Mistoqsijiet mill-qarrejja
Huwa l-IUD (intrauterine device, jew kojl) mezz taʼ kontroll tat-twelid li l-Kristjani għandhom mnejn jużaw?
Dwar din il-kwistjoni kull koppja Kristjana għandha tieħu deċiżjoni li se tippermettilhom ikollhom kuxjenza tajba. Sabiex jagħmlu dan, huma għandhom jikkunsidraw bir-reqqa kif jaħdmu l-IUDs u liema prinċipji tal-Bibbja huma involuti.
Ġeħova kkmanda lil Adam u Eva u iktar tard lil Noè u lill-familja tiegħu: “Nisslu u oktru.” (Ġenesi 1:28; 9:1) Il-Bibbja ma tgħidx li l-Kristjani jeħtieġu li jobdu dan il-kmand. Allura, kull koppja għandha tiddeċiedi jekk jużawx xi mezz taʼ kontroll tat-twelid biex jillimitaw id-daqs tal-familja tagħhom jew jiddeterminaw meta jkollhom it-tfal. Liema fatturi għandhom jikkunsidraw?
Il-Kristjani għandhom jibbażaw kwalunkwe deċiżjoni dwar il-kontroll tat-twelid fuq prinċipji Bibliċi. Għal din ir-raġuni, huma qatt ma jużaw l-abort bħala mezz taʼ kontroll tat-twelid. Abort ippjanat itemm tqala, illi kieku tħalliet tkompli, ġeneralment kienet twassal għal twelid taʼ tarbija. L-abort imur kontra dak li tgħid il-Bibbja dwar ir-rispett lejn il-ħajja. (Eżodu 20:13; 21:22, 23; Salm 139:16; Ġeremija 1:5) Xi ngħidu dwar l-użu tal-IUD?
It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-15 taʼ Mejju 1979 (paġni 30-31), eżamina din il-kwistjoni. Il-biċċa l-kbira tal-IUDs li kienu komuni dak iż-żmien kienu oġġetti tal-plastik impoġġijin fl-utru (ġuf) biex ma jħallux li jkun hemm tqala. L-artiklu spjega li ma kienx kompletament ċar kif kienu jaħdmu IUDs bħal dawn. Ħafna xjentisti qalu li l-IUDs ma ħallewx l-isperma tasal sal-bajd tal-mara u tiffertilizzahom. Jekk bajda ma kinitx tiffertilizza, ħajja ġdida ma kinitx tibda.
Madankollu, kien hemm xi evidenza li bajda setgħet kultant tiġi fertilizzata. Il-bajda li tkun għadha kif ġiet fertilizzata setgħet tikber f’tubu Fallopjan (tqala ektopika, jew barra mill-utru) jew setgħet tmur fil-ġuf. Kieku kellha tasal sal-ġuf, l-IUD setaʼ jwaqqaf il-bajda fertilizzata milli teħel mal-inforra tal-ġuf, u t-tqala kienet tintemm. Dan kien ikun qisu abort. L-artiklu kkonkluda: “Il-Kristjan sinċier li hu konċernat dwar jekk hux xieraq li jintuża l-IUD għandu jiżen bis-serjetà informazzjoni bħal din skont ir-rispett għall-qdusija tal-ħajja bbażat fuq il-Bibbja.”—Salm 36:9.
Imma mill-1979 ’l hawn, meta dan l-artiklu ġie ppubblikat, saru ħafna żviluppi fil-mediċina u x-xjenza.
Żewġ tipi oħra taʼ IUDs huma issa disponibbli. Tip wieħed jinkludi r-ram u sar disponibbli fl-Istati Uniti kollha sal-1988. Tip ieħor jerħi ormon u beda jinbiegħ fl-2001. Aħna x’nafu dwar kif jaħdmu dawn iż-żewġ tipi taʼ IUDs?
Ram: Kif diġà ssemma, l-IUDs jagħmluha diffiċli għall-isperma biex tibqaʼ ħajja meta tgħaddi mill-utru biex tasal sa bajda. Flimkien maʼ dan, fl-IUDs li fihom ir-ram, ir-ram jidher li hu tossiku għall-isperma, allura jaġixxi bħala spermiċida. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Ukoll, IUDs bħal dawn ibiddlu l-inforra tal-utru.
Ormon: Tip ieħor taʼ IUD fih ormon simili għal dak misjub fil-pilloli tal-kontroll tat-twelid. Dan l-IUD jaħdem bħall-IUDs taʼ qabel, imma wkoll jerħi l-ormon fl-utru. Għal * (Ara n-nota taʼ taħt.) Flimkien maʼ dan, iħaxxen il-likwidu, jew mukus, fl-għonq tal-utru. Dan il-mukus ma jħallix l-isperma tgħaddi mill-vaġina għal ġol-utru.
ċerti nisa, dan iwaqqfilhom l-ovulazzjoni, jew li tinqataʼ bajda. M’għandniex xi ngħidu, jekk bajda ma tinqatax ma tistax tiġi fertilizzata. Ukoll, dan l-IUD iraqqaq l-inforra tal-utru.Bħalma diġà ssemma, iż-żewġ tipi taʼ IUDs għandhom tendenza li jbiddlu l-inforra tal-utru. Dan ifisser li jekk mara tinqatgħalha bajda u din tiġi fertilizzata, il-bajda għandha mnejn tidħol fl-utru iżda ma jirnexxilhiex teħel għax l-inforra tal-utru tkun inbidlet jew irqaqet. Dan kieku jtemm it-tqala fil-bidu tal-proċess tagħha. Madankollu, ix-xjentisti jemmnu li dan rari jiġri, u jistaʼ kultant jiġri wkoll bil-pilloli tal-kontroll tat-twelid.
Allura ħadd ma jistaʼ jkun ċert li l-IUDs tar-ram jew tal-ormon qatt ma jħallu bajda tiġi fertilizzata. Madankollu, riċerka xjentifika turi li minħabba li IUDs bħal dawn jaħdmu bil-modi msemmijin hawn fuq li ma jħallux bajda tiġi fertilizzata, ikun rari li jħallu mara toħroġ tqila.
Koppja Kristjana li jridu jużaw IUD għandhom mnejn jiddiskutu dan mat-tabib tagħhom. Hu jew hi tistaʼ tgħidilhom liema prodotti taʼ IUD huma disponibbli fejn jgħixu kif ukoll il-benefiċċji u r-riskji li jistaʼ jkun hemm għall-mara. Il-koppja m’għandhomx jistennew jew iħallu lil xi ħadd ieħor, lanqas lil tabib, jiddeċiedi x’jagħmlu. (Rumani 14:12; Galatin 6:4, 5) Din hija deċiżjoni personali li huma għandhom jieħdu bħala koppja. Il-mira tagħhom għandha tkun li jogħġbu lil Alla u li jkollhom kuxjenza nadifa.—Qabbel l-1 Timotju 1:18, 19; 2 Timotju 1:3.
^ par. 8 Gwida mill-England National Health Service tgħid: “IUDs li fihom iżjed ram huma iktar minn 99 fil-mija effettivi. Dan ifisser li inqas minn mara waħda f’100 li jużaw IUD se toħroġ tqila f’sena waħda. L-IUDs b’inqas ram ikunu inqas effettivi.”
^ par. 9 Minħabba li l-IUD tal-ormon iraqqaq l-inforra tal-utru, it-tobba kultant jiktbuh biex jittieħed minn nisa miżżewġin u xebbiet għall-kontroll taʼ period qawwi ħafna.