Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġenituri—Għinu lil uliedkom isiru ‘għorrief għas-salvazzjoni’

Ġenituri—Għinu lil uliedkom isiru ‘għorrief għas-salvazzjoni’

“Minn mindu kont tarbija ilek taf il-​kitba qaddisa, li tistaʼ tagħmlek għaref għas-​salvazzjoni.”—2 TIMOTJU 3:15.

GĦANJIET: 130, 88

1, 2. Xi ġenituri għala għandhom mnejn jinkwetaw meta wliedhom ikunu jridu jiddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u jitgħammdu?

KULL sena, eluf taʼ studenti tal-​Bibbja jiddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u jitgħammdu. Ħafna huma wħud żgħar li trabbew fil-​verità u għażlu l-​aħjar tip taʼ ħajja. (Salm 1:1-3) Jekk int ġenitur Kristjan, wisq probabbli tħares ’il quddiem għall-​ġurnata meta ibnek jew bintek titgħammed.—Qabbel it-​3 Ġwanni 4.

2 Madankollu, għandek mnejn tinkwieta. Jistaʼ jkun li rajt lil xi żgħażagħ jitgħammdu imma iktar tard jibdew jiddubitaw jekk li jgħixu skont il-​livelli t’Alla huwiex verament tajjeb għalihom. Xi wħud saħansitra telqu mill-​verità. Allura, int għandek mnejn tkun inkwetat li t-​tifel jew it-​tifla tiegħek tibda taqdi lil Ġeħova imma mbagħad titlef l-​imħabba li kellha għall-​verità. Hu jew hi tistaʼ ssir bħal xi Kristjani f’Efesu fl-​ewwel seklu. Ġesù qal dwarhom: ‘Intom tlaqtu l-​imħabba li kellkom fil-​bidu.’ (Rivelazzjoni 2:4) Kif tistaʼ tgħin lit-​tifel jew it-​tifla tiegħek iżżomm imħabbitha b’saħħitha u ‘tikber għas-​salvazzjoni’? (1 Pietru 2:2) Aħna nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Timotju.

“ILEK TAF IL-​KITBA QADDISA”

3. (a) Timotju kif sar Kristjan, u x’għamel b’dak li tgħallem? (b) Pawlu għal liema tliet aspetti taʼ tagħlim ġibidlu l-​attenzjoni lil Timotju?

3 L-​ewwel darba li l-​appostlu Pawlu żar Listra kien fis-​sena 47. Dan probabbilment kien meta Timotju, li setaʼ kien adoloxxent, sar jaf dwar it-​tagħlim taʼ Ġesù. Hu applika dak li tgħallem, u sentejn wara beda jivvjaġġa maʼ Pawlu. Madwar 16-​il sena wara, Pawlu kiteb lil Timotju: “Kompli f’dak li tgħallimt u li emmint għax sirt konvint li hu minnu, billi taf mingħand min tgħallimtu. Għax minn mindu kont tarbija ilek taf il-​kitba qaddisa [l-​Iskrittura Ebrajka], li tistaʼ tagħmlek għaref għas-​salvazzjoni permezz tal-​fidi fi Kristu Ġesù.” (2 Timotju 3:14, 15) Innota li Pawlu qal li Timotju (1) kien jaf il-​kitba qaddisa, (2) emmen għax sar konvint li dak li tgħallem kien minnu, u (3) sar għaref għas-​salvazzjoni permezz tal-​fidi fi Kristu Ġesù.

