Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 32

Saħħaħ il-Fidi Tiegħek fil-Ħallieq

Saħħaħ il-Fidi Tiegħek fil-Ħallieq

“Il-​fidi hi . . . it-​turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.”—EBR. 11:1.

GĦANJA 11 Il-​ħolqien ifaħħar lil Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Jekk twelidt fil-​verità, x’tgħallimt dwar Ġeħova?

JEKK twelidt fil-​verità, x’aktarx li tgħallimt dwar Ġeħova minn meta kont żgħir. Int tgħallimt li hu ħalaq kollox, għandu kwalitajiet mill-​isbaħ, u li se jerġaʼ jagħmel l-​art ġenna.—Ġen. 1:1; Atti 17:24-​27.

2. Xi wħud x’jaħsbu dwar dawk li jemmnu fil-​Ħallieq?

2 Illum ħafna nies ma jemmnux li Alla jeżisti jew li hu l-​Ħallieq taʼ kollox. Minflok, huma jemmnu li l-​ħajja bdiet teżisti b’kumbinazzjoni u li mbagħad minn ħajja waħda ġew ħlejjaq ħajjin oħrajn. Xi wħud min-​nies li jemmnu dan huma taʼ skola. Huma jgħidu li x-​xjenza turi li dak li tgħid il-​Bibbja mhux minnu, u li dawk in-​nies li jemmnu li Alla ħalaq kollox huma injoranti u jemmnu kulma jisimgħu.

3. Għala hu importanti li nsaħħu l-​fidi tagħna fil-​Ħallieq?

3 L-​irraġunar taʼ dawn in-​nies jistaʼ jġegħelna naħsbu li Ġeħova mhux il-​Ħallieq taʼ kollox? Dan jiddependi ħafna għala nemmnu li Alla huwa l-​Ħallieq. Aħna nemmnu għax ġejna mgħallmin hekk jew għax studjajna u konvinti li hemm Ħallieq? (1 Kor. 3:12-​15) Ilna kemm ilna fil-​verità, irridu nibqgħu nsaħħu l-​fidi tagħna. Jekk nagħmlu dan, mhux se niġu mqarrqin meta n-​nies jgħidulna li dak li tgħid il-​Bibbja mhux veru. (Kol. 2:8; Ebr. 11:6) Biex jgħinna, dan l-​artiklu se jiddiskuti (1) għala ħafna nies ma jemmnux li hemm Ħallieq, (2) kif tistaʼ ssaħħaħ il-​fidi tiegħek li Ġeħova hu l-​Ħallieq, u (3) kif tistaʼ tibqaʼ konvint li Ġeħova hu l-​Ħallieq.

GĦALA ĦAFNA MA JEMMNUX LI HEMM ĦALLIEQ

4. Skont Ebrej 11:1, il-​fidi x’inhi?

4 Xi nies jaħsbu li l-​fidi tfisser li temmen f’xi ħaġa mingħajr provi. Imma l-​Bibbja turina li din mhix fidi vera. Il-​Bibbja tispjega li l-​fidi hi bbażata fuq turija evidenti, jew il-​provi. (Aqra Ebrej 11:1.) Pereżempju, għalkemm ma nistgħux naraw lil Ġeħova, lil Ġesù, u s-​Saltna, aħna għandna l-​provi li jeżistu. (Ebr. 11:3) Xjentist li sar Xhud taʼ Ġeħova jgħid: “Il-​fidi tagħna mhix fidi għamja u ma tinjorax dak li tgħid ix-​xjenza.”

