Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 31

Se Tibqaʼ Tistenna lil Ġeħova?

Se Tibqaʼ Tistenna lil Ġeħova?

“Jien se nistenna b’attitudni xierqa.”—MIK. 7:7.

GĦANJA 128 Nissaportu sat-​tmiem

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

KIF tħossok meta tkun xtrajt xi ħaġa li jkollok bżonn u ddum biex tasal? Tħossok iddiżappuntat jew inkwetat? Mela qed tħossok kif jgħid Proverbji 13:12: “L-​istennija mtawla qed tmarrad il-​qalb.” Imma xi ngħidu jekk issir taf li dak li xtrajt għadu ma wasalx għal raġunijiet tajbin? Jekk jiġri hekk, isserraħ moħħok u bil-​paċenzja tibqaʼ tistenna.

2 F’dan l-​artiklu se naraw xi prinċipji mill-​Bibbja li se jgħinuna nibqgħu nistennew “b’attitudni xierqa,” jew bil-​paċenzja. (Mik. 7:7) Imbagħad se naraw żewġ sitwazzjonijiet fejn bil-​paċenzja jkollna nistrieħu fuq Ġeħova. U fl-​aħħar se naraw il-​barkiet li se jagħtina Ġeħova jekk inkunu lesti li nibqgħu nistennewh.

PRINĊIPJI MILL-​BIBBJA LI JGĦALLMUNA NKUNU PAĊENZJUŻI

3. Proverbji 13:11 x’jgħallimna?

3 Proverbji 13:11 jgħallimna għala għandna bżonn inkunu paċenzjużi. Hemm jgħid: “Il-​ġid miksub taʼ malajr, malajr jinħela, imma min jiġmaʼ ftit ftit, ikattar ġidu.” (Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) X’nitgħallmu minn dan il-​vers? Persuna bil-​għaqal taħseb sew u tkun paċenzjuża, u b’hekk ikollha riżultati tajbin.

4. X’jgħallimna l-​prinċipju li nsibu fi Proverbji 4:18?

4 Proverbji 4:18 jgħidilna: “Il-​mogħdija tan-​nies sewwa hi bħal dawl qawwi li qed jiżdied iktar u iktar sal-​milja tal-​jum.” Dan il-​vers juri biċ-​ċar li Ġeħova jgħin lin-​nies tiegħu jifhmu l-​iskop li għandu. Dan il-​vers jistaʼ jgħinna wkoll nifhmu kif Kristjan jagħmel il-​bidliet f’ħajtu u jersaq qrib Ġeħova. Jieħu ż-​żmien biex persuna tersaq qrib Ġeħova. Ukoll, jekk nistudjaw il-​Bibbja sew u napplikaw il-​pariri li nsibu fiha u li tagħtina l-​organizzazzjoni, bil-​mod il-​mod se nkunu nistgħu nimitaw il-​kwalitajiet taʼ Kristu. Apparti minn hekk se nsiru nafu lil Alla aħjar. Ejja naraw kif spjega dan Ġesù.

Bħalma pjanta tikber bil-mod il-mod, persuna li taċċetta l-messaġġ tas-Saltna se tagħmel il-bidliet bil-mod il-mod (Ara paragrafu 5)

5. Ġesù liema eżempju ġab biex jurina li persuna tieħu ż-​żmien biex tagħmel il-​bidliet f’ħajjitha?