Anke tfal żgħar ħafna jistgħu jitgħallmu dwar in-​nies u l-​ġrajjiet tal-​Bibbja

4. Int x’użajt biex tgħallem lit-​tfal żgħar tiegħek? (Ara l-​ewwel stampa.)

4 Bħala ġenitur Kristjan, int trid lil ibnek jew bintek tkun taf il-​kitba qaddisa, li llum tinkludi l-​Iskrittura Ebrajka u l-​Iskrittura Griega Kristjana. Anke tfal żgħar ħafna jistgħu jitgħallmu dwar in-​nies u l-​ġrajjiet tal-​Bibbja. L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova pprovdiet ħafna kotba, browxers, u vidjows li l-​ġenituri jistgħu jużaw biex jgħinu lil uliedhom. Liema minn dawn huma disponibbli bil-​lingwa tiegħek? Ibnek jew bintek għandha bżonn tkun taf x’hemm fil-​Bibbja sabiex tibni relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova.

“EMMINT GĦAX SIRT KONVINT LI HU MINNU”

5. (a) Xi tfisser il-​frażi ‘emmen għax sar konvint li hu minnu’? (b) Kif nafu li Timotju emmen l-​aħbar tajba dwar Ġesù għax sar konvint li kienet minnha?

5 Mhux biżżejjed li tgħallem lil uliedek dwar in-​nies u l-​ġrajjiet tal-​Bibbja. Ftakar li Timotju, apparti li tgħallem, ‘emmen għax sar konvint li hu minnu.’ Il-​frażi Griega li Pawlu uża hawnhekk tfisser “li tkun żgurat minn” jew “li tkun persważ u ċert mill-​verità taʼ xi ħaġa.” Timotju kien jaf l-​Iskrittura Ebrajka ‘minn mindu kien tarbija,’ jiġifieri, minn meta kien żgħir ħafna. Iktar tard, hu sar konvint li Ġesù kien il-​Messija. Il-​fidi taʼ Timotju tant kienet b’saħħitha li tgħammed u ħadem maʼ Pawlu bħala missjunarju.

6. Int kif tistaʼ tgħin lil uliedek jibnu fidi fil-​Kelma t’Alla?

6 Int kif tistaʼ tgħin lil uliedek jibnu fidi bħalma għamel Timotju, ħalli anke huma ‘jemmnu għax isiru konvinti li hu minnu’? L-​ewwel, kun paċenzjuż. Jieħu ż-​żmien biex tinbena fidi b’saħħitha. U l-​fatt li int temmen xi ħaġa ma jfissirx li wliedek awtomatikament se jemmnuha wkoll. Kull tifel u tifla għandu bżonn juża “l-​qawwa tar-​raġuni” tiegħu stess biex jibni fidi fil-​Bibbja. (Aqra Rumani 12:1.) Bħala ġenitur, tistaʼ tagħmel ħafna biex tgħin lil uliedek isaħħu l-​fidi tagħhom, speċjalment meta jistaqsu l-​mistoqsijiet. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ wieħed missier.

7, 8. (a) Wieħed missier Kristjan kif juri paċenzja meta jgħallem lil bintu? (b) Int meta kellek bżonn tkun paċenzjuż m’ibnek jew bintek?

7 Thomas, li bintu għandha 11-​il sena, jgħid li xi kultant hi tistaqsih mistoqsijiet bħal: “Setaʼ Ġeħova uża l-​evoluzzjoni biex jiżviluppa l-​ħajja fuq l-​art?” jew “Għala ma niħdux sehem fl-​attivitajiet tal-​komunità, bħal pereżempju fl-​elezzjonijiet, biex nipprovaw intejbu l-​affarijiet?” Xi drabi, ikollu jirreżisti t-​tentazzjoni li sempliċement jaqbad u jgħidilha x’għandha temmen. Thomas jaf li dak li jikkonvinċi persuna dwar il-​verità mhuwiex fatt kbir wieħed imma ħafna evidenzi żgħar.