5. Għala ħafna nies ma jemmnux li Alla ħalaq kollox?

5 Aħseb ftit, ‘Għala ħafna nies jaħsbu li Alla mhux il-​Ħallieq taʼ kollox meta hemm ħafna provi?ʼ Għax huma qatt ma fittxew biex isiru jafu. Robert, li sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, jgħid: “Peress li l-​iskola qatt m’għallmuna li Alla hu l-​Ħallieq, jien kont naħseb li l-​ħajja ġiet waħedha. Imma mbagħad meta kelli 22 sena ltqajt max-​Xhieda taʼ Ġeħova u tgħallimt li fil-​Bibbja nsibu raġunijiet tajba għala għandna nemmnu li Alla ħalaq kollox.” *—Ara l-​kaxxa “ Messaġġ Importanti għall-​Ġenituri.”

6. Għala xi nies ma jemmnux li hemm Ħallieq?

6 Xi wħud ma jemmnux fil-​Ħallieq għax jgħidu li jemmnu f’dak li jistgħu jaraw biss. Imma fil-​verità huma jemmnu f’affarijiet li ma jistgħux jaraw, bħal pereżempju r-​riħ. Minkejja li ma jarawhx, huma għandhom il-​provi li jeżisti. Il-​fidi li tissemma fil-​Bibbja wkoll hija bbażata fuq affarijiet li ma nistgħux naraw imma hemm il-​provi li jeżistu. (Ebr. 11:1) Jieħu l-​ħin u rridu nagħmlu sforz biex ikollna l-​evidenza, imma ħafna nies mhux lesti jagħmlu dan. Persuna li ma tistudjax biex ikollha l-​evidenza għaliha nfisha tistaʼ tasal biex tgħid li Alla ma jeżistix.

7. In-​nies taʼ skola kollha ma jemmnux fil-​Ħallieq? Spjega.

7 Wara li studjaw il-​provi li Alla jeżisti, xi xjentisti saru konvinti li hemm Ħallieq. * Bħal Robert, li diġà semmejna, xi wħud kienu jaħsbu li m’hemmx Ħallieq għax fl-​università qatt ma ġew mgħallmin li xi ħadd ħalaqna. Però, ħafna xjentisti tgħallmu dwar Ġeħova u saru jħobbuh. Bħal dawn ix-​xjentisti, aħna wkoll irridu nsaħħu l-​fidi tagħna fil-​Ħallieq. Ħadd ma jistaʼ jagħmel dan għalina.

KIF TISTAʼ SSAĦĦAĦ IL-​FIDI TIEGĦEK FIL-​ĦALLIEQ

8-9. (a) Liema mistoqsija se nikkunsidraw? (b) Jekk tistudja dwar l-​affarijiet taʼ madwarek kif se jgħinek?

8 Kif tistaʼ int issaħħaħ il-​fidi tiegħek fil-​Ħallieq? Ejjew nikkunsidraw erbaʼ modi.

9 Tgħallem dwar il-​ħolqien taʼ madwarek. Int tistaʼ ssaħħaħ il-​fidi tiegħek f’Alla billi tosserva l-​annimali, il-​pjanti, u l-​istilel. (Salm 19:1; Is. 40:26) Iktar ma tistudja dwar dawn l-​affarijiet, iktar se ssir konvint li Ġeħova hu l-​Ħallieq taʼ kollox. Spiss il-​pubblikazzjonijiet tagħna jkun fihom artikli li jidħlu fid-​dettall biex jispjegaw il-​ħolqien. Jekk issibha diffiċli biex tifhem dawn l-​artikli, xorta studjahom. Taqbiżhomx! Tgħallem dak li tistaʼ minnhom. U fuq il-​website tagħna, jw.org, tinsiex tara l-​vidjows sbieħ li hemm dwar il-​ħolqien li ħarġu fil-​konvenzjonijiet!