5 Ġesù ġab eżempju biex jispjega kif il-​messaġġ tas-​Saltna li nippritkaw huwa bħal żerriegħa żgħira li bil-​mod il-​mod tikber f’qalb dawk li huma sinċiera. Hu qal: “Iż-​żerriegħa tinbet u tikber, bla ma [il-​bidwi] jaf kif. L-​art tagħti l-​frott minnha nfisha bil-​mod il-​mod, l-​ewwel in-​nebbieta, imbagħad is-​sbula, fl-​aħħarnett il-​qamħ mimli fis-​sbula.” (Mk. 4:27, 28) Ġesù x’ried ifisser meta qal dan? Hu ried jispjega li bħalma pjanta tikber bil-​mod il-​mod, persuna li taċċetta l-​messaġġ tas-​Saltna se tagħmel il-​bidliet f’ħajjitha bil-​mod il-​mod. Pereżempju, meta l-​istudent tal-​Bibbja tagħna jersaq qrib Ġeħova, aħna nibdew naraw il-​ħafna bidliet li hu jkun qed jagħmel. (Efes. 4:22-​24) Imma rridu niftakru li huwa Ġeħova li jkabbar lil dik iż-​żerriegħa żgħira.—1 Kor. 3:7.

6-7. X’nitgħallmu mill-​mod kif Ġeħova ħalaq id-​dinja?

6 F’dak kollu li jagħmel, Ġeħova jieħu l-​ħin tiegħu. Dan jagħmlu biex iġib tifħir lil ismu u biex jgħin lil oħrajn. Ejja naraw kif Ġeħova għamel dan pass pass meta ħalaq l-​art.

7 Meta Ġeħova kien qed jispjega lil Ġob kif ħalaq l-​art, Ġeħova qabbel dak li għamel max-​xogħol taʼ bennej. Hu semma “l-​qisien,” “il-​kejl,” u “l-​pedestalli tagħha.” (Ġob 38:5, 6) Ġeħova anke ħa l-​ħin biex jaħseb dwar ix-​xogħol li għamel. (Ġen. 1:10, 12) Tistaʼ timmaġina kif ħassewhom l-​anġli kull darba li Ġeħova ħalaq xi ħaġa ġdida? Huma ħassewhom eċċitati tant li bdew ifaħħru lil Ġeħova! (Ġob 38:7) X’nitgħallmu minn dan? Biex Ġeħova ħalaq id-​dinja, l-​istilel, u l-​ħlejjaq ħajjin, hu ħa eluf taʼ snin. Imma meta ra dak kollu li bil-​paċenzja ħalaq, hu qal “kien tajjeb ħafna.”—Ġen. 1:31.

8. Issa x’se nikkunsidraw?

8 F’dawn l-​eżempji li semmejna rajna li fil-​Kelma t’Alla nsibu ħafna prinċipji li jgħallmuna li għandna nkunu paċenzjużi. Issa se nikkunsidraw żewġ sitwazzjonijiet fejn aħna għandna nkunu lesti li nistennew bil-​paċenzja lil Ġeħova.

META JAF IKOLLNA NĦALLU L-​AFFARIJIET F’IDEJN ĠEĦOVA?

9. F’liema sitwazzjoni jaf ikollna nkunu paċenzjużi u nistennew lil Ġeħova?

9 Jaf ikollna nistennew lil Ġeħova biex iwieġeb it-​talb tagħna. Meta nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nissaportu xi problema jew biex jgħinna nieqfu nagħmlu xi ħaġa li lilu ma togħġbux, forsi naħsbu li qed idum biex iwieġeb it-​talb tagħna. Imma Ġeħova għala mhux dejjem iwieġeb it-​talb tagħna mill-​ewwel?

10. Għala għandna nkunu paċenzjużi u nistennew lil Ġeħova jwieġeb it-​talb tagħna?

10 Ġeħova joqgħod attent għat-​talb tagħna. (Salm 65:2) It-​talb tagħna juri li aħna nafdaw fih. (Ebr. 11:6) U meta aħna nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nagħmlu dak li jixtieq, hu joqgħod attent biex jara jekk aħna hux qed nagħmlu l-​parti tagħna biex ngħixu ħajjitna fi qbil mar-​rieda tiegħu. (1 Ġw. 3:22) Mela, meta nitolbuh biex jgħinna nieqfu nagħmlu xi ħaġa li ma togħġbux, irridu nkunu paċenzjużi u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ninbidlu. Ġesù għenna nifhmu li kultant Ġeħova ma jweġibx it-​talb tagħna mill-​ewwel. Hu qal: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom. Għax kulmin jitlob jaqlaʼ, u kulmin ifittex isib, u kulmin iħabbat jinfetaħlu.” (Mt. 7:7, 8) Meta napplikaw il-​parir tiegħu u ‘nibqgħu nitolbu,’ nistgħu nkunu ċerti li Missierna tas-​sema se jismaʼ t-​talb tagħna u jwieġbu.—Kol. 4:2.

