Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Nitlaq l-affarijiet warajja biex immur wara s-Sid

Nitlaq l-affarijiet warajja biex immur wara s-Sid

Meta kelli 16-​il sena, missieri qalli: “Jekk tmur tipprietka, tersaqx ’l hawn. Jekk tiġi, niksirlek saqajk it-​tnejn.” Allura ddeċidejt li nitlaq mid-​dar. Din kienet l-​ewwel darba li tlaqt l-​affarijiet warajja biex immur wara Ġesù, is-​Sid tagħna.

MISSIERI għala kien daqshekk irrabjat? Ħalli nispjega. Twelidt fid-​29 taʼ Lulju 1929, u trabbejt f’raħal fil-​provinċja taʼ Bulacan fil-​Filippini. Ma kellniex ħafna flus, u ħajjitna kienet sempliċi. Meta kont għadni żgħir, l-​armata Ġappuniża invadiet il-​Filippini u bdiet il-​gwerra. Iżda r-​raħal tagħna kien iżolat, allura l-​gwerra m’affettwatniex direttament. La kellna radju, la televixin, u lanqas gazzetti, allura smajna bil-​gwerra permezz tan-​nies biss.

Kelli sebaʼ aħwa subien u bniet, u meta kelli tmien snin, in-​nanniet ħaduni ngħix magħhom. Għalkemm konna Kattoliċi, in-​nannu kien lest li jiddiskuti r-​reliġjon u aċċetta letteratura reliġjuża li kienu jagħtuh il-​ħbieb. Niftakar li wrieni l-​kotba żgħar Protection, Safety, u Uncovered bil-​lingwa Tagalog, * (ara n-​nota taʼ taħt) kif ukoll Bibbja. Kont nieħu pjaċir naqra l-​Bibbja, speċjalment l-​erbaʼ Evanġelji. Dan ġegħelni nkun irrid nimxi fuq l-​eżempju taʼ Ġesù.—Ġwanni 10:27.

NITGĦALLEM NIMXI WARA S-​SID

L-​armata Ġappuniża telqet mill-​Filippini fl-​1945. Kien madwar dak iż-​żmien meta l-​ġenituri qaluli mmur lura d-​dar. Nannuwi inkuraġġieni mmur, allura mort.

F’Diċembru 1945, xi Xhieda taʼ Ġeħova mill-​belt taʼ Angat ġew jippritkaw fir-​raħal tagħna. Xhud imdaħħal fiż-​żmien ġie d-​dar tagħna u spjegalna x’tgħid il-​Bibbja dwar “l-​aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1-5) Hu stidinna mmorru fuq studju tal-​Bibbja f’raħal qrib. Għalkemm il-​ġenituri ma marrux, jien mort. Kien hemm madwar 20 ruħ, u xi wħud staqsew mistoqsijiet dwar il-​Bibbja.

Ma kontx qed nifhem eżattament x’kien qed jingħad, allura ddeċidejt li nitlaq. Imma mbagħad bdew ikantaw għanja tas-​Saltna. Tant għoġbitni li bqajt hemm. Wara l-​għanja u t-​talba, ilkoll konna mistidnin nattendu laqgħa f’Angat il-​Ħadd taʼ wara.

Din il-​laqgħa saret fid-​dar tal-​familja Cruz, u wħud minna mxew kważi tmien kilometri biex jaslu. Kien hemm miġburin madwar 50 persuna, u bqajt impressjonat li anke t-​tfal żgħar wieġbu mistoqsijiet dwar suġġetti Bibliċi diffiċli. Wara li attendejt diversi laqgħat oħra, Damian Santos, pijunier imdaħħal fiż-​żmien u li qabel kien sindku, stidinni ngħaddi l-​lejl għandu. Qattajna l-​biċċa l-​kbira tal-​lejl niddiskutu l-​Bibbja.

Dak iż-​żmien, in-​nies kienu jitgħammdu ftit wara li jkunu tgħallmu affarijiet bażiċi mill-​Bibbja. Wara li kont attendejt ftit laqgħat biss, l-​aħwa rġiel staqsew lili u lil oħrajn, “Trid titgħammed?” Jien weġibt, “Iva, irrid.” Kont naf li rrid ‘nitjassar għas-​Sid, Kristu.’ (Kolossin 3:24) Morna ħdejn xmara fil-​viċin, u tnejn minna tgħammidna fil-​15 taʼ Frar 1946.

