nixtiequ nagħmlu affarijiet differenti. Allura, nistgħu nibqgħu kuntenti b’dak li qegħdin nagħmlu għal Ġeħova? Iva, nistgħu nieħdu pjaċir bl-​affarijiet li għandna bħalissa. Kif? Biex insiru nafu, ejja nikkunsidraw it-​tixbiha li ġab Ġesù dwar it-​talenti li nsibu f’​Mattew 25:14-​30. Se nitgħallmu kif għandna nkunu kuntenti b’dak li għandna u kif ikollna iktar ferħ f’dak li qegħdin nagħmlu bħalissa.

KIF TISTAʼ TKUN IŻJED FERĦAN

7. Għid fil-​qosor it-​tixbiha li ġab Ġesù dwar it-​talenti.

7 Fit-​tixbiha taʼ Ġesù, ir-​raġel kien se jsiefer. Qabel siefer, hu tkellem mal-​ilsiera tiegħu u tahom xi talenti biex jinnegozjawhom. * Ir-​raġel kien jaf li l-​ilsiera tiegħu kellhom abbiltajiet differenti. Għalhekk, lill-​ewwel wieħed tah ħames talenti, lit-​tieni wieħed tah żewġ talenti, u lit-​tielet wieħed tah talent. Imbagħad x’ġara? L-​ewwel żewġ ilsiera ħadmu iebes biex jaqilgħu iktar flus għal sidhom, però, it-​tielet wieħed m’għamel xejn bit-​talent li tah sidu u għalhekk sidu keċċieh.

8. L-​ewwel ilsir għala kien kuntent ħafna?

8 L-​ewwel ilsir kien kuntent ħafna li sidu tah ħames talenti. Dan kien ammont kbir taʼ flus u juri li sidu kien jafdah ħafna! Imma xi ngħidu għat-​tieni lsir? Hu setaʼ ħassu skuraġġit minħabba li sidu ma tahx ħames talenti wkoll. Imma hu x’għamel?

X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mit-tieni lsir li semma Ġesù fit-tixbiha tiegħu? (1) Sidu tah żewġ talenti. (2) Hu ħadem iebes biex jaqlaʼ iktar flus għal sidu. (3) Lil sidu tah lura erbaʼ talenti (Ara paragrafi 9-11)

9. Ġesù x’ma qalx dwar it-​tieni lsir? (Mattew 25:22, 23)

9 Aqra Mattew 25:22, 23. Ġesù ma qalx li t-​tieni lsir ħassu mdejjaq u rrabjat minħabba li sidu tah żewġ talenti biss. U Ġesù ma qalx li l-​ilsir beda jgerger u jgħid: ‘Sidi għala tani inqas? Jien ukoll naħdem iebes bħall-​ilsir li qalaʼ ħames talenti! Jekk l-​imgħallem jaħseb li jien mhux ħaddiem bieżel, missni naħbi l-​flus tiegħu, naħdem għalija, u naqlaʼ l-​flus jien.’

10. It-​tieni lsir x’għamel bit-​talenti tiegħu?

10 Bħall-​ewwel ilsir, it-​tieni lsir kien jaf li dak li ġiegħlu jagħmel sidu kien importanti u hu ħadem iebes biex jaqdih. B’hekk, hu qalaʼ żewġ talenti oħra. Is-​sid ippremja lill-​ilsir tiegħu tax-​xogħol iebes li għamel, u mhux hekk biss, hu faħħru u tah iktar responsabbiltajiet!

11. Kif nistgħu nkunu iżjed ferħanin?

11 Bl-​istess mod, aħna nistgħu nkunu iżjed ferħanin meta naħdmu iebes f’dak kollu li ningħataw nagħmlu fix-​xogħol taʼ Ġeħova. Agħmel l-​almu tiegħek fix-​xogħol tal-​ippritkar u fil-​kongregazzjoni. (Atti 18:5; Ebr. 10:24, 25) Ipprepara sew għal-​laqgħat ħalli tkun tistaʼ tagħmel kummenti inkuraġġanti. U kull inkarigu li jkollok fil-​laqgħa taʼ fost il-​ġimgħa qisu importanti. Jekk jgħidulek biex tagħmel xi xogħol fil-​kongregazzjoni, ħudu bis-​serjetà. Taħsibx li x-​xogħol li ngħatajt mhuwiex importanti u għalhekk ma tippreparax sew għalih. Aħdem iebes biex ittejjeb l-​abbiltajiet tiegħek. (Prov. 22:29) Iżjed ma taħdem iebes għal Ġeħova, iżjed se tkun ferħan u se tkabbar il-​ħbiberija tiegħek miegħu. (Gal. 6:4) Ukoll, se jkun iktar faċli għalik biex tkun ferħan meta oħrajn ikollhom ir-​responsabbiltajiet li xtaqt inti.—Rum. 12:15; Gal. 5:26.