Waqt li qed nistennew lil Ġeħova, għandna nibqgħu nitolbuh u nkunu fiduċjużi li se jwiġibna (Ara paragrafu 11) *

11. Ebrej 4:16 kif jgħinna meta nħossu li Ġeħova ma weġibx it-​talb tagħna mill-​ewwel?

11 Minkejja li kultant inħossu li Ġeħova qed idum biex iwieġeb it-​talb tagħna, hu jwegħedna li se jwieġbu ‘f’waqtu.’ (Aqra Ebrej 4:16.) Għalhekk, qatt m’għandna naħsbu li Ġeħova mhux qed jismagħna jekk ma jweġibx it-​talb tagħna mill-​ewwel. Pereżempju, ħafna aħwa ilhom snin jitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla u tneħħi t-​tbatija u l-​problemi li hawn. U anke Ġesù qalilna biex nitolbu għas-​Saltna. (Mt. 6:10) Mela, ma jkunx jagħmel sens jekk nitilfu l-​fidi f’Ġeħova għax is-​Saltna t’Alla ma ġietx meta ħsibna aħna! (Ħab. 2:3; Mt. 24:44) Ikun tajjeb li nibqgħu nistennew lil Ġeħova u nkunu fiduċjużi li se jwieġeb it-​talb tagħna. Is-​Saltna taʼ Ġeħova se tiġi meta jkun il-​waqt għaliex hu diġà għażel “il-​jum u s-​siegħa.” U meta jasal dak il-​jum se naraw li kien tajjeb għal kulħadd.—Mt. 24:36; 2 Pt. 3:15.

Liema lezzjoni dwar il-paċenzja nistgħu nitgħallmu minn Ġużeppi? (Ara paragrafi 12-14)

12. Meta jistaʼ jkun diffiċli għalina biex inkunu paċenzjużi?

12 Jaf ikollna nkunu paċenzjużi meta nkunu qed niffaċċjaw xi inġustizzja. In-​nies fid-​dinja ma jittrattawx lil kulħadd l-​istess. Dan jistaʼ jkun minħabba r-​razza, is-​sess tal-​persuna, il-​kultura, jew in-​nazzjonalità tagħhom. Oħrajn jiġu trattati ħażin minħabba li jkollhom diżabbiltà fiżika jew mentali. Ħafna Xhieda taʼ Ġeħova batew inġustizzji minħabba dak li jemmnu. Meta niġu trattati b’mod ħażin, irridu niftakru l-​kliem taʼ Ġesù: “Min jissaporti sat-​tmiem jiġi salvat.” (Mt. 24:13) Imma x’se tagħmel jekk issir taf li xi ħadd fil-​kongregazzjoni għamel dnub serju? Jekk l-​anzjani jkunu jafu bil-​każ, se tkun paċenzjuż u tafdahom li se jagħmlu l-​affarijiet kif irid Ġeħova? U l-​anzjani x’jagħmlu meta xi ħadd jagħmel dnub serju?

13. Ġeħova xi jridhom jagħmlu lill-​anzjani meta xi ħadd jagħmel dnub serju?

