Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Naf li jqum”

“Naf li jqum”

“Il-​ħabib tagħna . . . mar jistrieħ, imma jien se mmur inqajmu mill-​irqad.”—ĠWANNI 11:11.

GĦANJIET: 129, 154

1. Marta x’kienet ċerta li se jiġrilu ħuha? (Ara l-​ewwel stampa.)

MARTA, ħabiba kbira u segwaċi taʼ Ġesù, kienet tinsab imnikkta. Ħuha Lazzru kien miet. Kien hemm xi ħaġa li setgħet tfarraġha? Iva. Ġesù wegħedha: “Ħuk iqum.” Bla dubju, dal-​kliem ma setax ineħħilha d-​dwejjaq kollha li kellha. Madankollu, Marta fdat fil-​wegħda taʼ Ġesù, u qalet: “Naf li jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum.” (Ġwanni 11:20-24) Hi kienet ċerta li kien se jkun hemm irxoxt fil-​futur. Imma mbagħad, Ġesù wettaq miraklu. Hu rxoxta lil Lazzru dakinhar stess.

2. Għala tixtieq tkun konvint daqskemm kienet Marta?

2 M’għandna l-​ebda raġuni għala nistennew li Ġesù jew Missieru se jqajmu l-​maħbubin mejtin tagħna issa stess. Imma tinsab int ċert daqskemm kienet Marta li se jkun hemm irxoxt għall-​maħbubin tiegħek fil-​futur? Forsi int tlift lir-​raġel jew mara tiegħek, lil ommok, missierek, nannu jew nanna maħbuba, jew saħansitra tifel jew tifla prezzjuża. Għandek sebaʼ mitt sena sakemm tgħannaq lil dan ix-​xi ħadd għażiż, titkellem, u tidħaq miegħu. B’ferħ, bħal Marta, int għandek raġunijiet tajbin biex tgħid, ‘Naf li l-​maħbub tiegħi se jqum fl-​irxoxt.’ Madankollu, kull Kristjan jagħmel tajjeb li jaħseb dwar ir-​raġunijiet għala nistgħu nkunu daqshekk konvinti.

3, 4. X’kien għamel Ġesù ftit qabel, u dan kif saħħaħ il-​fiduċja taʼ Marta?

3 Marta kienet tgħix qrib Ġerusalemm, allura x’aktarx ma ratx lil Ġesù jirxoxta t-​tifel taʼ waħda armla viċin taʼ Najn fil-​Galilija. Imma probabbilment hi semgħet dwar dan. U jistaʼ jkun li semgħet ukoll dwar li Ġesù rxoxta t-​tifla taʼ Ġajru. Dawk kollha li kienu qegħdin fid-​dar tat-​tifla “kienu jafu li kienet mietet.” Madankollu, Ġesù qabadha minn idha u qal: “Tifla, qum!” U hi qamet mill-​ewwel. (Luqa 7:11-17; 8:41, 42, 49-55) Marta u oħtha Marija kienu jafu li Ġesù setaʼ jfejjaq il-​morda. Għalhekk, huma emmnu illi kieku Ġesù kien hemm, Lazzru ma kienx imut. Iżda issa li kien mejjet, xi stenniet Marta? Innota li hi qalet li Lazzru kien se jerġaʼ jqum fil-​futur, “fl-​aħħar jum.” Għala kienet daqshekk ċerta? U int għala tistaʼ tkun ċert li fil-​futur, se jkun hemm irxoxt li jistaʼ jinkludi lill-​maħbubin tiegħek?

4 Hemm raġunijiet tajbin għala jkollna fidi fl-​irxoxt. Issa se niddiskutu ftit minnhom. Fil-​fatt, għandek mnejn issib punti fil-​Kelma t’Alla li ma taħsibx taʼ spiss dwarhom imma li jistgħu jsaħħulek il-​fidi dwar li terġaʼ tara l-​maħbubin tiegħek.