12. X’għen lil Melissa u lil Nick biex ikunu iżjed ferħanin?

12 Tiftakar lil Melissa li semmejna qabel, li xtaqet taqdi f’Betel jew tmur l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna? Għalkemm dan ma kienx possibbli għaliha, hi tgħid: “Bħala pijuniera nipprova nipprietka b’modi differenti u dan iġibli ħafna ferħ.” U Nick x’għamel biex ma jibqax iħossu skuraġġit meta ma kkwalifikax bħala qaddej ministerjali? Hu jgħid: “Iffokajt fuq dak li stajt nagħmel, bħal pereżempju l-​ippritkar u li nagħti kummenti inkuraġġanti waqt il-​laqgħat. Ukoll, applikajt biex naqdi f’Betel u s-​sena taʼ wara aċċettawni.”

13. Jekk tagħmel dak kollu li tistaʼ fl-​inkarigu li għandek bħalissa, x’se jkun ir-​riżultat? (Ekkleżjasti 2:24)

13 Jekk tagħmel dak kollu li tistaʼ fl-​inkarigu li għandek bħalissa, tistaʼ tingħata iktar privileġġi fil-​futur? Jistaʼ jkun. Infatti Nick hekk ġralu. Imma jekk le, bħalma ġara fil-​każ taʼ Melissa, int xorta jistaʼ jkollok iżjed ferħ f’dak li qed tagħmel għal Ġeħova bħalissa. (Aqra Ekkleżjasti 2:24.) Barra minn hekk, int se tkun iżjed ferħan għax taf li qed tagħmel dak li jogħġob lil Sidna Ġesù Kristu.

MIRI LI JŻIDU L-​FERĦ TIEGĦEK

14. Meta nagħmlu miri spiritwali x’għandna nżommu f’moħħna?

14 Jekk qegħdin nagħmlu dak kollu li nistgħu bħalissa, ifisser li m’hemmx għalfejn nagħmlu iżjed għal Ġeħova? Le! Aħna xorta nistgħu nagħmlu miri biex nitgħallmu nippritkaw b’mod aħjar, insiru għalliema aħjar, u ngħinu iżjed lil ħutna. Aħna se nilħqu dawn il-​miri jekk nagħmlu dak li nistgħu biex ngħinu lil ħaddieħor.—Prov. 11:2; Atti 20:35.

15. Liema miri jistgħu jgħinuk tkun iżjed ferħan?

15 Liema miri tistaʼ tagħmel? Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tifhem liema miri tistaʼ tilħaq. (Prov. 16:3; Ġak. 1:5) Tistaʼ tilħaq waħda mill-​miri li ssemmew fl-​ ewwel paragrafu taʼ dan l-​artiklu, bħal li taqdi bħala pijunier awżiljarju jew pijunier regolari, li taqdi f’Betel, jew li tgħin fi proġetti taʼ kostruzzjoni? Jew forsi tistaʼ titgħallem lingwa barranija jew tmur taqdi f’pajjiż ieħor. Int tistaʼ titgħallem iktar dwar dawn il-​miri billi taqra kapitlu 10 tal-​ktieb Organizzati biex nagħmlu r-​rieda ta’ Ġeħova u billi titkellem mal-​anzjani tal-​kongregazzjoni tiegħek. * Meta tipprova tilħaq dawn il-​miri, oħrajn se jaraw li qed tagħmel progress u dan se jagħmlek iktar ferħan.

16. X’tistaʼ tagħmel jekk bħalissa ma tistax tilħaq waħda mill-​miri li semmejna?

16 Imma xi ngħidu jekk bħalissa ma tistax tilħaq waħda mill-​miri li semmejna f’dan l-​artiklu? Ipprova agħmel mira li tkun tistaʼ tilħaqha. Aħseb dwar dak li se naraw fil-​paragrafi li ġejjin.

Liema mira tista’ tilħaq? (Ara paragrafu 17) *

17. Skont l-​1 Timotju 4:13, 15, ħu x’jistaʼ jagħmel biex isir għalliem aħjar?

17 Aqra l-​1 Timotju 4:13, 15. Jekk int ħu mgħammed, ipprova sir kelliemi u għalliem aħjar. Għala? Għax jekk tipprova ssir qarrej, kelliemi u għalliem aħjar, int se tkun tistaʼ tgħin iktar lil dawk li jkunu qegħdin jisimgħuk. Ipprova agħmilha mira li tistudja u tapplika l-​pariri li nsibu fil-​browxer Irsisti fil-​qari u t-​tagħlim. Studja punt punt, ipprattika sew id-​dar, u mbagħad applika dak li titgħallem meta tkun qed tagħti xi taħdita. Itlob xi suġġerimenti lill-​ajjutant li jagħti l-​pariri jew lill-​anzjani oħrajn ‘li jaħdmu iebes biex jgħallmu.’ * (1 Tim. 5:17) Tiffokax biss biex tapplika l-​lezzjoni mill-​browxer imma wkoll biex tgħin lis-​semmiegħa tiegħek isaħħu l-​fidi tagħhom u japplikaw dak li jitgħallmu. Meta tagħmel hekk, int se tferraħ lil oħrajn u dan se jġiblek iktar ferħ.

