Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żgħażagħ—“Ibqgħu wettqu s-salvazzjoni tagħkom”

Żgħażagħ—“Ibqgħu wettqu s-salvazzjoni tagħkom”

“Bħalma dejjem obdejtu, . . . ibqgħu wettqu s-​salvazzjoni tagħkom bil-​biżaʼ u t-​tregħid.”—FILIPPIN 2:12.

GĦANJIET: 41, 89

1. Il-​magħmudija għala hi pass daqshekk importanti? (Ara l-​ewwel stampa.)

KULL sena jitgħammdu eluf taʼ studenti tal-​Bibbja. Ħafna minnhom huma żgħażagħ, adoloxxenti jew saħansitra iżgħar. Jistaʼ jkun li dawn trabbew fil-​verità. Int wieħed minnhom? Jekk iva, għamilt xi ħaġa tajba ħafna. Kull Kristjan għandu jitgħammed. U l-​magħmudija hi meħtieġa biex wieħed jikseb is-​salvazzjoni u jgħix għal dejjem.—Mattew 28:19, 20; 1 Pietru 3:21.

2. Għala m’għandekx tibżaʼ tagħmel dedikazzjoni lil Ġeħova?

2 Meta tgħammidt, Ġeħova beda jbierkek b’ħafna modi ġodda. Imma wkoll kellek responsabbiltajiet ġodda. F’liema sens? Meta tgħammidt, il-​ħu li għamel it-​taħdita tal-​magħmudija tiegħek staqsa: “Fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu, indimt int minn dnubietek u ddedikajt ruħek lil Ġeħova biex tagħmel ir-​rieda tiegħu?” Int weġibt iva. Int wegħedt li tħobb lil Ġeħova u li tpoġġi r-​rieda tiegħu qabel kull ħaġa oħra. Għandu jiddispjaċik li għamilt wegħda daqstant serja? Dażgur li le! Int qatt mhu se jiddispjaċik li ħallejt lil Ġeħova jiggwidalek ħajtek. Dawk li ma jafux lil Ġeħova huma parti mid-​dinja taʼ Satana. Ix-​Xitan ma jimpurtah assolutament xejn minnhom jew minnek. Fil-​fatt, hu jkun ferħan li kieku titlef it-​tama tiegħek li tgħix għal dejjem għax tkun mort fuq in-​naħa tiegħu u ċħadt lil Ġeħova.

3. Ġeħova kif bierkek għax iddedikajt lilek innifsek lilu?

3 Aħseb dwar kif Ġeħova bierkek għax iddedikajt lilek innifsek lilu u tgħammidt. Int tajt ħajtek lil Ġeħova, allura b’fiduċja tistaʼ tgħid: “Ġeħova qiegħed fuq in-​naħa tiegħi; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?” (Salm 118:6) M’hemmx unur ikbar milli tkun fuq in-​naħa t’Alla u tkun taf li hu kburi bik.

RESPONSABBILTÀ PERSUNALI

4, 5. (a) Għala nistgħu ngħidu li d-​dedikazzjoni hi responsabbiltà persunali? (b) Kristjani taʼ kull età liema sfidi għandhom?

4 Bħala Kristjan mgħammed, ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova ma tiddependix mill-​ġenituri. Int issa responsabbli għas-​salvazzjoni tiegħek stess, anke jekk għadek tgħix mal-​ġenituri. Għala hu importanti li tiftakar dan? Ħadd minna ma jistaʼ jkun jaf eżatt kif il-​fidi tagħna se tiġi ttestjata fil-​futur. Pereżempju, għandek mnejn tgħammidt qabel ma sirt adoloxxent. Imma issa li int fl-​adoloxxenza għandek sentimenti u problemi ġodda. Waħda adoloxxenti qalet: “Tifel jew tifla ġeneralment mhux se tiddejjaq li tkun waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova sempliċement għax ma tiħux biċċa kejk tal-​birthday l-​iskola. Imma fi ftit tas-​snin, meta x-​xewqa biex tagħmel is-​sess issir iktar qawwija, hu jew hi għandha bżonn tkun konvinta għall-​aħħar li l-​ubbidjenza għal-​liġijiet taʼ Ġeħova hi dejjem l-​aħjar għażla.”

5 Mhux iż-​żgħażagħ biss se jkollhom sfidi ġodda. Anke dawk li jitgħammdu meta jkunu adulti jkollhom il-​fidi tagħhom ittestjata b’modi li ma jkunux qed jistennew. Dawn it-​testijiet jistgħu jiġu miż-​żwieġ, mis-​saħħa, jew mix-​xogħol tagħhom. Għandna kemm għandna żmien, kull wieħed minna se jkollu bżonn ikun leali lejn Ġeħova f’ħafna sitwazzjonijiet differenti.—Ġakbu 1:12-14.