ĠRAJJIET LI JAGĦTUNA TAMA!

5. Marta għala kienet ċerta li Lazzru kien se jiġi rxoxtat?

5 Innota li Marta ma qalitx: ‘Nittama li ħija jqum.’ Hi qalet: “Naf li jqum.” Marta għala kienet daqshekk ċerta? Għax hi kienet taf dwar każijiet taʼ rxoxt li kienu saru qabel. Probabbilment saret taf dwarhom mid-​dar jew mis-​sinagoga meta kienet żagħżugħa. Issa se neżaminaw tlieta minn dawn il-​każijiet taʼ rxoxt li jissemmew fl-​Iskrittura.

6. Dwar liema miraklu żgur li saret taf Marta?

6 L-​ewwel irxoxt seħħ matul żmien meta Alla kien qed jagħti lil Elija l-​qawwa biex jagħmel il-​mirakli. F’belt fil-​Feniċja msejħa Sarefat, fit-​Tramuntana taʼ Iżrael, kien hemm armla fqira li wriet ospitalità mal-​profeta. Imbagħad, Ġeħova wettaq miraklu. Hu għamel ċert li d-​dqiq u ż-​żejt tagħha ma jinħlewx biex b’hekk hi u binha jkunu jistgħu jibqgħu ħajjin. (1 Slaten 17:8-​16) Iktar tard, binha marad u miet. Imma Elija għenha. Hu talab lil Ġeħova: “Alla tiegħi, jekk jogħġbok, ħalli ruħ it-​tifel terġaʼ lura fih.” U hekk ġara! Alla semaʼ lil Elija, u t-​tifel reġaʼ beda jgħix. Dan kien l-​ewwel każ taʼ rxoxt imniżżel fil-​Bibbja. (Aqra l-​1 Slaten 17:17-24.) Bla dubju, Marta kienet taf dwar din il-​ġrajja straordinarja.

7, 8. (a) Eliżew kif farraġ lil omm imnikkta? (b) Il-​miraklu t’Eliżew x’juri dwar Ġeħova?

7 It-​tieni rxoxt imniżżel fil-​Bibbja sar mill-​profeta Eliżew. F’belt jisimha Sunem, kienet tgħix mara Iżraelija li ma kellhiex tfal. Minħabba li wriet ospitalità kbira maʼ Eliżew, Ġeħova bierek lil din il-​mara u lix-​xwejjaħ żewġha b’tifel. Però, ftit snin wara, it-​tifel miet. Immaġina kemm din l-​omm ħassitha mdejqa. In-​niket tagħha tant kien kbir li hi vvjaġġat 30 kilometru biex issib lil Eliżew, li kien fuq il-​Muntanja Karmel. Eliżew bagħat lill-​qaddej tiegħu Geħażi qabilhom lejn Sunem biex jirxoxta lit-​tifel. Imma Geħażi ma setax iqajmu. Imbagħad il-​mara mnikkta waslet id-​dar tagħha maʼ Eliżew.—2 Slaten 4:8-31.

Alla ta prova li hu kapaċi jirxoxta lill-​mejtin

8 Eliżew daħal fid-​dar fejn kien hemm it-​tifel mejjet, u talab. Ġeħova wiġiblu talbu u b’mod mirakoluż reġaʼ ta l-​ħajja lit-​tifel. Meta l-​omm rat lit-​tifel ħaj, kienet ferħana se ttir! (Aqra t-​2 Slaten 4:32-37.) Forsi ftakret fil-​kliem tat-​talba taʼ Ħanna. Ħanna ma setax ikollha tfal sakemm Ġeħova berikha b’tifel, Samwel. Imbagħad Ħanna faħħret lil Ġeħova għax hu “għandu l-​abbiltà kemm li jniżżel fil-​Qabar u kemm li jtellaʼ minnu.” (1 Samwel 2:6) Billi letteralment qajjem lit-​tifel f’Sunem, Alla ta prova li hu kapaċi jirxoxta lill-​mejtin.

