Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 49

L-Irxoxt Se Jseħħ Żgur!

L-Irxoxt Se Jseħħ Żgur!

“Għandi tama f’Alla . . . li se jkun hemm irxoxt.”ATTI 24:15.

GĦANJA 151 Isejjaħ hu

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova liema tama sabiħa għandhom?

HU IMPORTANTI ħafna li jkollna xi ħaġa li nittamaw għaliha. Xi nies jittamaw li jkunu ferħanin fiż-​żwieġ tagħhom, ikollhom tfal f’saħħithom, jew li jfiqu minn xi marda serja. Aħna l-​Kristjani wkoll nittamaw li jkollna dawn l-​affarijiet. Imma għandna tama sabiħa oħra. Din tinkludi li ngħixu għal dejjem u li nerġgħu niltaqgħu mal-​maħbubin tagħna li mietu.

2 L-​appostlu Pawlu qal: “Għandi tama f’Alla . . . li se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Pawlu ma kienx l-​ewwel wieħed li tkellem dwar it-​tama tal-​irxoxt. Anki Ġob tkellem dwarha. Hu kien ċert li Alla kien se jiftakar fih u se jirxoxtah.—Ġob 14:7-​10, 12-​15.

3. L-​1 Korintin kapitlu 15, x’se jgħinna nagħmlu?

3 “L-​irxoxt tal-​mejtin” huwa “l-​pedament,” jew “id-​duttrina elementari,” jiġifieri, it-​tagħlim bażiku li l-​Kristjani jemmnu. (Ebr. 6:1, 2) Dak li qal Pawlu dwar l-​irxoxt insibuh fl-​1 Korintin kapitlu 15. Dan żgur li inkuraġġixxa lill-​Kristjani taʼ żmienu u se jinkuraġġixxi lilna wkoll.

4. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-​maħbubin tagħna se jiġu rxoxtati?

4 Minħabba l-​irxoxt taʼ Ġesù Kristu, nistgħu nkunu ċerti li jekk xi ħadd li nħobbu jmut se jiġi rxoxtat. Din kienet parti mill-​“aħbar tajba” li Pawlu qal lill-​Korintin. (1 Kor. 15:1, 2) Fil-​fatt, hu qal li jekk Kristjan ma kienx jemmen fl-​irxoxt, il-​fidi tiegħu ma kienet tiswa xejn. (1 Kor. 15:17) Li nemmnu fl-​irxoxt taʼ Ġesù hija r-​raġuni għala nistgħu nemmnu li oħrajn se jiġu rxoxtati.

5-6. Il-​kliem li nsibu fl-​1 Korintin 15:3, 4, xi jfisser għalina?

5 Meta Pawlu beda jikteb dwar l-​irxoxt, hu semma tliet veritajiet. Dawn huma (1) “Kristu miet għal dnubietna.” (2) “Indifen.” (3) “Ġie mqajjem fit-​tielet jum skond l-​Iskrittura.”—Aqra l-​1 Korintin 15:3, 4.

6 Li Ġesù miet, indifen, u ġie mqajjem, xi jfisser għalina? Il-​profeta Isaija bassar li l-​Messija kellu ‘jinqataʼ mill-​art tal-​ħajjin’ u li “l-​post għad-​dfin tiegħu jkun mal-​ħżiena.” Imma kellha tiġri xi ħaġa oħra. Isaija qal ukoll li l-​Messija kellu jġorr “id-​dnub taʼ ħafna nies.” Ġesù għamel dan meta ta ħajtu bħala fidwa. (Is. 53:8, 9, 12; Mt. 20:28; Rum. 5:8) Għalhekk, li Ġesù miet, indifen, u ġie mqajjem jagħtina raġunijiet tajbin biex ikollna tama li aħna nistgħu ninħelsu mid-​dnub u l-​mewt u nerġgħu ningħaqdu mal-​maħbubin tagħna li mietu.

EVIDENZA MINN ĦAFNA XHIEDA

7-8. X’jgħin lill-​Kristjani jemmnu li Ġesù ġie rxoxtat?

7 Biex nemmnu li se jkun hemm irxoxt, l-​ewwel irridu nemmnu li Ġesù ġie rxoxtat. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova reġaʼ ta l-​ħajja lil Ġesù?