6. (a) Id-​dedikazzjoni tiegħek lil Ġeħova b’liema mod hi bla kundizzjoni? (b) X’tistaʼ titgħallem minn Filippin 4:11-​13?

6 Bħala għajnuna biex tibqaʼ leali, dejjem ftakar li l-​wegħda li għamilt lil Ġeħova hi bla kundizzjoni. Dan ifisser li wegħedt lill-​Iktar Għoli li se taqdih jiġri x’jiġri, anke jekk sħabek jew il-​ġenituri tiegħek jieqfu jaqduh. (Salm 27:10) F’kull sitwazzjoni, kun ċert li titlob lil Ġeħova biex jgħinek iżżomm il-​wegħda li għamiltlu.—Aqra Filippin 4:11-13.

7. Xi jfisser li twettaq is-​salvazzjoni tiegħek “bil-​biżaʼ u t-​tregħid”?

7 Ġeħova jridek tkun il-​ħabib tiegħu. Imma hemm bżonn sforz biex iżżomm din il-​ħbiberija b’saħħitha u twettaq is-​salvazzjoni tiegħek. Filippin 2:12 jgħid: ‘Ibqaʼ wettaq is-​salvazzjoni tiegħek bil-​biżaʼ u t-​tregħid.’ Dan ifisser li għandna bżonn naħsbu sew dwar kif se nibqgħu qrib taʼ Ġeħova u nibqgħu leali jiġri x’jiġri. Ma nistgħux sempliċement nassumu li se nagħmlu dan. Ftakar li anke xi wħud li qdew lil Alla għal ħafna snin ma baqgħux leali. Liema affarijiet prattiċi jistgħu jgħinuk twettaq is-​salvazzjoni tiegħek?

L-​ISTUDJU TAL-​BIBBJA HU IMPORTANTI

8. L-​istudju persunali x’jinkludi? Għala hu importanti?

8 Sabiex inkunu l-​ħbieb taʼ Ġeħova, jeħtieġ li nisimgħuh u nkellmuh. Il-​mod prinċipali kif nisimgħu lil Ġeħova hu billi nistudjaw il-​Bibbja. Dan jinkludi l-​qari u l-​meditazzjoni fuq il-​Kelma t’Alla u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja. Imma l-​istudju tal-​Bibbja mhuwiex bħal li tkun taf bl-​amment fatti bħalma forsi tagħmel għal xi eżami tal-​iskola. Pjuttost, dan qisu vjaġġ eċċitanti fejn tesplora u tiskopri affarijiet ġodda dwar Ġeħova. Int se tersaq qrib lejn Alla u hu se jersaq qrib lejk ukoll.—Ġakbu 4:8.

Kemm qed tikkomunika tajjeb maʼ Ġeħova? (Ara paragrafi 8-11)

9. Liema għodod għenuk fl-​istudju persunali tiegħek?

9 L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tipprovdi ħafna għodod li jistgħu jgħinuk fl-​istudju tiegħek. Pereżempju, l-​“Attivitajiet għall-​Istudju tal-​Bibbja” li qegħdin fuq jw.org/mt fis-​sezzjoni “Żgħażagħ” jistgħu jgħinuk titgħallem lezzjonijiet prattiċi mill-​ġrajjiet tal-​Bibbja. Ukoll fuq jw.org/mt, tistaʼ ssib il-​gwidi għall-​istudju “Il-​Bibbja X’Tgħallem?” Dawn jistgħu jgħinuk tibni l-​fidi tiegħek u tispjega t-​twemmin tiegħek lil oħrajn. Tistaʼ ssib ideat oħra għall-​istudju persunali tiegħek fl-​artiklu “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif Nistaʼ Nagħmel il-​Qari tal-​Bibbja Pjaċevoli?” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Lulju-​Settembru 2009. L-​istudju u l-​meditazzjoni huma importanti biex twettaq is-​salvazzjoni tiegħek.—Aqra Salm 119:105.

IT-​TALB HU ESSENZJALI

10. Kristjan mgħammed għala għandu bżonn jitlob?

Meta għal xi raġuni tħossok ansjuż, “ixħet toqlok fuq Ġeħova”

10 Meta nistudjaw il-​Bibbja, aħna nisimgħu lil Ġeħova, u meta nitolbu, aħna nitkellmu miegħu. M’għandniex inqisu t-​talb sempliċement bħala drawwa jew xi ħaġa li ġġibilna l-​fortuna u s-​suċċess. It-​talb hu komunikazzjoni reali mal-​Ħallieq tagħna. Aħseb ftit: Ġeħova jrid jismaʼ dak li għandek x’tgħid! (Aqra Filippin 4:6.) Għalhekk, meta għal xi raġuni tħossok ansjuż, il-​Bibbja tgħidlek: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova.” (Salm 55:22) Miljuni t’aħwa jistgħu jgħidulek li dan il-​parir kien t’għajnuna għalihom. Dan jistaʼ jgħin lilek ukoll!

