Agħmel l-Aħjar li Tistaʼ fl-Inkarigu Tiegħek!
KIF tħossok meta tirċievi ittra taʼ inkuraġġiment mingħand ħabib tiegħek? Id-dixxiplu Kristjan Timotju rċieva ittra bħal din mingħand l-appostlu Pawlu. Din l-ittra issa hija l-ktieb tat-2 Timotju. Żgur li Timotju kien ħerqan biex isib post għall-kwiet biex ikun jistaʼ jaqra dak li sieħbu ried jgħidlu. Timotju jaf ħaseb: ‘Min jaf kif inhu Pawlu? Tgħid għandu xi parir għalija biex jgħinni fl-inkarigu tiegħi? Tgħid fiha xi pariri biex jgħinuni nipprietka, ngħallem aħjar, u ngħin lil oħrajn?’ Kif se naraw, f’din l-ittra importanti, Timotju sab it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet u ħafna iktar. F’dan l-artiklu se niddiskutu xi pariri tajbin li nsibu f’din l-ittra.
“NIBQAʼ NISSAPORTI KOLLOX”
Meta Timotju beda jaqra l-ewwel kliem tal-ittra, mill-ewwel setaʼ jara li Pawlu kien jimpurtah minnu. Pawlu sejjaħlu “iben maħbub.” (2 Tim. 1:2) Timotju rċieva din l-ittra madwar is-sena 65. Hu kellu madwar 30 sena u kien diġà anzjan tal-esperjenza. Hu kien ħadem maʼ Pawlu għal iktar minn 10 snin u b’hekk tgħallem ħafna minnu.
Min jaf kemm ħassu inkuraġġit Timotju meta sar jaf li Pawlu qed jiffaċċja l-provi b’lealtà. Pawlu kien fil-ħabs marbut bil-ktajjen f’Ruma, jistenna l-mewt. (2 Tim. 1:15, 16; 4:6-8) Timotju setaʼ jifhem li Pawlu kellu l-kuraġġ għax qal: “Nibqaʼ nissaporti kollox.” (2 Tim. 2:8-13) Bħalma saħħaħ lil Timotju, l-eżempju taʼ Pawlu jistaʼ jsaħħaħ lilna wkoll.
‘KEBBES BĦAN-NAR L-GĦOTJA’
Pawlu ħeġġeġ lil Timotju biex iqis l-inkarigu tiegħu fix-xogħol t’Alla bħala importanti ħafna. Pawlu ried li Timotju ‘jkebbes bħan-nar l-għotja t’Alla’ li kienet fih. (2 Tim. 1:6) Pawlu uża l-kelma khaʹri·sma għal “għotja.” Il-kelma Griega bażikament tirreferi għal rigal b’xejn u mhux mistħoqq. Timotju rċieva din l-għotja, jew rigal meta hu kien magħżul biex jagħmel xogħol speċjali għall-kongregazzjoni.—1 Tim. 4:14.