8 Thomas jaf ukoll li jeħtieġ ikun paċenzjuż sabiex jgħallem lil bintu. Fir-​realtà, kull Kristjan għandu bżonn ikun paċenzjuż. (Kolossin 3:12) Thomas jirrealizza li jeħtieġ iż-​żmien u ħafna konversazzjonijiet biex jgħin lil bintu tibni l-​konvinzjoni tagħha. Hu għandu bżonn jirraġuna magħha fuq dak li titgħallem mill-​Bibbja. Thomas jgħid: “Jien u marti nkunu rridu nafu jekk bintna temminx verament dak li qed titgħallem u jekk jagħmilx sens għaliha, speċjalment fejn jidħlu punti importanti. Jekk ikollha l-​mistoqsijiet, mela tajjeb. Onestament, ninkwieta jekk taċċetta xi ħaġa mingħajr ma tistaqsi mistoqsijiet.”

Int għandek bżonn tkun paċenzjuż biex tgħin lil ibnek jew bintek tibni l-​fidi fil-​Kelma t’Alla

9. Int kif tistaʼ tgħin lil uliedek jemmnu l-​Kelma t’Alla?

9 Meta l-​ġenituri jgħallmu bil-​paċenzja, maż-​żmien uliedhom jibdew jifhmu “l-​wisaʼ u t-​tul u l-​għoli u l-​fond” tal-​fidi. (Efesin 3:18) Aħna nistgħu ngħallmuhom b’mod li hu addattat għall-​età tagħhom u għal kemm ikunu kapaċi jifhmu. Hekk kif il-​fidi tagħhom f’dak li qed jitgħallmu tikber, se jkun iktar faċli għalihom biex jiddefendu t-​twemmin tagħhom quddiem oħrajn, inkluż sħabhom tal-​iskola. (1 Pietru 3:15) Pereżempju, jistgħu wliedek jużaw il-​Bibbja biex jispjegaw x’jiġri mal-​mewt? L-​ispjegazzjoni tal-​Bibbja tagħmel sens għalihom? * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Ftakar li int għandek bżonn tkun paċenzjuż biex tgħin lil ibnek jew bintek tibni l-​fidi fil-​Kelma t’Alla, imma dan l-​isforz hu taʼ min jagħmlu.—Dewteronomju 6:6, 7.

Anke l-​eżempju tiegħek stess hu importanti biex tgħin lil uliedek jiżviluppaw il-​fidi

10. X’għandu jkun parti importanti minn kif tgħallem lil uliedek?

10 Ovvjament, anke l-​eżempju tiegħek stess hu importanti biex tgħin lil uliedek jiżviluppaw il-​fidi. Stephanie, omm taʼ tlett ibniet, tgħid: “Minn meta wliedi kienu żgħar ħafna, jien kelli nistaqsi lili nnifsi, ‘Nitkellem maʼ wliedi dwar għala jien konvinta li Ġeħova jeżisti, dwar imħabbtu, u dwar il-​mod ġust taʼ kif jagħmel l-​affarijiet? Jistgħu wliedi jaraw b’mod ċar li jien inħobbu verament lil Ġeħova?’ Jekk jien m’iniex konvinta ma nistax nistenna li wliedi jkunu.”

“GĦAREF GĦAS-​SALVAZZJONI”

11, 12. L-​għerf x’inhu, u kif nafu li ma jiddependix mill-​età taʼ persuna?

11 Aħna tgħallimna li Timotju kellu (1) għarfien mill-​Iskrittura u (2) konvinzjoni dwar it-​twemmin tiegħu. Imma Pawlu x’ried ifisser meta qal li l-​kitba qaddisa setgħet tagħmel lil Timotju “għaref għas-​salvazzjoni”?

12 L-​Insight on the Scriptures, Volume 2, jispjega li fil-​Bibbja l-​għerf jinkludi “l-​abbiltà li tuża l-​għarfien u l-​fehma b’mod effettiv ħalli ssolvi l-​problemi, li twarrab mill-​periklu jew tevitah, li tilħaq ċerti miri, jew li tagħti parir lil oħrajn f’li jagħmlu dan. L-​għerf huwa l-​oppost tal-​bluha.” Il-​Bibbja tgħid li “l-​bluha hi marbuta maʼ qalb taʼ tifel.” (Proverbji 22:15) Peress li l-​għerf huwa l-​oppost tal-​bluha, l-​għerf huwa sinjal taʼ maturità. Persuna ssir matura spiritwalment għax ikollha l-​biżaʼ taʼ Ġeħova u trid tobdih, u mhux għax sempliċiment tikber fl-​età.—Aqra Salm 111:10.