9. Iddeskrivi t-​tielet irxoxt imniżżel fil-​Bibbja.

9 Ġrajja tal-​għaġeb oħra seħħet wara l-​mewt t’Eliżew. Hu kien qeda bħala profeta għal iktar minn 50 sena, imbagħad hu “marad bil-​marda li kien se jmut biha.” Wara li għadda ż-​żmien, kulma kien għad fadal minn Eliżew kien għadmu. Darba, xi Iżraelin kienu qed jidfnu raġel. F’daqqa waħda, huma raw l-​għedewwa tagħhom ġejjin. L-​Iżraelin ipprovaw jaħarbu malajr kemm jistaʼ jkun, allura huma tefgħu r-​raġel mejjet fil-​qabar t’Eliżew. Il-​Bibbja tgħid: “Meta r-​raġel mess maʼ l-​għadam t’Eliżew, hu mill-​ewwel ħa l-​ħajja u qam fuq saqajh.” (2 Slaten 13:14, 20, 21) Dawn ir-​rakkonti taw prova lil Marta li Alla għandu l-​qawwa fuq il-​mewt. Dawn għandhom jikkonvinċu lilek ukoll li l-​qawwa t’Alla hi enormi u bla limitu.

ĠRAJJIET FI ŻMIEN L-​APPOSTLI

10. Xi ġralha waħda oħt Kristjana jisimha Tabita u Pietru x’għamel?

10 Fl-​Iskrittura Griega Kristjana naqraw ukoll rakkonti taʼ meta l-​qaddejja leali t’Alla wettqu mirakli taʼ rxoxt. Diġà semmejna d-​drabi meta Ġesù wettaq irxoxt qrib il-​belt taʼ Najn u fid-​dar taʼ Ġajru. Xi żmien wara, l-​appostlu Pietru rxoxta lil Dorka, imsejħa wkoll Tabita. Pietru daħal fil-​kamra fejn kien hemm il-​ġisem tagħha, talab, u mbagħad qal: “Tabita, qum!” Hi qamet dak il-​ħin stess, u Pietru ta l-​mara ħajja lill-​Kristjani l-​oħra li kienu hemm. Dan ir-​rakkont tant kien konvinċenti li ħafna nies f’dik il-​belt “saru jemmnu fil-​Mulej.” Dawn id-​dixxipli ġodda setgħu jgħidu lil oħrajn l-​aħbar tajba dwar Ġesù u wkoll jgħidu lil kulħadd dwar l-​abbiltà li Ġeħova għandu biex iqajjem il-​mejtin.—Atti 9:36-42.

11. It-​tabib Luqa xi stqarr dwar wieħed żagħżugħ, u din il-​ġrajja kif effettwat lil oħrajn?

11 Kien hemm uħud li raw b’għajnejhom stess irxoxt ieħor. Darba, l-​appostlu Pawlu kien waqt laqgħa f’kamra taʼ fuq fi Troas, li issa hi fil-​Majjistral tat-​Turkija. Pawlu baqaʼ jitkellem sa nofsillejl. Żagħżugħ jismu Ewtiku kien qiegħed bilqiegħda f’ħoġor taʼ tieqa jisimgħu. Imma hu raqad u waqaʼ mit-​tielet sular għal isfel. Forsi Luqa kien l-​ewwel wieħed li wasal ħdejn Ewtiku. Bħala tabib, Luqa rrealizza li ż-​żagħżugħ ma kienx sempliċiment imweġġaʼ u mitluf minn sensih, imma kien mejjet! Pawlu niżel isfel u ħaddan lil Ewtiku, u mbagħad b’sorpriża għal kulħadd qal: “Ħajtu qiegħda fih.” Dan il-​miraklu effettwa bil-​kbir lil kull min ra dak li ġara. Meta saru jafu li ż-​żagħżugħ li kien miet ġie rxoxtat, huma “tfarrġu bla qjies.”—Atti 20:7-12.