8 Kien hemm ħafna nies li raw lil Ġesù wara li ġie rxoxtat u huma qalu lil oħrajn dwar dan. (1 Kor. 15:5-​7) L-​ewwel xhud li semma Pawlu kien l-​appostlu Pietru (Kefa). Anki grupp taʼ dixxipli qalu li Pietru kien ra lil Ġesù rxoxtat. (Lq. 24:33, 34) Apparti minn hekk, Pawlu qal li l-​appostli raw lil Ġesù wara li ġie rxoxtat. Iktar tard, Kristu “deher lil iktar minn ħames mitt ħu f’daqqa,” x’aktarx f’dik il-​laqgħa sabiħa fil-​Galilija li tissemma f’​Mattew 28:16-​20. Ukoll, Ġesù “deher lil Ġakbu,” ħuh mill-​omm, li ma kienx jemmen li Ġesù kien il-​Messija. (Ġw. 7:5) Wara li Ġakbu ra lil Ġesù rxoxtat, beda jemmen. Taʼ interess, madwar is-​sena 55, meta Pawlu kiteb din l-​ittra, ħafna nies li raw lil Ġesù rxoxtat kienu għadhom ħajjin, għalhekk dawk li kellhom id-​dubju dwar l-​irxoxt taʼ Ġesù setgħu jitkellmu magħhom.

9. Meta naqraw Atti 9:3-5, x’evidenza oħra nsibu li Ġesù ġie rxoxtat?

9 Iktar tard Ġesù deher ukoll lil Pawlu stess. (1 Kor. 15:8) Pawlu (Sawl) kien fi triqtu lejn Damasku meta semaʼ leħen Ġesù rxoxtat u ra viżjoni tiegħu fis-​sema. (Aqra Atti 9:3-​5.) Dak li ġara lil Pawlu kien evidenza oħra li Ġesù vera ġie rxoxtat.—Atti 26:12-​15.

10. Pawlu x’għamel għax kien konvint li Ġesù ġie rxoxtat?

10 Xi nies jaf kienu interessati ħafna f’dak li qal Pawlu għax qabel ma deherlu Ġesù, hu kien jippersegwita lill-​Kristjani. Wara li sar konvint li Ġesù kien ġie rxoxtat, Pawlu ħadem iebes biex jikkonvinċi lill-​oħrajn dwar din il-​verità. Hu ssaporta swat, ħabs, u nawfraġji waqt li pprietka l-​verità li Ġesù kien miet u reġaʼ qam. (1 Kor. 15:9-​11; 2 Kor. 11:23-​27) Pawlu tant kien ċert li Ġesù ġie rxoxtat li kien lest li jmut biex jiddefendi t-​twemmin tiegħu. Ma jikkonvinċikx dan li Ġesù ġie rxoxtat mill-​mewt? U ma jsaħħaħx il-​fidi tiegħek fl-​irxoxt?

PAWLU KKOREĠA TAGĦLIM FALZ

11. Għala xi wħud f’Korintu kellhom ħarsa żbaljata dwar l-​irxoxt?

11 Xi wħud fil-​belt Griega taʼ Korintu kellhom ħarsa żbaljata dwar l-​irxoxt. Saħansitra qalu “li m’hemmx irxoxt tal-​mejtin.” Għala? (1 Kor. 15:12) Filosfi f’belt Griega oħra, Ateni, kienu jidħqu bl-​idea li Ġesù ġie rxoxtat. Dan ir-​raġunar setaʼ affettwa lil xi wħud f’Korintu. (Atti 17:18, 31, 32) Oħrajn forsi ħasbu li l-​irxoxt ma kienx letterali. Minflok, huma setgħu ħasbu li n-​nies jissejħu mejtin minħabba li jkunu midinba, u li nies li jsiru Kristjani jistgħu jissejħu ħajjin minħabba li d-​dnub tagħhom ikun inħafer. Kienet x’kienet ir-​raġuni li huma ma emmnux fl-​irxoxt, il-​fidi tagħhom ma kienet tiswa xejn. Kieku Alla ma rxoxtax lil Ġesù, il-​fidwa ma kinitx se tkun valida u b’hekk id-​dnubiet ma kinux se jiġu maħfura. Għalhekk, dawk li m’aċċettawx l-​irxoxt ma kellhomx tama vera.—1 Kor. 15:13-​19; Ebr. 9:12, 14.

12. Skont l-​1 Pietru 3:18, 22, l-​irxoxt taʼ Ġesù kif kien differenti minn taʼ oħrajn?

12 Pawlu kien jaf li “Kristu ġie mqajjem mill-​imwiet.” Dan l-​irxoxt kien differenti mill-​irxoxt tan-​nies li sar qabel għax dawn reġgħu mietu. Pawlu qal li Ġesù kien “l-​ewwel frott fost dawk li raqdu fil-​mewt.” B’liema mod Ġesù kien l-​ewwel frott? Hu kien l-​ewwel persuna li ġie rxoxtat bħala spirtu u l-​ewwel wieħed mill-​bnedmin li mar fis-​sema.—1 Kor. 15:20; Atti 26:23; aqra l-​1 Pietru 3:18, 22.