10. Agħti eżempju li juri li hemm Ħallieq. (Rumani 1:20)

10 Oqgħod attent għall-​affarijiet li tistaʼ titgħallem dwar Ġeħova meta tkun qed tistudja dwar l-​affarijiet taʼ madwarek. (Aqra Rumani 1:20.) Pereżempju, ix-​xemx tipprovdi s-​sħana u d-​dawl li għandna bżonn biex ngħixu. Imma xi raġġi tax-​xemx jistgħu jagħmlulna l-​ħsara. Bħala bnedmin aħna għandna bżonn inkunu protetti minn dawn ir-​raġġi. Fil-​fatt, hekk qed jiġri. Kif? Mad-​dawra tad-​dinja hemm l-​ozone layer li qed jipproteġina minn dawn ir-​raġġi. Meta dawn ir-​raġġi jkunu iżjed b’saħħithom, il-​gass tal-​ozone layer jiżdied. Taħseb li dan ġie mix-​xejn jew hemm Ħallieq intelliġenti u li jħobbna?

11. Fejn tistaʼ ssib informazzjoni li tistaʼ tgħinek issaħħaħ il-​fidi tiegħek fil-​Ħallieq? (Ara l-​kaxxa “ Informazzjoni li Biha Ssaħħaħ il-​Fidi fil-​Ħallieq.”)

11 Tistaʼ ssaħħaħ il-​fidi tiegħek fil-​Ħallieq billi tfittex fil-​Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet u tagħmel riċerka fuq jw.org. Tistaʼ tibda billi tara l-​artikli u l-​vidjows mis-​serje “Ġie Disinjat?” Dawn huma qosra, imma fihom tistaʼ ssib affarijiet interessanti ħafna dwar l-​annimali u l-​pjanti. Ukoll fihom eżempji fejn juru li x-​xjentisti qed jipprovaw jikkopjaw il-​ħolqien.

12. Meta tistudja l-​Bibbja, liema affarijiet għandek toqgħod attent għalihom?

12 Studja l-​Bibbja. Ix-​xjentist li semmejna f’paragrafu 4 ma bediex jemmen fil-​Ħallieq mill-​ewwel. Imma maż-​żmien hu sar konvint li hemm Ħallieq. Hu jgħid: “Bdejt nemmen mhux biss b’dak li kont naf mix-​xjenza, imma wkoll b’dak li tgħallimt meta studjajt il-​Bibbja.” Forsi inti diġà taf il-​Bibbja sew. Imma biex issaħħaħ il-​fidi tiegħek fil-​Ħallieq, għandek bżonn tkompli tistudja l-​Bibbja. (Ġoż. 1:8; Salm 119:97) Pereżempju, aħseb dwar id-​dettalji li ssemmi l-​Bibbja taʼ ġrajjiet li ġraw ħafna snin ilu. Aħseb ukoll dwar il-​profeziji li seħħew u kif il-​kittieba tal-​Bibbja qablu bejniethom b’dak li kitbu. Jekk tagħmel hekk, se ssaħħaħ il-​fidi tiegħek fil-​Ħallieq kollu mħabba u fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. *2 Tim. 3:14; 2 Pt. 1:21.

13. Semmi parir mill-​Bibbja li għadu jgħodd għalina llum.

13 Meta tistudja l-​Kelma t’Alla, ara kemm huma t’għajnuna l-​pariri li nsibu fiha. Pereżempju ħafna snin ilu, il-​Bibbja qalet li l-​imħabba għall-​flus iġġib “ħafna weġgħat.” (1 Tim. 6:9, 10; Prov. 28:20; Mt. 6:24) Dan il-​kliem għadu jgħodd għalina llum? Ktieb li jitkellem dwar l-​attitudni tan-​nies fi żmienna jgħid: “Ħafna drabi, nies li jkunu moħħhom fl-​affarijiet materjali jispiċċaw imdejqin u dipressi. Anke dawk in-​nies li jixtiequ li jkollhom iktar flus mhumiex kuntenti u jbatu bil-​problemi taʼ saħħa.” Mela l-​parir li nsibu fil-​Bibbja li m’għandniex inħobbu l-​flus se jgħinna ħafna! Tistaʼ taħseb dwar parir ieħor fil-​Bibbja li għenek? Meta naħsbu dwar il-​pariri tajbin li nsibu fil-​Bibbja, aħna se naraw li Ġeħova, il-​Ħallieq tagħna, jaf x’inhu l-​aħjar għalina. U b’hekk aħna se nistrieħu fuq il-​pariri tiegħu. (Ġak. 1:5) Jekk nagħmlu hekk, se nkunu iktar ferħanin.—Is. 48:17, 18.