13 Meta l-​anzjani jsiru jafu li xi ħadd fil-​kongregazzjoni għamel dnub serju, huma jitolbu għall-​“għerf li ġej minn fuq.” B’hekk Ġeħova jkun jistaʼ jgħinhom jifhmu s-​sitwazzjoni bil-​mod kif jifhimha hu. (Ġak. 3:17) L-​iskop tagħhom hu li, jekk ikun possibbli, jgħinu lill-​persuna li tkun żbaljat terġaʼ lura lejn Ġeħova. (Ġak. 5:19, 20) Barra minn hekk, huma jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipproteġu lill-​kongregazzjoni u jgħinu lill-​aħwa li ġew imweġġgħin. (2 Kor. 1:3, 4) Meta l-​anzjani jsiru jafu li xi ħadd għamel dnub serju, l-​ewwel huma jsiru jafu x’ġara eżatt u dan jaf jieħu ż-​żmien. Huma jitolbu, jagħmlu riċerka, jagħtu pariri bbażati fuq l-​Iskrittura, u jikkoreġu lill-​persuna li tkun għamlet id-​dnub skont il-​bżonn. (Ġer. 30:11) Għalkemm l-​anzjani ma jiħduhiex fit-​tul biex jieħdu deċiżjoni, huma ma jgħaġġlux. Meta l-​anzjani jsegwu d-​direzzjoni taʼ Ġeħova, il-​kongregazzjoni kollha se tibbenefika. Għalkemm l-​anzjani jagħmlu kollox kif suppost, xorta se jkun hemm min iweġġaʼ minħabba l-​persuna li tkun għamlet id-​dnub. Jekk ġralek hekk, x’jistaʼ jgħinek?

14. Jekk xi ħu jew oħt weġġgħatek, liema eżempju fil-​Bibbja jistaʼ jgħinek?

14 Ġieli kien hemm xi ħadd li weġġgħek, forsi anke ħu jew oħt? Fil-​Bibbja tistaʼ ssib eżempji tajbin biex jgħinuk tkun paċenzjuż u tħalli f’idejn Ġeħova biex jirranġa s-​sitwazzjoni. Pereżempju, minkejja li ħut Ġużeppi ttrattawh b’mod ħażin, hu ma ħalliex il-​ħażen tagħhom jirrabjah. Minflok, hu għamel l-​almu tiegħu biex ikompli jaqdi lil Ġeħova u Ġeħova bierku għall-​paċenzja li wera. (Ġen. 39:21) Maż-​żmien Ġużeppi kien lest li jaħfer lil dawk li weġġgħuh u setaʼ jara kif Ġeħova bierku. (Ġen. 45:5) Bħal Ġużeppi, aħna nħossuna inkuraġġiti meta nersqu qrib Ġeħova u nħallu f’idejh biex jirranġa l-​affarijiet hu.—Salm 7:17; 73:28.

15. X’għen lill-​oħt tibqaʼ paċenzjuża minkejja l-​inġustizzja li għaddiet minnha?

15 Bla dubju, mhux kulħadd se jgħaddi minn dak li għadda Ġużeppi. Imma meta niġu trattati ħażin ilkoll kemm aħna nweġġgħu. Meta jkollna xi problema maʼ xi ħadd, anke jekk ma jkunx Xhud, dejjem se nibbenefikaw meta napplikaw il-​pariri li nsibu fil-​Bibbja. (Flp. 2:3, 4) Ikkunsidra l-​esperjenza t’oħt. Din l-​oħt vera ddispjaċieha meta waħda li kienet taħdem magħha bdiet tigdeb fuqha. Però, hi m’għaġġlitx. Minflok ħasbet dwar l-​eżempju taʼ Ġesù. Meta n-​nies għajruh, Ġesù m’għajjarhomx lura. (1 Pt. 2:21, 23) Peress li ħasbet f’dan, hi ddeċidiet li ma tgħidilha xejn. Iktar tard, l-​oħt saret taf li dik li gidbet fuqha kienet marida serjament u kienet għaddejja minn stress kbir. Għalhekk, l-​oħt għażlet li tinsa dak li qalet fuqha u ħassitha kuntenta li kienet paċenzjuża u ssaportiet.