DAWK LI ‘GĦAD JINGĦATAW IL-​ĦAJJA’

13. X’inhi d-​differenza li spjega Pawlu bejn Adam u Ġesù?

13 Kif tistaʼ l-​mewt taʼ bniedem wieħed tagħti l-​ħajja lil miljuni taʼ nies? Pawlu wieġeb b’mod ċar din il-​mistoqsija. Hu spjega d-​differenza bejn dak li ġara lill-​bnedmin minħabba dak li għamel Adam u dak li jistaʼ jkun possibbli għalina minħabba s-​sagrifiċċju taʼ Kristu. Dwar Adam, Pawlu kiteb: “Il-​mewt ġiet permezz taʼ bniedem.” Meta Adam dineb, ġab il-​mewt fuqu u fuq id-​dixxendenti tiegħu. Aħna għadna qed inbatu l-​konsegwenzi koroh minħabba d-​diżubbidjenza tiegħu. Imma minħabba li Alla rxoxta lil Ibnu, aħna jistaʼ jkollna futur sabiħ! Pawlu kiteb ukoll: “L-​irxoxt tal-​mejtin ġie wkoll permezz taʼ bniedem [Ġesù]. Għax bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-​ħajja fil-​Kristu.”—1 Kor. 15:21, 22.

14. Adam se jiġi rxoxtat? Spjega.

14 Pawlu x’ried ifisser meta qal “kulħadd qed imut f’Adam”? Pawlu kien qed jitkellem dwar il-​bnedmin kollha, li wirtu d-​dnub u l-​imperfezzjoni minn Adam u għalhekk imutu. (Rum. 5:12) Adam mhux se jkun fost dawk li ‘għad jingħataw il-​ħajja.’ Minħabba li Adam kien bniedem perfett u għażel li ma jobdix lil Alla, mhux se jibbenefika mill-​fidwa taʼ Kristu. Dak li ġara lil Adam, huwa dak li se jiġri lil dawk li “Bin il-​bniedem” se jiġġudikahom bħala “mogħoż,” u b’hekk “imorru fil-​qtugħ taʼ dejjem.”—Mt. 25:31-​33, 46; Ebr. 5:9.

Ġesù kien l-ewwel wieħed minn ħafna li ġie mqajjem mill-mewt għall-ħajja fis-sema (Ara paragrafi 15-16) *

15. Meta Pawlu qal li “kulħadd għad jingħata l-​ħajja,” għal min kien qed jirreferi?

15 Innota li Pawlu qal li “kulħadd għad jingħata l-​ħajja fil-​Kristu.” (1 Kor. 15:22) L-​ittra taʼ Pawlu kienet miktuba għall-​Kristjani midlukin f’Korintu, li kienu se jkunu rxoxtati għall-​ħajja fis-​sema. Dawk il-​Kristjani kienu ‘tqaddsu f’unjoni maʼ Kristu Ġesù, imsejħin biex ikunu qaddisin.’ U Pawlu semma lil “dawk li raqdu fil-​mewt f’unjoni maʼ Kristu.” (1 Kor. 1:2; 15:18; 2 Kor. 5:17) F’ittra oħra, Pawlu kiteb li dawk li ‘jingħaqdu [maʼ Ġesù] f’mewt li tixbah lil tiegħu, żgur li se jingħaqdu miegħu wkoll fi rxoxt li jixbah lil tiegħu.’ (Rum. 6:3-​5) Ġesù ġie rxoxtat bħala spirtu u telaʼ fis-​sema. U hekk se jiġri lil dawk kollha li huma “f’unjoni maʼ Kristu,” jiġifieri, il-​midlukin kollha.

16. X’ried ifisser Pawlu meta qal li Ġesù hu “l-​ewwel frott”?

16 Pawlu kiteb li Kristu ġie rxoxtat bħala “l-​ewwel frott fost dawk li raqdu fil-​mewt.” Ftakar li oħrajn, bħal Lazzru, ġew irxoxtati fuq l-​art, imma Ġesù kien l-​ewwel wieħed li qatt ġie rxoxtat mill-​mewt bħala spirtu u li kien se jgħix għal dejjem. Hu jistaʼ jitqabbel mal-​ewwel frott tal-​ħsad li l-​Iżraelin kienu joffru lil Alla. U meta Pawlu qal li Ġesù kien “l-​ewwel frott,” hu kien qed ifisser li nies oħrajn wara Ġesù kellhom jiġu rxoxtati għall-​ħajja fis-​sema. L-​appostli u oħrajn “f’unjoni maʼ Kristu” kienu se jitilgħu fis-​sema wara Ġesù. Maż-​żmien, kienu se jesperjenzaw irxoxt simili bħal dak taʼ Ġesù.