Irrealizzajt li l-​Kristjani mgħammdin kellhom jippritkaw regolarment bħal Ġesù. Missieri ħaseb li kont għadni żgħir wisq biex nipprietka u li l-​fatt li sempliċement kont mgħammed ma kienx ifisser li stajt nipprietka. Spjegajtlu li Alla jrid li aħna nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Mattew 24:14) Għedtlu wkoll li ridt inżomm il-​wegħda tiegħi lil Alla. Kien dak il-​ħin li missieri heddidni, bħalma semmejt fil-​bidu. Kien determinat li jwaqqafni milli nipprietka. Din kienet l-​ewwel darba li kelli nitlaq l-​affarijiet warajja, jew nagħmel sagrifiċċji, biex naqdi lil Ġeħova.

Il-​familja Cruz stidnitni ngħix magħhom f’Angat. Ukoll, huma inkuraġġew lili u lit-​tifla ż-​żgħira tagħhom, Nora, biex nibdew naqdu bħala pijunieri. It-​tnejn li aħna bdejna x-​xogħol taʼ pijunier fl-​1 taʼ Novembru 1947. Nora ħadmet bħala pijuniera f’belt oħra, imma jiena bqajt f’Angat.

OPPORTUNITÀ OĦRA BIEX NITLAQ L-​AFFARIJIET WARAJJA

Wara li kont ilni sentejn naħdem bħala pijunier, Earl Stewart, ħu mill-​Betel, ta taħdita lil iktar minn 500 ruħ fil-​pjazza tal-​belt taʼ Angat. Hu tkellem bl-​Ingliż, u wara għamilt sommarju tat-​taħdita tiegħu bit-​Tagalog. Din kienet l-​ewwel waħda minn ħafna taħditiet li ttraduċejt matul is-​snin. Kif kont kapaċi nagħmel dan? Għalkemm mort l-​iskola għal sebaʼ snin biss, l-​għalliema tiegħi kienu jużaw l-​Ingliż regolarment. Ukoll, jien studjajt ħafna pubblikazzjonijiet tagħna bl-​Ingliż għax kienu veru ftit il-​pubblikazzjonijiet Bibliċi bit-​Tagalog. Dawn l-​affarijiet għenuni nifhem l-​Ingliż tajjeb biżżejjed biex nittraduċi t-​taħditiet.

Ħuna Stewart informa lill-​kongregazzjoni lokali li l-​missjunarji kienu se jitilqu biex jattendu t-​Theocracy’s Increase Assembly tal-​1950 fi New York, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Allura, l-​uffiċċju tal-​fergħa ried li wieħed jew żewġ pijunieri jmorru jgħinu fil-​Betel. Jien kont wieħed mill-​aħwa li ġew mistidnin. Għal darb’oħra, tlaqt warajja l-​affarijiet li kont imdorri bihom, din id-​darba biex naqdi fil-​Betel.

Wasalt il-​Betel fid-​19 taʼ Ġunju 1950. Il-​binja taʼ Betel kienet dar antika kbira mdawra b’siġar kbar fuq medda art taʼ disaʼ tomniet (madwar 10 kilometri kwadri). Kien hemm xi 12-​il ħu single jaħdmu hemm. Filgħodu kmieni kont ngħin fil-​kċina. Imbagħad, minn xi d-​disgħa, kont ngħaddi l-​ħwejjeġ fil-​laundry. Waranofsinhar kont nagħmel l-​istess affarijiet. Anke wara li l-​missjunarji ġew lura mill-​assemblea internazzjonali, jien bqajt fil-​Betel. Għamilt kulma l-​aħwa rġiel kienu jqabbduni. Kont nippakkja r-​rivisti biex jiġu impostati, nieħu ħsieb l-​abbonamenti, u naħdem bħala receptionist.

