Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-ferħ—Kwalità li nirċievu mingħand Alla

Il-ferħ—Kwalità li nirċievu mingħand Alla

IN-​NIES jixtiequ jkunu ferħanin. Imma dawn huma l-​aħħar jiem, u kulħadd għandu problemi li “diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Xi nies jitilfu l-​ferħ minħabba li jiġu ttrattati b’mod inġust, jimirdu, jispiċċaw bla xogħol, jew imutilhom xi ħadd li jħobbu. Oħrajn jitilfu l-​ferħ minħabba li tiġrilhom xi ħaġa oħra li ġġegħelhom ikunu inkwetati jew imdejqin. Anki l-​aduraturi taʼ Ġeħova jistgħu jiskuraġġixxu ruħhom u bil-​mod il-​mod jitilfu l-​ferħ. Jekk dan ġara lilek, kif jistaʼ jerġaʼ jkollok il-​ferħ?

Biex inwieġbu din il-​mistoqsija, l-​ewwel irridu nifhmu x’inhu ferħ veru u kif oħrajn baqgħu ferħanin minkejja d-​diffikultajiet li kellhom. Imbagħad, se naraw kif jistaʼ jibqaʼ jkollna l-​ferħ u kif nistgħu nżiduh.

X’INHU L-​FERĦ?

Li wieħed ikun ferħan mhuwiex l-​istess bħal li jkun ferrieħi. Aħseb dwar dan: Xi ħadd li jisker għandu mnejn jidħaq ħafna. Imma meta jiġi f’sensih, ma jibqax jidħaq u jistaʼ jinduna li xorta għad għandu ħafna problemi. Dan kien ferrieħi għal ftit ħin biss u ma kellux ferħ veru.—Proverbji 14:13.

Mill-​banda l-​oħra, il-​ferħ hu s-​sentiment qawwi li jkollna f’qalbna meta nirċievu jew nistennew xi ħaġa tajba. Li jkollna l-​ferħ ifisser li nkunu ferħanin kemm jekk iċ-​ċirkustanzi tagħna jkunu tajbin u kemm jekk ħżiena. (1 Tessalonikin 1:6) Fil-​fatt, aħna nistgħu nkunu mdejqin dwar xi ħaġa imma xorta jkollna l-​ferħ. Pereżempju, l-​appostli ġew imsawtin minħabba li kienu qed jippritkaw dwar Ġesù. Minkejja dan, huma “telqu minn quddiem is-​Sinedriju, henjin għax kienu tqiesu denji li jiġu diżonorati minħabba ismu.” (Atti 5:41) Huma ma ferħux minħabba li ġew imsawtin imma minħabba li rnexxielhom jibqgħu leali lejn Alla.

Il-​ferħ ma nitwildux bih u ma jiġix b’mod awtomatiku. Għaliex le? Għax il-​ferħ veru huwa parti mill-​frott tal-​ispirtu qaddis t’Alla. L-​ispirtu t’Alla jgħinna niżviluppaw “il-​personalità l-​ġdida,” li tinkludi l-​ferħ. (Efesin 4:24; Galatin 5:22) U meta jkollna l-​ferħ, se jkun iktar faċli biex inkampaw mad-​diffikultajiet tagħna.

EŻEMPJI LI RRIDU NIMITAW

Ġeħova ried jara affarijiet tajbin iseħħu fuq l-​art, u mhux l-​affarijiet ħżiena li naraw illum. Imma għalkemm in-​nies jagħmlu affarijiet mill-​agħar, Ġeħova ma jitlifx il-​ferħ tiegħu. Il-​Bibbja tgħid: “Saħħa u ferħ hemm f’postu.” (1 Kronaki 16:27) Barra minn hekk, l-​affarijiet tajbin li jagħmlu l-​qaddejja taʼ Ġeħova jferrħulu qalbu.—Proverbji 27:11.

Aħna nistgħu nimitaw lil Ġeħova jew nipprovaw inkunu bħalu billi ma nitilfux il-​ferħ meta l-​affarijiet ma jmorrux kif stennejna. Minflok ma ninkwetaw, aħna nistgħu niffokaw fuq l-​affarijiet tajbin li għandna bħalissa u nistennew bil-​paċenzja għal affarijiet saħansitra aħjar fil-​futur. *—Ara n-​nota taʼ taħt.