11. Għala għandek dejjem tirringrazzjah lil Ġeħova?

11 Madankollu, aħna m’għandniex nitolbu biss meta rridu lil Ġeħova jgħinna. Il-​Bibbja tfakkarna: “Uru li intom grati.” (Kolossin 3:15) Xi drabi, tant ninkwetaw dwar il-​problemi tagħna li ma nindunawx bl-​affarijiet tajbin kollha li għandna. Allura pprova agħmel dan: Kull ġurnata, aħseb dwar minn tal-​inqas tliet affarijiet li int grat għalihom, u mbagħad irringrazzja lil Ġeħova għalihom. Waħda adoloxxenti jisimha Abigail, li tgħammdet meta kellha 12-​il sena, tgħid: “Inħoss li Ġeħova jistħoqqlu r-​ringrazzjament tagħna iktar minn kull persuna oħra fl-​univers. Għandna nirringrazzjawh f’kull opportunità għall-​għotjiet li tana.” Kultant Abigail tistaqsi lilha nfisha din il-​mistoqsija li darba semgħet: “Jekk għada nqum biss bl-​affarijiet li rringrazzjajt lil Ġeħova għalihom illum, x’se jkolli eżattament?” * (Ara n-​nota taʼ taħt.)

IL-​VALUR TAL-​ESPERJENZA PERSUNALI

12, 13. Int kif esperjenzajt b’mod persunali li Ġeħova hu tajjeb, u għala hu importanti li taħseb dwar kif Ġeħova għenek?

12 Ġeħova għen lis-​Sultan David jissaporti ħafna sitwazzjonijiet diffiċli. Għalhekk, David tkellem mill-​esperjenza persunali meta qal: “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb; hieni r-​raġel b’saħħtu li jistkenn fih.” (Salm 34:8) Dan il-​vers jurina li għandna bżonn nesperjenzaw it-​tjubija taʼ Ġeħova persunalment. Meta taqra l-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tagħna u tattendi l-​laqgħat tagħna, int titgħallem kif Alla għen lil oħrajn biex jibqgħu leali. Imma hekk kif ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova tissaħħaħ iktar, ikollok bżonn tara kif Ġeħova qed jgħin lilek. Int kif esperjenzajt b’mod persunali li Ġeħova hu tajjeb?

Dejjem għożż il-post li Ġeħova tak fl-organizzazzjoni tiegħu

13 Hemm mod wieħed kif il-​Kristjani kollha daqu t-​tjubija taʼ Ġeħova. Dan hu billi kull wieħed u waħda minna ġie mistieden jersaq qrib lejh u lejn Ibnu. Ġesù qal: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux il-​Missier li bagħatni.” (Ġwanni 6:44) Tħoss int li Ġeħova ġibed lilek lejh? Jew taħseb, ‘Ġeħova ġibed lill-​ġenituri tiegħi lejh u jien sempliċement qed nimxi warajhom’? Ftakar li meta ddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova u tgħammidt, int imbagħad kellek ir-​relazzjoni speċjali tiegħek stess miegħu. Il-​Bibbja tgħidilna: “Jekk xi ħadd iħobb lil Alla, Alla jkun jafu lil dan.” (1 Korintin 8:3) Dejjem għożż il-​post li Ġeħova tak fl-​organizzazzjoni tiegħu.

14, 15. Il-​ministeru kif jistaʼ jgħinek ikollok fidi iktar b’saħħitha?

14 Mod ieħor kif int tistaʼ dduq it-​tjubija taʼ Ġeħova hu billi tesperjenza l-​appoġġ tiegħu hekk kif titkellem dwar il-​fidi tiegħek m’oħrajn, kemm jekk fuq is-​servizz tal-​għalqa u kemm jekk l-​iskola. Jistaʼ jkun diffiċli tagħti xhieda lil dawk fl-​iskola. Int forsi tinkwieta dwar kif se jirreaġixxu. U dan jistaʼ jkun speċjalment taʼ sfida meta tispjega t-​twemmin tiegħek quddiem grupp kbir. X’jistaʼ jgħinek?

15 Aħseb dwar għala temmen dak li temmen. Int tistaʼ tagħmel użu tajjeb mill-​gwidi għall-​istudju fuq jw.org/mt. Dawn jistgħu jgħinuk taħseb dwar dak li temmen, għala temmnu, u kif tistaʼ tispjegah lil ħaddieħor. Meta tkun verament konvint u tkun ippreparajt sew, int se tkun trid tagħti xhieda dwar Ġeħova.—Ġeremija 20:8, 9.