13. Uħud żgħar kif jistgħu juru li huma għorrief għas-​salvazzjoni?

13 Uħud żgħar li għandhom ċerta maturità spiritwali mhumiex “mitfugħin ’l hemm u ’l hawn qisu mill-​mewġ u mtajrin” ’l hemm u ’l hawn mix-​xewqat tagħhom jew mill-​influwenza t’oħrajn tamparhom. (Efesin 4:14) Minflok, “is-​sensi tagħhom” qed jiġu “mħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebrej 5:14) Allura, huma jieħdu deċiżjonijiet għaqlin, anke meta l-​ġenituri tagħhom jew adulti oħra ma jkunux qed jarawhom. (Filippin 2:12) Dan it-​tip t’għerf huwa neċessarju għas-​salvazzjoni. (Aqra Proverbji 24:14.) Int kif tistaʼ tgħin lil uliedek jiżviluppaw għerf bħal dan? Trid tagħmel ċert li jkunu jafu x’inhuma l-​valuri tiegħek. Minn dak li tgħid u tagħmel, huma għandhom jaraw li int qed tipprova tgħix skont il-​livelli tal-​Bibbja.—Rumani 2:21-23.

L-isforz kontinwu tal-ġenituri għala hu importanti? (Ara paragrafi 14-18)

14, 15. (a) Xi ħadd li għadu żgħir u jrid jitgħammed dwar xiex għandu jaħseb? (b) Int kif tistaʼ tgħin lil uliedek jimmeditaw fuq il-​barkiet li jiġu milli jobdu l-​liġijiet t’Alla?

14 Madankollu, biex tgħin lil uliedek jibnu l-​fidi, mhux biżżejjed li sempliċement tgħidilhom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Jeħtieġ ukoll li tgħinhom jirraġunaw fuq mistoqsijiet bħal: ‘Il-​Bibbja għala tipprojbixxi affarijiet li jistgħu jidhru sbieħ? Kif nistaʼ nkun ċert li l-​livelli tal-​Bibbja huma dejjem tajbin għalija?’—Isaija 48:17, 18.

15 Jekk ibnek jew bintek trid titgħammed, għinha wkoll taħseb bis-​serjetà dwar ir-​responsabbiltajiet li jiġu mal-​magħmudija. Kif tħossha dwarhom? X’inhuma l-​benefiċċji? X’inhuma d-​diffikultajiet? Il-​benefiċċji għala huma ikbar mid-​diffikultajiet? (Marku 10:29, 30) Huwa importanti ħafna li wieħed jaħseb sew dwar dawn l-​affarijiet qabel il-​magħmudija. Għin lil ibnek jew bintek timmedita fuq il-​barkiet tal-​ubbidjenza u r-​riżultati koroh tad-​diżubbidjenza. Imbagħad, se jkun hemm iktar ċans li hu jew hi tkun konvinta li jekk issegwi l-​livelli tal-​Bibbja dejjem se jkun taʼ ġid għaliha.—Dewteronomju 30:19, 20.

META ŻAGĦŻUGĦ MGĦAMMED JISSIELET MAL-​FIDI TIEGĦU

16. Il-​ġenituri x’għandhom jagħmlu jekk it-​tifel jew it-​tifla mgħammda tagħhom tibda tiddgħajjef fil-​fidi tagħha?

16 X’tistaʼ tagħmel jekk wara l-​magħmudija ibnek jew bintek tibda tesprimi d-​dubji dwar il-​verità? Pereżempju, hu jew hi tistaʼ tibda tinġibed lejn l-​affarijiet tad-​dinja. Jew tibda tiddubita jekk li ssegwi prinċipji Bibliċi huwiex verament l-​aħjar tip taʼ ħajja. (Salm 73:1-3, 12, 13) Il-​mod kif int tirreaġixxi jistaʼ jeffettwa jekk ibnek jew bintek tibqax taqdi lil Ġeħova. Ipprova tiġġilidx miegħu jew magħha dwar dan, anke jekk għadha żgħira ħafna jew jekk issa hi żagħżugħa. Minflok, agħmel ċert li hi taf li int tħobbha u trid tgħinha.