Liema mira tista’ tilħaq? (Ara paragrafu 18) *

18. X’jistaʼ jgħinna nilħqu l-​miri tagħna fil-​ministeru?

18 Ilkoll kemm aħna għandna l-​inkarigu li nippritkaw u nagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20; Rum. 10:14) Tixtieq ittejjeb l-​abbiltà tiegħek f’dan ix-​xogħol importanti? Jekk iva, studja l-​browxer Tagħlim, u agħmilha mira li tapplika dak li titgħallem. Int tistaʼ tieħu xi ideat ukoll mill-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa—Il-​Ħajja u l-​Ministeru Kristjan Tagħna u mill-​vidjows tal-​eżempji taʼ konversazzjoni li jkollna fil-​laqgħat taʼ matul il-​ġimgħa. Ipprova modi differenti li taħseb li huma utli fit-​territorju tiegħek. Meta tapplika dawn is-​suġġerimenti, int se ssir għalliem aħjar u dan se jġiblek iżjed ferħ.—2 Tim. 4:5.

Liema mira tista’ tilħaq? (Ara paragrafu 19) *

19. Kif tistaʼ tiżviluppa kwalitajiet Kristjani?

19 Tinsiex, waħda mill-​aqwa miri li tistaʼ tagħmel hi li tiżviluppa kwalitajiet li jogħġbu lil Ġeħova. (Gal. 5:22, 23; Kol. 3:12; 2 Pt. 1:5-​8) X’tistaʼ tagħmel biex tilħaq din il-​mira? Forsi tixtieq ssaħħaħ iktar il-​fidi tiegħek. Tistaʼ taqra artikli fil-​pubblikazzjonijiet tagħna li jkun fihom suġġerimenti kif tistaʼ ssaħħaħ il-​fidi. Int tibbenefika wkoll jekk tara esperjenzi t’aħwa fuq il-​JW Broadcasting® li wrew fidi kbira meta kienu għaddejjin mill-​provi. Imbagħad ara kif inti tistaʼ timita l-​fidi tagħhom fil-​ħajja tiegħek.

20. X’nistgħu nagħmlu biex inħossuna iżjed ferħanin u ma nibqgħux inħossuna daqshekk diżappuntati?

20 Bla dubju, ilkoll kemm aħna nixtiequ nagħmlu iktar għal Ġeħova, imma forsi bħalissa mhux kulħadd jistaʼ. Però, ftakar li fid-​dinja l-​ġdida lkoll kemm aħna se nkunu nistgħu. Sa dak iż-​żmien, jekk nagħmlu l-​almu tagħna f’dak li nistgħu nagħmlu għal Ġeħova, se nkunu iktar ferħanin u mhux se nibqgħu nħossuna daqshekk diżappuntati. U l-​iktar ħaġa importanti hi li nġibu tifħir lil Ġeħova, li hu “l-​Alla l-​hieni.” (1 Tim. 1:11) Għalhekk ejja nkunu ferħanin b’dak li nistgħu nagħmlu għal Ġeħova!

GĦANJA 82 Ħa “jiddi d-​dawl tagħkom”

^ par. 5 Aħna nħobbuh ħafna lil Ġeħova u nixtiequ nagħmlu dak kollu li nistgħu għalih. Għalhekk, ħafna minna jixtiequ jżidu fl-​ippritkar jew jagħmlu iktar fil-​kongregazzjoni. Imma x’se nagħmlu jekk minkejja li qegħdin nagħmlu l-​almu tagħna ma nistgħux nilħqu xi miri li għamilna? X’jistaʼ jgħinna nibqgħu żelużi fix-​xogħol taʼ Ġeħova? Fit-​tixbiha tat-​talenti li semma Ġesù se nsibu t-​tweġiba.

^ par. 2 Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 7 ESPRESSJONI SPJEGATA: Talent kien l-​ammont taʼ flus li kien jaqlaʼ ħaddiem f’madwar 20 sena.

^ par. 15 Aħwa rġiel mgħammdin huma inkuraġġiti biex jaħdmu ħalli jikkwalifikaw bħala qaddejja ministerjali jew anzjani. Biex tkun taf iktar dwar il-​kwalifiki, ara kapitli 5 u 6 tal-​ktieb Organizzati biex nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova.

^ par. 17 ESPRESSJONI SPJEGATA: L-​ajjutant li jagħti l-​pariri huwa anzjan li jiġi inkarigat biex, meta jkun hemm bżonn, jagħti pariri fil-​privat lil anzjani jew qaddejja ministerjali meta jkollhom inkarigu fil-​kongregazzjoni.

^ par. 64 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Biex jilħaq il-mira tiegħu li jsir għalliem aħjar, ħu qed jagħmel riċerka fil-pubblikazzjonijiet tagħna.

^ par. 66 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Wara li għamlitha mira li tipprietka b’mod informali, oħt qed tagħti kard tal-jw.org lill-waitress.

^ par. 68 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt li għamlet il-mira li tkun iktar ġeneruża, qed tagħti rigal lil oħt oħra.