17. Dawk li jkunu “f’unjoni maʼ Kristu,” meta kellhom jiġu rxoxtati biex jgħixu fis-​sema?

17 L-​irxoxt għas-​sema għal dawk li huma “f’unjoni maʼ Kristu” kien għadu ma bediex meta Pawlu kiteb lill-​Korintin. Pawlu qal li dan kien se jiġri fil-​futur: “Kull wieħed skond kif imissu: Kristu l-​ewwel frott; wara, dawk li huma tal-​Kristu matul il-​preżenza tiegħu.” (1 Kor. 15:23; 1 Tess. 4:15, 16) Illum, qed ngħixu matul “il-​preżenza” taʼ Kristu kif ġie mbassar. L-​appostli u Kristjani oħrajn midlukin bl-​ispirtu li mietu kellhom jistennew sal-​preżenza taʼ Kristu biex jirċievu l-​premju għas-​sema u ‘jingħaqdu miegħu wkoll fi rxoxt li jixbah lil tiegħu.’

NISTGĦU NKUNU ĊERTI LI T-​TAMA TAGĦNA SE TITWETTAQ ŻGUR

18. (a) Għala nistgħu ngħidu li se jkun hemm irxoxt ieħor wara l-​irxoxt għas-​sema? (b) L-​1 Korintin 15:24-​26, x’jgħallimna dwar dak li se jiġri fis-​sema?

18 Imma x’se jiġri lil dawk il-​Kristjani leali kollha li m’għandhomx it-​tama li jgħixu fis-​sema maʼ Kristu? Huma wkoll għandhom it-​tama tal-​irxoxt. Il-​Bibbja tgħid li Pawlu u l-​oħrajn li se jmorru fis-​sema se jkunu “fost dawk li se jiġu rxoxtati minn taʼ l-​ewwel.” (Flp. 3:11) Dan jurina li se jkun hemm irxoxt ieħor. Dan hu fi qbil maʼ dak li qal Ġob dwar il-​futur tiegħu. (Ġob 14:15) “Dawk li huma tal-​Kristu matul il-​preżenza tiegħu” se jkunu fis-​sema maʼ Ġesù meta se jeqred kull gvern u kull awtoritajiet u qawwa. Ukoll, bħala “l-​aħħar għadu, il-​mewt se tinġieb fix-​xejn.” Dawk kollha li se jiġu rxoxtati għas-​sema qatt mhu se jmutu. Imma x’se jiġri lill-​oħrajn?—Aqra l-​1 Korintin 15:24-​26.

19. Dawk li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art, x’jistgħu jistennew?

19 Dawk li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art, x’jistgħu jistennew? Dak li semma Pawlu: “Għandi tama . . . li se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Jidher ċar li persuna ħażina ma tistax tmur fis-​sema, għalhekk dan il-​kliem juri li se jkun hemm irxoxt fuq l-​art.

Jekk nemmnu fl-​irxoxt nistgħu nħarsu ’l quddiem għall-​futur sabiħ (Ara paragrafu 20) *

20. It-​tama tiegħek fl-​irxoxt, kif issaħħet?

20 Mela m’għandniex dubju “li se jkun hemm irxoxt”! Dawk li se jiġu rxoxtati għall-​ħajja fuq l-​art għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem. Tistaʼ tkun ċert minn din il-​wegħda. Din it-​tama tistaʼ tfarrġek meta tiftakar dwar il-​maħbubin tiegħek li tlift fil-​mewt. Dawn jistgħu jiġu rxoxtati matul iż-​żmien meta Kristu u oħrajn se “jsaltnu . . . għall-​elf sena.” (Riv. 20:6) Inti wkoll tistaʼ tkun fiduċjuż li jekk tmut qabel ma Kristu jibda jmexxi għal elf sena, se tiġi rxoxtat. Din it-​tama “ma twassalx għal diżappunt.” (Rum. 5:5) Tistaʼ tgħinek tibqaʼ sod u tkun ferħan waqt li taqdi lil Alla. Imma kif se jurina l-​artiklu li jmiss, hemm iktar x’nistgħu nitgħallmu mill-​1 Korintin kapitlu 15.

GĦANJA 147 Ħajja taʼ dejjem hi mwiegħda

^ par. 5 L-​ewwel Korintin kapitlu 15 jitkellem dwar l-​irxoxt. Dan it-​tagħlim għala hu importanti għalina? U għala nistgħu nemmnu li Ġesù ġie rxoxtat? Dan l-​artiklu se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet u oħrajn dwar l-​irxoxt.

^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġesù kien l-​ewwel wieħed li ġie rxoxtat għas-​sema. (Atti 1:9) Xi wħud mid-​dixxipli tiegħu li marru ħdejh huma Tumas, Ġakbu, Lidja, Ġwanni, Marija, u Pawlu.

^ par. 58 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu li tilef lil martu fil-​mewt wara li kienu ilhom jaqdu lil Ġeħova flimkien. Hu fiduċjuż li se tiġi rxoxtata, u għalhekk ikompli jaqdi lil Ġeħova lealment.