14. Meta tistudja l-​Bibbja, x’se titgħallem dwar Ġeħova?

14 Studja l-​Bibbja bil-​mira li ssir taf lil Ġeħova aħjar. (Ġw. 17:3) Jekk tagħmel hekk, se titgħallem dwar il-​kwalitajiet u l-​personalità taʼ Ġeħova. U meta tistudja l-​ħolqien se titgħallem ukoll dwar dawn l-​istess kwalitajiet. Meta nitgħallmu dwar il-​kwalitajiet taʼ Ġeħova se nkunu konvinti li hu jeżisti. (Eżo. 34:6, 7; Salm 145:8, 9) Iktar ma ssir taf lil Ġeħova u tkabbar il-​ħbiberija tiegħek miegħu, iktar se tafdah u iktar se tħobbu.

15. Meta titkellem dwar Alla m’oħrajn kif jgħinek?

15 Tkellem m’oħrajn dwar Alla. Meta tagħmel hekk, il-​fidi tiegħek se tissaħħaħ. Imma xi ngħidu jekk tkun qed tipprietka u tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li ma jemminx f’Alla u int ma tkunx taf x’se twieġbu? Ipprova sib tweġiba mill-​Iskrittura f’waħda mill-​pubblikazzjonijiet tagħna u mbagħad aqsamha miegħu. (1 Pt. 3:15) Barra minn hekk, tistaʼ tgħid lil xi ħadd mill-​aħwa biex jgħinek. Sew jekk il-​persuna taċċetta dak li tgħidilha u sew jekk ma taċċettax, int se tibbenefika mir-​riċerka li tagħmel. Int se ssir iktar konvint f’dak li temmen. Imbagħad int żgur mhux se temmen lil dawk li jgħidu li Alla ma jeżistix.

ŻOMM IL-​FIDI TIEGĦEK SODA!

16. X’jistaʼ jiġrilna jekk ma nżommux il-​fidi tagħna b’saħħitha?

16 Ilna kemm ilna naqdu lil Ġeħova, aħna rridu nkomplu nsaħħu l-​fidi tagħna fih. Għala? Għax jekk ma noqogħdux attenti l-​fidi tagħna tistaʼ tiddgħajjef. Kif diġà semmejna, il-​fidi tagħna hi bbażata fuq affarijiet li ma jidhrux imma għandna l-​provi li jeżistu. U kultant l-​affarijiet li ma jidhrux nistgħu ninsewhom. Għalhekk, l-​appostlu Pawlu qal li nuqqas taʼ fidi hija “d-​dnub li faċilment ifixkilna.” (Ebr. 12:1) Allura x’nistgħu nagħmlu biex ma naqgħux f’din in-​nassa?—2 Tess. 1:3.

17. X’jistaʼ jgħinna nżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha?

17 L-​ewwel, itlob spiss lil Ġeħova biex jagħtik l-​ispirtu qaddis tiegħu. Għala? Għax l-​ispirtu qaddis se jgħinna jkollna l-​fidi. (Gal. 5:22, 23) Aħna ma jistax ikollna l-​fidi fil-​Ħallieq jew insaħħuha jekk ma jkollniex l-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis. Jekk aħna nibqgħu nitolbu lil Ġeħova għall-​ispirtu qaddis, hu se jagħtihulna. (Lq. 11:13) Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova: “Agħtina iktar fidi.”—Lq. 17:5.