16. X’jistaʼ jgħinek jekk qed tissaporti xi inġustizzja? (1 Pietru 3:12)

16 Jekk qed tissaporti xi inġustizzja jew tħossok imweġġaʼ, ftakar li Ġeħova hu qrib dawk li għandhom “qalbhom maqsuma.” (Salm 34:18) Talli qed tkun paċenzjuż u tistrieħ fuqu, hu jħobbok ħafna. (Salm 55:22) Ġeħova jara dak kollu li jiġri u se jiġġudika lin-​nies kollha. (Aqra l-​1 Pietru 3:12.) Mela, meta tkun għaddej minn problemi serji li ma tistaʼ tagħmel xejn dwarhom, se tkun lest li tħalli kollox f’idejn Ġeħova?

X’BARKIET SE JGAWDU DAWK LI JIBQGĦU JISTENNEW LIL ĠEĦOVA?

17. Skont Isaija 30:18, Ġeħova x’wegħedna li se jagħmel?

17 Permezz tas-​Saltna tiegħu, Ġeħova dalwaqt se jberikna b’ħafna modi. Isaija 30:18 jgħid: “Ġeħova se jibqaʼ jistenna biex jurikom qalb tajba, u għaldaqstant se jqum biex jurikom ħniena. Għax Ġeħova hu Alla taʼ ġudizzju. Henjin dawk kollha li jibqgħu jistennewh.” Dawk li jibqgħu jistennew lil Ġeħova se jkollhom ħafna barkiet issa u fil-​futur.

18. X’barkiet se ngawdu dalwaqt?

18 Meta n-​nies t’Alla jidħlu fid-​dinja l-​ġdida, mhux se jiffaċċjaw iżjed problemi. Ħadd iktar mhu se jweġġagħna u jittrattana ħażin. (Riv. 21:4) Mhux se ninkwetaw għall-​affarijiet li jkollna bżonn għax se jkun hemm biżżejjed għal kulħadd. (Salm 72:16; Is. 54:13) Kemm se jkun żmien sabiħ!

19. Ġeħova għal xiex qed jippreparana?

19 Ġeħova qed jippreparana biex ngħixu taħt it-​tmexxija tiegħu billi jgħinna naqtgħu vizzji ħżiena u niżviluppaw kwalitajiet li jogħġbu lilu. Għalhekk, agħmel kuraġġ u taqtax qalbek. Il-​ħajja vera għadha ġejja! Sa dak iż-​żmien, ejja lkoll kemm aħna nibqgħu nistennew bil-​paċenzja lil Ġeħova biex iwettaq l-​iskop tiegħu!

GĦANJA 118 “Agħtina iktar fidi”

^ par. 5 Ġieli smajt lil xi ħadd li ilu fil-​verità jgħid, ‘Ma kontx naħseb li din is-​sistema ħażina se ddum daqshekk’? F’dawn iż-​żminijiet diffiċli, ilkoll kemm aħna nixtiequ li tiġi s-​sistema l-​ġdida. Però, aħna rridu nitgħallmu nkunu paċenzjużi. F’dan l-​artiklu se naraw prinċipji mill-​Bibbja li se jgħinuna nistennew bil-​paċenzja. Imbagħad se nikkunsidraw żewġ sitwazzjonijiet fejn bil-​paċenzja jkollna nistrieħu fuq Ġeħova. U fl-​aħħar se naraw il-​barkiet li se jagħtina Ġeħova jekk inkunu lesti li nibqgħu nistennewh.

^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt ilha titlob lil Ġeħova minn meta kienet tifla. Meta kienet żgħira, il-ġenituri għallmuha kif għandha titlob. Meta kienet żagħżugħa, bdiet taqdi bħala pijuniera u spiss kienet titlob lil Ġeħova biex ibierek l-isforzi tagħha. Snin wara, meta r-raġel tagħha marad, hi kienet titlob lil Ġeħova bil-qalb biex jgħinha tiffaċċja din il-prova. Illum, li hija armla, ukoll titlob ħafna lil Ġeħova u hi ċerta li Ġeħova se jwieġeb it-talb tagħha bħalma għamel dejjem.