Fil-​Bibbja hemm ħafna eżempji taʼ nies li baqgħu ferħanin minkejja li kellhom ħafna problemi. Abraham baqaʼ ferħan saħansitra meta ħajtu kienet fil-​periklu u meta oħrajn qalgħulu l-​problemi. (Ġenesi 12:10-20; 14:8-16; 16:4, 5; 20:1-18; 21:8, 9) Kif għamel dan? Billi ħaseb dwar it-​tama li jgħix fid-​dinja l-​ġdida taħt it-​tmexxija tal-​Messija. (Ġenesi 22:15-18; Ebrej 11:10) Ġesù qal: “Missierkom Abraham feraħ ħafna bil-​prospett li jara l-​jum tiegħi.” (Ġwanni 8:56) Aħna nimitaw lil Abraham meta nibqgħu naħsbu dwar il-​ferħ li se nesperjenzaw fil-​futur.—Rumani 8:21.

Pawlu u Sila wkoll kellhom fidi soda u baqgħu ferħanin minkejja l-​ħafna diffikultajiet li esperjenzaw. Pereżempju, wara li qalgħu swat kbir u ġew mitfugħin il-​ħabs, huma “kienu qed jitolbu u jfaħħru lil Alla bil-​kant.” (Atti 16:23-25) Huma rnexxielhom jissaportu din it-​tbatija minħabba li komplew jaħsbu dwar il-​wegħdi t’Alla għall-​futur. U l-​fatt li kienu qed ibatu għax kienu segwaċi taʼ Kristu tahom il-​ferħ. Aħna nimitaw lil Pawlu u Sila meta niftakru fir-​riżultati tajbin li jiġu milli naqdu lil Alla b’lealtà.—Filippin 1:12-14.

Illum ukoll hemm ħafna eżempji tajbin taʼ aħwa li baqgħu ferħanin minkejja li ffaċċjaw id-​diffikultajiet. Pereżempju, f’Novembru 2013, is-​Super Typhoon Haiyan, tempesta qawwija ħafna, qered id-​djar taʼ iktar minn 1,000 familja tax-​Xhieda fil-​Filippini. George, li d-​dar tiegħu fil-​belt taʼ Tacloban inqerdet għalkollox, qal: “Minkejja dak li ġara, l-​aħwa jinsabu ferħanin. Huwa diffiċli għalija nesprimi l-​ferħ li nħossu.” Jekk naħsbu dwar dak li Ġeħova għamel għalina u nibqgħu nuruh il-​gratitudni tagħna, se nkomplu nkunu ferħanin anki meta jkollna diffikultajiet kbar. Liema affarijiet oħra li jagħtuna raġunijiet għall-​ferħ jipprovdilna Ġeħova?

GĦALIEX GĦANDNA NKUNU FERĦANIN?

L-​akbar raġuni li għandna biex inkunu ferħanin hi r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Aħna nafu s-​Sultan tal-​univers. Hu Missierna, Alla tagħna, u Ħabib tagħna!—Salm 71:17, 18.

Ukoll, aħna grati li Ġeħova tana l-​ħajja u l-​abbiltà li ngawduha. (Ekkleżjasti 3:12, 13) Peress li ġibidna lejh, aħna nistgħu nifhmu x’inhi r-​rieda tiegħu għalina u nafu kif għandna ngħixu ħajjitna. (Kolossin 1:9, 10) Madankollu, il-​maġġoranza tan-​nies ma jifhmux x’inhu l-​iskop tal-​ħajja. Biex jenfasizza din id-​differenza, Pawlu kiteb: “‘Għajn ma ratx u widna ma semgħetx, lanqas ma tnissel f’qalb il-​bniedem dak li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh.’ Alla rrivelah lilna permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu.” (1 Korintin 2:9, 10) Li nifhmu r-​rieda u l-​iskop taʼ Ġeħova jagħmilna ferħanin.

Ġeħova għamel saħansitra iktar minn hekk għalina. Hu għamilhielna possibbli li jinħafrulna dnubietna. (1 Ġwanni 2:12) Hu jagħtina t-​tama li ngħixu fid-​dinja l-​ġdida, li dalwaqt tkun hawn. (Rumani 12:12) Anki issa, Ġeħova jagħtina ħafna ħbieb maʼ min nistgħu nqimuh. (Salm 133:1) Ukoll, hu jipproteġina minn Satana u d-​demonji. (Salm 91:11) Jekk inkomplu naħsbu dwar dawn l-​affarijiet meraviljużi li Ġeħova tana, aħna se jkollna saħansitra iktar ferħ.—Filippin 4:4.