TAMA TAʼ MIN JOQGĦOD FUQHA

12, 13. Meta nikkunsidraw il-​każijiet taʼ rxoxt li ddiskutejna, liema mistoqsijiet għandna mnejn nistaqsu?

12 Il-​każijiet taʼ rxoxt li ddiskutejna għandhom jagħtuk l-​istess fiduċja li kellha Marta. Nistgħu nkunu ċerti li Alla tagħna, il-​wieħed li jagħtina l-​ħajja, jistaʼ jerġaʼ jagħti l-​ħajja lil persuna li mietet. Hu taʼ interess li f’kull irxoxt dejjem kien hemm qaddej leali t’Alla preżenti, bħal Elija, Ġesù, jew Pietru. U dan ġara matul żmien li Ġeħova kien qed iwettaq il-​mirakli. Allura, xi ngħidu dwar dawk li mietu fi żminijiet oħra, meta mirakli bħal dawn ma kinux qed jitwettqu? Jistaʼ raġel jew mara leali tistenna li Alla se jqajjem il-​mejtin fil-​futur? Jistgħu huma jkunu ċerti daqskemm kienet Marta meta dwar ħuha qalet: “Naf li jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum”? Hi għala setgħet temmen li kien se jkun hemm irxoxt fil-​futur, u għala anki int tistaʼ temmen dan?

13 Diversi rakkonti fil-​Kelma t’Alla juru li l-​qaddejja leali tiegħu kienu jafu li kien se jkun hemm irxoxt fil-​futur. Ejja nikkunsidraw xi ftit minn dawn.

14. Ir-​rakkont t’Abraham x’jgħallimna dwar l-​irxoxt?

14 Aħseb dwar dak li Ġeħova talab lil Abraham biex jagħmel b’Iżakk, l-​iben li stenna tant għalih. Ġeħova qal: “Jekk jogħġbok, ħu lil ibnek Iżakk, l-​uniku iben tiegħek li tant tħobb, u vvjaġġa lejn l-​art taʼ Morija u hemmhekk offrih bħala offerta tal-​ħruq.” (Ġenesi 22:2) Kif taħseb li ħassu Abraham meta semaʼ dan il-​kmand? Ġeħova kien wiegħed li l-​ġnus kollha kienu se jitbierku permezz tad-​dixxendenti t’Abraham. (Ġenesi 13:14-​16; 18:18; Rumani 4:17, 18) Ukoll, Ġeħova qal li l-​barka kienet se tiġi “permezz taʼ Iżakk.” (Ġenesi 21:12) Imma dan kif setaʼ jiġri li kieku Abraham issagrifika lil ibnu? Pawlu ġie mnebbaħ biex jispjega li Abraham emmen li Alla setaʼ jirxoxta lil Iżakk. (Aqra Ebrej 11:17-19.) Madankollu, il-​Bibbja ma tgħidx li Abraham ħaseb li Iżakk kien se jerġaʼ jqum fi ftit sigħat, f’ġurnata, jew saħansitra f’ġimgħa. Abraham ma setax ikun jaf meta ibnu kien se jiġi rxoxtat. Imma hu fada li Ġeħova kien se jerġaʼ jqajjem lil Iżakk.

15. Liema tama kellu r-​raġel leali Ġob?

15 Anki r-​raġel leali Ġob kien jaf li kien se jkun hemm irxoxt fil-​futur. Hu kien jaf li jekk siġra tinqataʼ, din tistaʼ terġaʼ tikber u ssir bħal siġra ġdida. Imma dan ma jistax jiġri fil-​każ taʼ bniedem. (Ġob 14:7-12; 19:25-27) Jekk raġel imut, ma jistax jerġaʼ jqajjem lilu nnifsu. (2 Samwel 12:23; Salm 89:48) Bla dubju, dan ma kienx ifisser li Alla ma setax jirxoxta persuna. Fil-​fatt, Ġob emmen li Ġeħova kien se jiftakru. (Aqra Ġob 14:13-15.) Ġob ma setax ikun jaf meta dan kien se jiġri fil-​futur. Madankollu, Ġob fada li l-​Ħallieq tal-​ħajja umana setaʼ u kien se jiftakru u jirxoxtah.

