Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Il-kliem tal-appostlu Pawlu li nsibu fl-1 Korintin 15:29, ifisser li xi Kristjani fi żmienu tgħammdu għan-nom tal-mejtin?
Le, la fil-Bibbja u lanqas f’kotba tal-istorja oħrajn ma nsibu li xi Kristjani tgħammdu għan-nom taʼ xi nies li kienu mietu.
Il-mod kif dan il-vers ġie tradott f’ħafna Bibbji jġiegħel lil xi nies jaħsbu li kienet issir il-magħmudija għan-nom tal-mejtin fi żmien il-Kristjani tal-bidu. Pereżempju, xi Bibbji jgħidu: “Inkella x’jagħmlu dawk li huma mgħammdin għall-mejtin, jekk il-mejtin ma jqumu bl-ebda mod? Għaliex jitgħammdu għalihom?”—Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.
Studjuż tal-Bibbja jismu Dr. Gregory Lockwood qal li m’hemm ebda prova li fil-Bibbja jew fl-istorja xi ħadd tgħammed għan-nom taʼ persuna mejta. Studjuż ieħor tal-Bibbja, il-Professur Gordon D. Fee jaqbel maʼ dan. Hu kiteb li la fil-Bibbja u lanqas fl-istorja m’hemm eżempju taʼ xi magħmudija bħal din. Hu qal ukoll li fit-Testment il-Ġdid qatt ma ssemmiet u m’hemmx provi li din saret mill-Kristjani tal-bidu jew f’xi knejjes li kien hemm wara l-mewt tal- appostli.
Il-Bibbja tgħid li d-dixxipli taʼ Ġesù kellhom ‘jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, jgħammduhom . . . , u jgħallmuhom josservaw dak kollu li ordnalhom’ hu. (Mt. 28:19, 20) Qabel ma xi ħadd isir dixxiplu mgħammed, hu kellu bżonn jitgħallem dwar Ġeħova u Ibnu, jemmen fihom, u jobdihom. Xi ħadd li kien diġà mejjet u fil-qabar, ma setax jagħmel dan; u lanqas Kristjan ħaj ma setaʼ jagħmel dan għalih.—Ekk. 9:5, 10; Ġw. 4:1; 1 Kor. 1:14-16.
Allura, Pawlu x’kien qed jgħid?
Xi Korintin qalu li l-mejtin ma kinux se jiġu rxoxtati. (1 Kor. 15:12) Pawlu wriehom li kienu żbaljati. Kif? Pawlu spjegalhom li hu kuljum kien ikun fil-periklu tal-mewt, imma kien fiduċjuż li wara l-mewt tiegħu kien se jiġi rxoxtat għall-ħajja fis-sema bħal Ġesù.—1 Kor. 15:30-32, 42-44.
Il-Korintin kellhom bżonn jifhmu li l-Kristjani midlukin kellhom jiffaċċjaw provi kuljum u jmutu leali qabel ma jiġu rxoxtati għall-ħajja fis-sema. Għalhekk, meta huma kienu ‘tgħammdu fi Kristu Ġesù’ kienu wkoll ‘tgħammdu f’mewtu.’ (Rum. 6:3) Dan ifisser li bħal Ġesù, huma kellhom jgħaddu mill-provi u jmutu qabel jiġu rxoxtati għas-sema.
Iktar minn sentejn wara li Ġesù tgħammed fl-ilma, hu qal lil tnejn mill-appostli tiegħu: “Bil-magħmudija li qed nitgħammed jien se titgħammdu.” (Mk. 10:38, 39) Imma, Ġesù ma kienx qed jgħid li se jerġaʼ jitgħammed fl-ilma. Hawnhekk, Ġesù kien qed jgħid li l-lealtà tiegħu lejn Alla kienet se twassal għal mewtu. Pawlu kiteb li l-midlukin kienu se ‘jsofru flimkien biex ikunu wkoll glorifikati flimkien.’ (Rum. 8:16, 17; 2 Kor. 4:17) Għalhekk, anki huma kellhom imutu biex jiġu rxoxtati għall-ħajja fis-sema.
Mela, dak li qal Pawlu ġie tradott b’mod tajjeb: “Inkella, x’se jagħmlu dawk li qed jitgħammdu bl-iskop li jkunu mejtin? Jekk il-mejtin żgur mhux se jiġu mqajmin, dawk għala qed jitgħammdu bl-iskop li jkunu mejtin?”