Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Proverbji 24:16 jgħid: “Il-ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur iqum.” Il-vers ifisser li persuna tistaʼ tibqaʼ tidneb darba wara l-oħra u mbagħad Alla jaħfrilha?
Dan il-vers ma jfissirx hekk. Hu qed jiddeskrivi persuna li jkollha ħafna problemi imma tibqaʼ tissaporti.
Ejja naraw il-versi taʼ qabel u wara Proverbji 24:16: “Tonsobx, bħal bniedem mill-agħar, għall-post fejn jgħix il-ġust; tħarbatlux il-post fejn jistrieħ. Għax il-ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur iqum; imma n-nies mill-agħar se jitfixklu minħabba l-gwaj. Meta l-għadu tiegħek jaqaʼ, tithenniex; u meta jiġi mfixkel, ħa ma tifraħx qalbek.”—Prov. 24:15-17.
Xi nies jaħsbu li vers 16 jitkellem dwar persuna li tidneb imma mbagħad jiddispjaċiha u jerġaʼ jkollha ħbiberija tajba m’Alla. Pereżempju, żewġ mexxejja reliġjużi mill-Ingilterra kitbu li qassisin, kemm fil-passat kif ukoll fil-preżent, spjegaw dan il-vers b’dan il-mod. Huma qalu wkoll li din l-ispjegazzjoni tfisser li “raġel tajjeb jistaʼ jidneb serjament imma jibqaʼ jħobb lil Alla u jkollu l-approvazzjoni tiegħu għax ikun iddispjaċieh.” Persuna li tkun qed tagħmel xi ħaġa ħażina taf togħġobha din l-ispjegazzjoni. Hi taf taħseb li anki jekk tibqaʼ tidneb, Alla dejjem se jaħfrilha.
Imma vers 16 ma jfissirx hekk.
Il-kelma bl-Ebrajk tradotta “jaqaʼ” fil-versi 16 u 17, tistaʼ tintuża b’diversi modi. Pereżempju, annimal jaqaʼ fit-triq, xi ħadd jaqaʼ minn fuq il-bejt, jew ċagħqa taqaʼ mal-art. (Dt. 22:4, 8; Għam. 9:9) Imma din il-kelma jistaʼ jkollha tifsira figurattiva: “Ġeħova jissoda l-passi taʼ raġel b’saħħtu, u Hu jitgħaxxaq bi triqtu. Għalkemm forsi jaqaʼ, ma jispiċċax mixħut maʼ l-art, għax Ġeħova qed iżommlu idu.”—Salm 37:23, 24; Prov. 11:5; 13:17; 17:20.
Però, innota l-punt li semma l-Professur Edward H. Plumptre: “Il-kelma Ebrajka għal [“jaqaʼ”] qatt ma tintuża biex tfisser tidneb.” Ukoll, studjuż ieħor jispjega vers 16 hekk: “Huwa għalxejn li tittratta lin-nies t’Alla ħażin għax huma dejjem se jirnexxu, imma n-nies ħżiena le!”
Għalhekk, dan kollu jurina li Proverbji 24:16 ma jirreferix għal meta persuna tidneb, imma għal meta persuna tesperjenza problemi jew diffikultajiet darba wara l-oħra. Fid-dinja ħażina tal-lum, persuna ġusta tistaʼ tiffaċċja problemi taʼ saħħa jew problemi oħra. Tistaʼ tkun ippersegwitata mill-gvern minħabba l-fidi tagħha. Imma hi tistaʼ tkun ċerta li Alla se jinkuraġġiha u jgħinha biex tkampa mal-provi u tirnexxi. Aħseb ftit, ‘Għala taħseb li ħafna drabi l-qaddejja t’Alla jirnexxilhom jegħlbu l-problemi li jkollhom?’ Għax huma ċerti li “Ġeħova qed iżomm lil kulmin qed jaqaʼ, u qed iqajjem lil kulmin hu mtaqqal.”—Salm 41:1-3; 145:14-19.
“Il-ġust” mhux ferħan għax oħrajn għandhom il-problemi. Imma hu jħossu inkuraġġit għax jaf “li dawk li jibżgħu mill-Alla l-veru se jaħbtilhom tajjeb, talli kellhom il-biżaʼ tiegħu.”—Ekk. 8:11-13; Ġob 31:3-6; Salm 27:5, 6.