16. X’jistaʼ jagħtik il-​kuraġġ biex titkellem dwar it-​twemmin tiegħek?

16 Anke jekk tkun ippreparajt sew, xorta għandek mnejn tħossok nervuż dwar li tispjega t-​twemmin tiegħek. Oħt taʼ 18-​il sena, li tgħammdet meta kellha 13-​il sena, tgħid: “Jien naf dak li nemmen, imma xi kultant insibha bi tqila nispjega xi rrid ngħid.” Allura tipprova titkellem dwar il-​verità b’mod naturali u rilassat. Hi tgħid: “Dawk fil-​klassi ma jiddejqux jitkellmu bil-​libertà dwar dak li jagħmlu. Jien għandi nħossni libera biex nagħmel l-​istess. Għalhekk, insemmi xi ħaġa fuq fuq, bħal, ‘Darba minnhom kont qed ngħallem mill-​Bibbja, u . . . ’ Imbagħad inkompli bil-​punt tal-​istorja tiegħi. Għalkemm il-​punt innifsu ma jkunx dwar il-​Bibbja, spiss oħrajn ikunu kurjużi dwar x’nagħmel meta ngħallem mill-​Bibbja. Xi drabi jistaqsu mistoqsijiet dwar dan. Iktar ma nuża dan il-​metodu, iktar ikun faċli għalija. U wara, dejjem inħossni tajba ħafna!”

17. X’hemm iktar li se jgħinek tkellem lil oħrajn?

17 Meta oħrajn iħossu li int tassew jimpurtak minnhom u tirrispettahom, ikun iktar faċli għalihom biex jirrispettaw lilek u t-​twemmin tiegħek. Olivia, li għandha 17-​il sena u li tgħammdet meta kienet ħafna iżgħar, tgħid: “Jien dejjem kont nibżaʼ li jekk insemmi l-​Bibbja f’konversazzjoni, in-​nies jaħsbuni fanatika.” Imbagħad bdiet tqis l-​affarijiet b’mod differenti. Minflok ma taħseb iżżejjed dwar il-​beżgħat tagħha, hi ħasbet: “Ħafna miż-​żgħażagħ ma jafu xejn dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Aħna l-​uniċi Xhieda li qatt raw. Allura l-​mod taʼ kif naġixxu jistaʼ jiddetermina kif se jwieġbu. Xi ngħidu jekk nistħu jew neqsin mill-​kuraġġ jew insibuha bi tqila nitkellmu dwar il-​fidi tagħna, jew xi ngħidu jekk nibdew inbaxxu rasna bil-​mistħija hekk kif fl-​aħħar jirnexxilna nitkellmu? Imbagħad għandhom mnejn jaħsbu li m’aħniex kburin dwar min aħna. Huma jistgħu saħansitra jwieġbu b’diżrispett minħabba n-​nuqqas taʼ kunfidenza tagħna. Madankollu, jekk nitkellmu bla tbatija u b’ċertezza dwar dak li nemmnu u nagħmluh parti normali mill-​konversazzjoni, se jkun hemm iktar ċans li jirrispettawna.”

IBQGĦU WETTQU S-​SALVAZZJONI TAGĦKOM

18. X’hemm bżonn tagħmel biex twettaq is-​salvazzjoni tiegħek?

18 Aħna rajna li hi responsabbiltà serja li twettaq is-​salvazzjoni tiegħek. Biex tagħmel dan, int għandek bżonn taqra l-​Kelma t’Alla u timmedita fuqha, titlob lil Ġeħova, u taħseb fil-​fond dwar il-​modi kollha kif għenek persunalment. Li tagħmel dan se jgħinek tkun ħafna iktar fiduċjuż li Ġeħova hu l-​Ħabib tiegħek. Dan se jġiegħlek tkun trid titkellem m’oħrajn dwar it-​twemmin tiegħek.—Aqra Salm 73:28.

19. L-​isforz biex twettaq is-​salvazzjoni tiegħek għala hu taʼ min jagħmlu?

19 Ġesù qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-​zokk tat-​tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja.” (Mattew 16:24) Iva, biex kull Kristjan jimxi wara Ġesù, hu għandu jiddedika lilu nnifsu lil Ġeħova u jitgħammed. Però, dan hu biss il-​bidu taʼ ħajja meraviljuża issa, u se jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida t’Alla. Allura agħmel kulma tistaʼ biex tibqaʼ twettaq is-​salvazzjoni tiegħek!

^ par. 11 Għal iktar suġġerimenti, ara “Young People Ask—Why Should I Pray?” u l-​eżerċizzju tagħha fuq jw.org.