16. Danjel liema inkuraġġiment ingħata mingħand anġlu?

16 Aħseb dwar raġel leali ieħor, Danjel. Hu kien qaddej leali taʼ Ġeħova tul ħajtu kollha, u Ġeħova appoġġjah. Darba minnhom, anġlu sejjaħ lil Danjel “raġel maħbub ħafna” u qallu biex ikollu “s-​sliem” u biex ‘jagħmel il-​ħila.’—Danjel 9:22, 23; 10:11, 18, 19.

17, 18. Ġeħova x’wiegħdu lil Danjel?

17 Meta Danjel kellu kważi 100 sena u kien wasal lejn tmiem ħajtu, hu setaʼ ħaseb dwar x’kien se jsir minnu. Stenna Danjel li jerġaʼ jgħix? Dażgur! Fl-​aħħar tal-​ktieb taʼ Danjel, naqraw li Alla wiegħdu: “Int mur lejn tmiemek; u int tistrieħ.” (Danjel 12:13) Danjel kien jaf li l-​mejtin kienu fil-​mistrieħ u li la hemm “ippjanar, la għarfien, u lanqas għerf fil-​Qabar,” fejn hu dalwaqt kien se jkun. (Ekkleżjasti 9:10) Madankollu, dan ma kienx se jkun it-​tmiem għal Danjel. Ġeħova wiegħdu xi ħaġa meraviljuża għall-​futur.

18 L-​anġlu taʼ Ġeħova qallu: “Int . . . tqum għal sehmek fi tmiem il-​jiem.” Danjel ma kienx jaf eżattament meta dan kien se jiġri. Hu fehem li kellu jmut u jistrieħ. Imma meta Danjel semaʼ l-​wegħda, “Int . . . tqum għal sehmek,” hu fehem li kellu jiġi rxoxtat fil-​futur. Dan kien se jiġri ħafna wara li jkun miet, “fi tmiem il-​jiem.” Jew, skont Il-​Bibbja tal-​Għaqda Biblika Maltija: “Meta jintemm iż-​żmien, tqum għall-​wirt li jmissek.”

Bħal Marta, int tistaʼ tkun ċert li l-irxoxt se jseħħ (Ara paragrafi 19, 20)

19, 20. (a) Il-​ġrajjiet li ddiskutejna x’għandhom x’jaqsmu mal-​istqarrija li Marta għamlet lil Ġesù? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

19 Biċ-​ċar, Marta kellha raġunijiet tajbin għala tkun ċerta li ħuha Lazzru, li kien leali, kien se “jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum.” Il-​wegħda taʼ Ġeħova lil Danjel, kif ukoll il-​fidi b’saħħitha taʼ Marta fi rxoxt fil-​futur, għandhom jagħtuna l-​fiduċja llum. Żgur se jkun hemm irxoxt.

20 Aħna tgħallimna dwar każijiet veri taʼ rxoxt li ġraw fil-​passat. Dawn jagħtu prova li l-​mejtin jistgħu jerġgħu jgħixu. Rajna wkoll li rġiel u nisa li qdew lil Alla lealment stennew li jkun hemm irxoxt fil-​futur. Madankollu, hemm xi evidenza li jistaʼ jseħħ irxoxt ħafna żmien wara li jkun ġie mwiegħed? Jekk iva, dan se jagħtina saħansitra iktar raġunijiet għala nħarsu ’l quddiem għal irxoxt fil-​futur. Imma meta ġej dan iż-​żmien? Dawn il-​punti se niddiskutuhom fl-​artiklu li jmiss.