NITLAQ MILL-​FILIPPINI BIEX IMMUR L-​ISKOLA TAʼ GILEGĦAD

Fl-​1952, jien u sitt aħwa rġiel mill-​Filippini ġejna mistidnin nattendu l-​20 klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad. Kont ferħan se ntir! Waqt li konna l-​Istati Uniti rajna u esperjenzajna ħafna affarijiet li kienu ġodda għalina. Il-​ħajja kienet differenti ħafna minn dak li kont imdorri bih fil-​villaġġ żgħir fejn trabbejt.

Maʼ wħud mill-klassi tiegħi taʼ Gilegħad

Pereżempju, kellna nitgħallmu kif nużaw apparat u għodod li qatt ma konna rajna qabel. Anke t-​temp kien differenti! Darba minnhom, xħin qomt filgħodu, kullimkien kien abjad barra. Din kienet l-​ewwel darba li rajt il-​borra. Xi ġmiel kien hemm! Imma malajr irrealizzajt li kien ħafna u ħafna ksieħ!

Tant apprezzajt it-​taħriġ meraviljuż taʼ Gilegħad li dawn l-​aġġustamenti xejn ma dejquni. L-​għalliema kienu tassew tajbin u wrewna kif nistudjaw u nagħmlu riċerka. It-​taħriġ taʼ Gilegħad żgur li għenni nsaħħaħ ir-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova.

Wara li ggradwajt, ġejt assenjat bħala pijunier speċjali għal xi żmien fil-​Bronx fil-​Belt taʼ New York. Għalhekk, f’Lulju 1953, stajt nattendi n-​New World Society Assembly li saret hemm. Wara l-​assemblea ġejt assenjat lura l-​Filippini.

NITLAQ IL-​KUMDITAJIET TAL-​BELT

L-​aħwa rġiel taʼ Betel inkarigawni nagħmel xogħol tas-​circuit. Dan tani iżjed opportunitajiet biex nimita lil Ġesù, li vvjaġġa lejn bliet u rħula mbegħdin biex jgħin lin-​nies taʼ Ġeħova. (1 Pietru 2:21) Is-​circuit tiegħi kopra erja kbira minn Luzon ċentrali, li hi l-​akbar gżira fil-​Filippini. Inkluda l-​provinċji taʼ Bulacan, Nueva Ecija, Tarlac, u Zambales. Sabiex inżur xi bliet, kelli naqsam mill-​Muntanji Sierra Madre, li kienu kollha blat. Ebda karozza tal-​linja jew ferrovija ma kienet tmur f’dawk il-​postijiet, allura kien ikolli nistaqsi lix-​xufiera tat-​trakkijiet jekk stajtx noqgħod bilqiegħda fuq iz-​zkuk tas-​siġar li kienu jġorru. Ħafna drabi kienu jħalluni, imma dan kien mod skomdu ħafna biex nivvjaġġa.

Fil-​biċċa l-​kbira, il-​kongregazzjonijiet kienu żgħar u ġodda. Allura, l-​aħwa kienu grati meta għenthom jorganizzaw aħjar il-​laqgħat u s-​servizz tal-​għalqa.

Iktar tard, ġejt assenjat għal circuit li kopra r-​reġjun kollu taʼ Bicol. F’dawn l-​inħawi, kien hemm ħafna gruppi iżolati li kellhom pijunieri speċjali jippritkaw f’postijiet li x-​Xhieda qatt ma kienu marru fihom qabel. F’dar minnhom, it-​toilet kien biss toqba fl-​art b’żewġ injamiet impoġġijin fin-​nofs fuqha. Meta qgħadt fuqhom, dawn waqgħu fil-​ħofra, u jien waqajt magħhom. Kont domt ħafna biex nitnaddaf u llesti għall-​kolazzjon!

Meta kont qed naqdi f’dan is-​circuit, bdejt naħseb dwar Nora, li kienet bdiet taqdi bħala pijuniera fl-​istess żmien tiegħi. Sa dak iż-​żmien, kienet pijuniera speċjali f’Dumaguete City, u mort naraha. Wara dan, ktibna ittri lil xulxin għal xi żmien, u fl-​1956 iżżewwiġna. Qattajna l-​ewwel ġimgħa wara t-​tieġ tagħna nżuru kongregazzjoni f’Rapu Rapu Island. Hemm kellna nitilgħu maʼ muntanji u nimxu distanzi twal, imma konna ferħanin li nkunu flimkien u ngħinu lill-​aħwa f’postijiet imbegħdin.