17, 18. Jekk żagħżugħ jew żagħżugħa għandha d-​dubji, il-​ġenituri tagħha kif jistgħu jgħinuha?

17 Żagħżugħ jew żagħżugħa li hi mgħammda għamlet dedikazzjoni lil Ġeħova. Din hi wegħda li tħobbu u taqdih iktar minn kull ħaġa oħra. (Aqra Marku 12:30.) Ġeħova jqis id-​dedikazzjoni bħala wegħda serja, u hekk għandna nqisuha aħna. (Ekkleżjasti 5:4, 5) Fakkar lil ibnek jew bintek dwar dan. Imma l-​ewwel, aqra u studja l-​materjal li l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova pprovdiet għall-​ġenituri. Imbagħad, bil-​ħlewwa u fil-​ħin addattat, enfasizza lil ibnek jew bintek li d-​deċiżjoni tagħha li tiddedika lilha nfisha lil Ġeħova u titgħammed kienet serja ħafna u din se ġġibilha ħafna barkiet.

18 Pereżempju, tistaʼ ssib pariri tajbin fl-​appendiċi “Il-​Ġenituri Jistaqsu,” fuq wara tal-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, l-​1 Volum. Dan jagħti parir lill-​ġenituri li m’għandhomx mill-​ewwel jaħsbu li l-​adoloxxent tagħhom irrifjuta l-​verità imma għandhom isibu x’inhi verament il-​problema. Tistaʼ tkun il-​pressjoni minn dawk tamparu jew għax iħossu waħdu. Jew jistaʼ jħoss li żgħażagħ oħrajn qed jagħmlu iktar minnu fis-​servizz taʼ Ġeħova. L-​appendiċi jispjega li dawn il-​kwistjonijiet mhux bilfors ifissru li ibnek jew bintek ma taqbilx mat-​twemmin tiegħek. Ġeneralment huma riżultat taʼ xi diffikultà oħra li hu jew hi qed tesperjenza. L-​appendiċi mbagħad jagħti suġġerimenti dwar kif ġenitur jistaʼ jgħin lil ibnu jew bintu li għandha d-​dubji dwar il-​verità.

19. Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom isiru ‘għorrief għas-​salvazzjoni’?

19 Bħala ġenitur, int għandek ir-​responsabbiltà u l-​privileġġ importanti li trabbi lil ibnek jew bintek “fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efesin 6:4) Bħalma rajna, dan ifisser li int għandek tgħallem lil uliedek dak li tgħid il-​Bibbja u tgħinhom ikunu konvinti minn dak li jitgħallmu. Meta l-​fidi tagħhom tkun b’saħħitha, huma se jiġu mqanqla jiddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u jagħtuh l-​aħjar tagħhom. Jalla l-​Kelma taʼ Ġeħova, l-​ispirtu tiegħu, u l-​isforzi tiegħek jgħinu lil uliedek biex isiru ‘għorrief għas-​salvazzjoni.’

^ par. 9 Il-​gwidi għall-​istudju tal-​ktieb “Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?” huma għodda eċċellenti li tgħin kemm liż-​żgħar kif ukoll lill-​kbar biex jifhmu u jispjegaw veritajiet mill-​Bibbja. Int tistaʼ ssibhom b’ħafna lingwi fuq jw.org. Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > GĦODOD LI JGĦINUK TISTUDJA L-​BIBBJA.