Pawlu x’kien qed jinkuraġġih jagħmel lil Timotju? Hekk kif qara l-kliem “tkebbes bħan-nar,” hu jaf ħaseb dwar in-nar li n-nies kien ikollhom fid-djar tagħhom, li mbagħad isir ġamar. Biex dan il-ġamar jerġaʼ jaqbad
kellu jiġi mċaqlaq. Dizzjunarju jgħid li l-verb Grieg (a·na·zo·py·reʹo) li Pawlu uża jfisser, li “terġaʼ tqabbad, terġaʼ tagħti n-nar, jew trewwaħ lin-nar, “ jiġifieri, li kellu jkun żeluż f’xogħlu. Mela Pawlu kien qed jgħid lil Timotju: ‘Agħmel l-aħjar li tistaʼ fl-inkarigu tiegħek!’ Illum, aħna rridu nagħmlu l-istess, jiġifieri, inkunu żelużi fix-xogħol tagħna għal Ġeħova.“ĦU ĦSIEB DAN IT-TEŻOR LI ĠEJT FDAT BIH”
Fl-ittra tiegħu, Pawlu qal xi ħaġa oħra li setgħet tgħin lil Timotju biex jirnexxi fix-xogħol tiegħu. Pawlu kiteb: “Dan it-teżor li ġejt fdat bih għassu permezz taʼ l-ispirtu qaddis li qed jgħammar fina.” (2 Tim. 1:14) Timotju biex kien ġie fdat? Liema ħaġa prezzjuża kellu? Fil-vers taʼ qabel, meta Pawlu qal: “Kliem mimli saħħa,” kien qed jirreferi għall-verità li nsibu fl-Iskrittura. (2 Tim. 1:13) Minħabba li kien Kristjan, Timotju kellu jgħallem din il-verità lill-aħwa fil-kongregazzjoni u lin-nies fit-territorju tiegħu. (2 Tim. 4:1-5) Ukoll, Timotju kien inħatar bħala anzjan biex jieħu ħsieb il-merħla t’Alla. (1 Pt. 5:2) Timotju setaʼ jieħu ħsieb dak li kien fdat bih billi jistrieħ fuq l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova u l-Kelma tiegħu.—2 Tim. 3:14-17.
Illum, aħna wkoll ġejna fdati l-verità li ngħallmu lil oħrajn. (Mt. 28:19, 20) Qatt m’għandna ninsew kemm il-verità li ngħallmu hi prezzjuża u għalhekk irridu nibqgħu nitolbu u nistudjaw il-Kelma t’Alla. (Rum. 12:11, 12; 1 Tim. 4:13, 15, 16) Forsi għandna wkoll l-inkarigu li naqdu bħala anzjan fil-kongregazzjoni jew naħdmu fis-servizz full-time. Inkarigu importanti bħal dan għandu jagħmilna umli u jġegħelna nistrieħu fuq Alla għall-għajnuna. Mela aħna nistgħu nieħdu ħsieb, jew nipproteġu, dak li fdalna Ġeħova billi napprezzawh u nistrieħu fuqu biex jgħinna nieħdu ħsiebu.
“GĦADDIH LIL NIES LEALI”
Parti mill-inkarigu li kellu Timotju kien li jittrennja lil oħrajn. Huwa għalhekk li Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Dak li smajt mingħandi . . . għaddih lil nies leali li, mill-banda l-oħra, ikunu kwalifikati biżżejjed biex jgħallmu lil oħrajn.” (2 Tim. 2:2) Iva, Timotju kellu jgħaddi lil aħwa oħrajn dak li tgħallem hu. Huwa importanti li kull anzjan fil-kongregazzjoni Kristjana jagħmel hekk. Anzjan tajjeb ma jżommx għalih dak li jaf dwar l-inkarigu tiegħu. Minflok, hu jgħaddih lil oħrajn biex b’hekk jitgħallmu huma wkoll. Hu ma jibżax li huma jistgħu jkunu kapaċi iktar minnu. Għalhekk, anzjan m’għandux jgħallem biss l-affarijiet bażiċi. Hu jrid jgħin lil dawk li qed jittrennja biex isiru Kristjani maturi. B’dan il-mod, lin-“nies leali” li jkun ittrennja se jkunu jistgħu jgħinu iktar fil-kongregazzjoni.
Bla dubju, Timotju apprezza l-ittra li bagħatlu Pawlu. Nistgħu nimmaġinawh jaqra l-pariri għal darba wara l-oħra u jaħseb kif jistaʼ japplikahom fl-inkarigu tiegħu.
Aħna wkoll irridu napplikaw dawn il-pariri. Kif? Billi nkunu żelużi fix-xogħol tagħna għal Ġeħova, nieħdu ħsieb dak li fdalna, u billi ngħallmu dak kollu li nafu lil oħrajn. B’dan il-mod, kif qal Pawlu lil Timotju, aħna nistgħu ‘nwettqu bis-sħiħ il-ministeru tagħna.’—2 Tim. 4:5.