KIF IKOLLNA IKTAR FERĦ

Jistaʼ Kristjan li diġà hu ferħan ikollu saħansitra iktar ferħ? Ġesù qal: “Dan għedthulkom, biex il-​ferħ tiegħi jkun fikom u l-​ferħ tagħkom jintgħamel sħiħ.” (Ġwanni 15:11) Dan juri li dejjem jistaʼ jkollna iktar ferħ. Nistgħu nqabblu l-​ferħ tagħna man-​nar. Jekk irridu li n-​nar jikber iktar, irridu nżidulu iktar injam. Ftakar: L-​ispirtu qaddis jgħinna jkollna l-​ferħ. Allura jekk irridu li jkollna iktar ferħ, għandna bżonn inkomplu nitolbu għall-​ispirtu t’Alla. Għandna wkoll inkomplu nimmeditaw fuq il-​Bibbja, li ġiet imnebbħa bl-​ispirtu qaddis.—Salm 1:1, 2; Luqa 11:13.

Ħaġa oħra li se ttina iktar ferħ hi li jibqaʼ jkollna x’nagħmlu fl-​affarijiet li jferrħu lil Ġeħova. (Salm 35:27; 112:1) Għala? Il-​Bibbja tgħid li ġejna maħluqin biex ‘nibżgħu mill-​Alla l-​veru u nħarsu l-​kmandamenti tiegħu. Għax dan hu l-​obbligu kollu tal-​bniedem.’ (Ekkleżjasti 12:13) Fi kliem ieħor, ġejna maħluqin biex nagħmlu r-​rieda t’Alla. Għalhekk, meta naqdu lil Ġeħova, se ngawdu ħajjitna verament. *—Ara n-​nota taʼ taħt.

IL-​BENEFIĊĊJI TAL-​FERĦ

Hekk kif inżidu l-​ferħ tagħna, se nesperjenzaw ħafna benefiċċji oħrajn. Pereżempju, Ġeħova se jkun iktar kuntent bina hekk kif inkomplu naqduh bil-​ferħ saħansitra meta jkollna l-​problemi. (Dewteronomju 16:15; 1 Tessalonikin 5:16-18) Ukoll, peress li għandna ferħ veru, mhux se naħsbu illi li jkollna ħafna affarijiet materjali hu l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja. Anzi, se nipprovaw nagħmlu saħansitra sagrifiċċji ikbar għas-​Saltna t’Alla. (Mattew 13:44) U meta naraw it-​tajjeb li joħroġ milli nagħmlu iktar għal Ġeħova, se jkollna iktar ferħ, se nħossuna aħjar dwarna nfusna, u b’hekk se ngħinu lil oħrajn iħossuhom iktar ferħanin.—Atti 20:35; Filippin 1:3-5.

Ukoll, iktar ma nkunu ferħanin, iktar se jkun hemm probabbiltà li nkunu f’saħħitna. Il-​Bibbja tgħid: “Qalb ferriħija tajba biex tfejjaq.” (Proverbji 17:22) Riċerkatur li studja dwar is-​saħħa fl-​Università taʼ Nebraska fl-​Istati Uniti għamel stqarrija li hi fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Bibbja. Hu jgħid: “Jekk int ferħan u sodisfatt b’ħajtek issa, hemm iktar ċans li tkun f’saħħtek fil-​futur.”

Għalhekk, minkejja li ngħixu fi żminijiet stressanti, aħna jistaʼ jkollna ferħ veru meta nirċievu l-​ispirtu qaddis billi nitolbu, nistudjaw, u nimmeditaw fuq il-​Kelma t’Alla. Se jkollna wkoll iktar ferħ jekk naħsbu dwar il-​ħafna affarijiet tajbin li Ġeħova jtina issa, jekk nimitaw il-​fidi t’oħrajn, u jekk nipprovaw nagħmlu r-​rieda t’Alla. Imbagħad se nkunu nistgħu nesperjenzaw dak li hu deskritt f’​Salm 64:10, li jgħid: “Il-​ġust se jithenna b’Ġeħova u jistkenn fih.”

^ par. 10 F’artiklu li għad irid joħroġ f’din is-​serje dwar “il-​frott taʼ l-​ispirtu” se niddiskutu l-​kwalità tal-​paċenzja.

^ par. 20 Għal iktar modi kif ikollna iżjed ferħ, ara l-​kaxxa “ Modi oħra kif iżżid il-​ferħ.”