18. Skont Salm 1:2, 3, illum liema rigal prezzjuż għandna?

18 It-​tieni, studja l-​Bibbja b’mod regolari. (Aqra Salm 1:2, 3.) Meta nkiteb dan is-​salm, ftit Iżraelin kellhom kopja tal-​Liġi t’Alla. Però, is-​slaten u l-​qassisin setaʼ jkollhom kopja, u darba kull sebaʼ snin, “l-​irġiel, in-​nisa, iċ-​ċkejknin,” u r-​residenti barranin f’Iżrael kienu jiltaqgħu flimkien biex jisimgħu l-​Liġi t’Alla tinqara. (Dt. 31:10-​12) Anke fi żmien Ġesù ftit kienu dawk li kellhom kopja tal-​Iskrittura. Ħafna kopji tal-​Iskrittura kienu jkunu fis-​sinagogi. Però, illum il-​maġġoranza tan-​nies għandhom il-​Bibbja. Mhuwiex dan rigal prezzjuż? Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-​Bibbja?

19. X’għandna bżonn nagħmlu biex inżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha?

19 Aħna nuru li napprezzaw il-​Bibbja billi naqrawha b’mod regolari. Aħna rridu nwarrbu l-​ħin biex naqraw u nistudjaw il-​Bibbja, mhux naqrawha biss meta jkollna ċ-​ċans. Jekk naqraw il-​Bibbja b’mod regolari, se nżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha.

20. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

20 Għall-​kuntrarju tal-​“għorrief u l-​intellettwali” tad-​dinja, aħna għandna fidi bbażata fuq il-​Kelma t’Alla. (Mt. 11:25, 26) Il-​Bibbja turina għala l-​affarijiet fid-​dinja sejrin għall-​agħar u dak li se jagħmel Ġeħova. Għalhekk, ejjew inkunu determinati li nkomplu nsaħħu l-​fidi tagħna u ngħinu lil kemm jistaʼ jkun nies biex ikollhom il-​fidi fil-​Ħallieq tagħna. (1 Tim. 2:3, 4) U ejjew inkomplu nħarsu ’l quddiem għal dak iż-​żmien meta n-​nies tad-​dinja kollha se jgħidu l-​kliem li nsibu f’​Rivelazzjoni 4:11: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja . . . għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha.”

GĦANJA 2 Ġeħova ismek hu

^ par. 5 Il-​Bibbja turi b’mod ċar li Alla Ġeħova ħalaq l-​affarijiet kollha. Imma ħafna nies ma jemmnux dan. Huma jemmnu li l-​ħajja bdiet teżisti b’kumbinazzjoni. Imma dak li jgħidu se jġegħelna niddubitaw jekk Ġeħova ħalaqx kollox? Le. Jekk nagħmlu l-​almu tagħna biex insaħħu l-​fidi tagħna f’Alla u fil-​Bibbja mhux se jkollna dubji. Dan l-​artiklu se jispjega kif nistgħu nagħmlu dan.

^ par. 5 F’ħafna skejjel, l-​għalliema lanqas biss isemmu li Alla jistaʼ jkun il-​Ħallieq. Huma jaħsbu li jekk jgħallmu dan, ikunu qed iġiegħlu lill-​istudenti jemmnu b’Alla.

^ par. 7 Biex tara x’jgħidu wħud taʼ skola, inkluż xjentisti li jemmnu fil-​Ħallieq, ara l-​Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Mur fuq “Suġġetti,” “Xjenza u Teknoloġija,” imbagħad “‘Intervista’ (Serje fi Stenbaħ!).” Jew ara Watch Tower Publications Index l-​iktar reċenti. Mur fuq “Science,” imbagħad fittex taħt “scientists expressing belief in creation.”

^ par. 12 Pereżempju, ara kapitlu 2, “Il-​Bibbja—Ktieb mingħand Alla” tal-​ktieb “X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Bibbja?” u l-​artiklu “Dak li Jbassar Ġeħova Jitwettaq” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Jannar 2008.