MISTIEDEN NERĠAʼ NAQDI FIL-​BETEL

Wara li konna fix-​xogħol tas-​circuit għal madwar erbaʼ snin, l-​aħwa stidnuna mmorru l-​uffiċċju tal-​fergħa. Bdejna naħdmu hemm f’Jannar 1960. Matul il-​ħafna snin li domna l-​Betel, tgħallimt ħafna għax ħdimt m’aħwa li għandhom responsabbiltajiet kbar fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. U Nora gawdiet ħafna inkarigi differenti fil-​Betel.

Waqt taħdita li tajt f’konvenzjoni maʼ traduttur Cebuano

Kienet barka li nara iktar u iktar nies jaqdu lil Ġeħova fil-​Filippini. Meta ġejt il-​Betel bħala ħu żagħżugħ single, kien hawn madwar 10,000 pubblikatur fil-​pajjiż kollu. Issa hawn iżjed minn 200,000 pubblikatur fil-​Filippini, u mijiet t’aħwa rġiel u nisa jaħdmu fil-​Betel biex jappoġġjaw ix-​xogħol tal-​ippritkar.

Hekk kif għadda ż-​żmien, kellna bżonn iżjed spazju biex nagħmlu x-​xogħol fil-​Betel. Imbagħad il-​Ġemgħa li Tiggverna talbitna biex infittxu propjetà fejn inkunu nistgħu nibnu uffiċċju tal-​fergħa ikbar. Jien u l-​indokratur tal-​istamperija morna minn dar għal dar fl-​inħawi tal-​fergħa u staqsejna lin-​nies jekk ridux ibigħu l-​propjetà tagħhom. Ħadd ma ried. Wieħed raġel saħansitra qalilna: “Iċ-​Ċiniżi ma jbigħux. Aħna nixtru.”

Nittraduċi taħdita għal Ħuna Albert Schroeder

Madankollu, darba waħda bdew jiġru affarijiet li ma bsarnihomx. Wieħed mill-​ġirien tagħna kien se jmur jgħix l-​Istati Uniti, allura staqsiena jekk ridniex nixtru l-​propjetà tiegħu. Imbagħad, ġar ieħor iddeċieda li jbigħ il-​propjetà tiegħu, u inkuraġġixxa lil oħrajn madwaru biex jagħmlu l-​istess. Aħna saħansitra stajna nixtru l-​propjetà mingħand ir-​raġel li kien qal li “ċ-​Ċiniżi ma jbigħux.” F’ħakka t’għajn, il-​propjetà tal-​fergħa kienet tliet darbiet ikbar. Ninsab ċert li Ġeħova ried li jiġri dan.

Fl-​1950 kont l-​iżgħar persuna li kienet qed taħdem il-​Betel. Issa, jien u marti sirna l-​ixjeħ persuni. M’għandi l-​ebda dispjaċir li mxejt wara Ġesù, kien fejn kien li dderiġieni. Għalkemm il-​ġenituri keċċewni minn darhom, Ġeħova tani familja kbira taʼ nies li jħobbuh. Minn qalbi nemmen li Ġeħova jagħtina dak kollu li neħtieġu, ikun xi jkun l-​inkarigu tagħna. Jien u Nora ninsabu grati ħafna lejn Ġeħova għall-​provvedimenti kollha taʼ mħabba tiegħu, u ninkuraġġixxu lil oħrajn ukoll biex jafdaw fih.—Malakija 3:10.

Ġesù darba stieden lil kollettur tat-​taxxi jismu Mattew Levi biex ikun segwaċi tiegħu. Mattew x’għamel? Hu “telaq kollox, qam, u mar warajh.” (Luqa 5:27, 28) Jien ukoll kelli l-​opportunità li nitlaq l-​affarijiet warajja biex immur wara Ġesù, u ninkuraġġixxi lil oħrajn biex jagħmlu l-​istess u jesperjenzaw ħafna barkiet.

Kuntent li nibqaʼ naqdi fil-Filippini

^ par. 6 Ippubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova imma issa m’għadhomx jiġu stampati.