Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Imita l-fidi u l-ubbidjenza taʼ Noè, Danjel, u Ġob

Imita l-fidi u l-ubbidjenza taʼ Noè, Danjel, u Ġob

‘Noè, Danjel, u Ġob kienu jeħilsu biss lilhom infushom minħabba s-​sewwa tagħhom.’—EŻEKJEL 14:14.

GĦANJIET: 120, 54

1, 2. (a) Għala nistgħu niġu inkuraġġiti billi neżaminaw l-​eżempji taʼ Noè, Danjel, u Ġob? (b) X’kienu ċ-​ċirkustanzi meta Eżekjel kiteb il-​kliem li nsibu f’​Eżekjel 14:14?

GĦADDEJ int minn żminijiet diffiċli minħabba li tinsab marid, għandek problemi finanzjarji, jew qed tiġi ppersegwitat? Issibha kultant bi tqila li tibqaʼ ferħan fis-​servizz tiegħek lil Ġeħova? Jekk dan hu l-​mod kif tħossok, tistaʼ tiġi inkuraġġit billi teżamina l-​eżempji taʼ Noè, Danjel, u Ġob. Dawn l-​irġiel kienu imperfetti u kellhom l-​istess tipi taʼ sfidi li għandna aħna llum. Kultant, anke ħajjithom stess kienet fil-​periklu. Iżda huma baqgħu leali lejn Ġeħova, u hu qieshom bħala eżempji taʼ fidi u ubbidjenza.—Aqra Eżekjel 14:12-14.

2 Eżekjel kiteb il-​kliem tal-​iskrittura tat-​tema taʼ dan l-​artiklu f’Babilonja fis-​sena 612 qabel Kristu. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Eżekjel 1:1; 8:1) Dan kien ftit qabel ma nqerdet Ġerusalemm fis-​sena 607. Kienu biss ftit in-​nies f’Ġerusalemm li kellhom kwalitajiet bħal taʼ Noè, Danjel, u Ġob, u b’hekk salvaw. (Eżekjel 9:1-5) Ġeremija, Baruk, Għebed-​melek, u r-​Rekabin kienu xi ftit minnhom.

3. X’se nitgħallmu f’dan l-​artiklu?

3 Bl-​istess mod illum, huma biss in-​nies li Ġeħova jqishom bla ħtija, nies li huma bħal Noè, Danjel, u Ġob, li se jsalvaw fit-​tmiem taʼ din id-​dinja mill-​agħar. (Rivelazzjoni 7:9, 14) Allura ejja nitgħallmu għala Ġeħova uża dawn it-​tlett irġiel bħala eżempji taʼ nies li għamlu dak li kien tajjeb f’għajnejh. Aħna se niddiskutu (1) l-​isfidi li kellu kull wieħed minnhom u (2) kif aħna nistgħu nimitaw il-​fidi u l-​ubbidjenza tagħhom.

NOÈ WERA FIDI U UBBIDJENZA GĦAL IKTAR MINN 900 SENA!

4, 5. X’kienu xi ftit mill-​isfidi taʼ Noè, u għala kien taʼ min jammira s-​sabar li kellu?

4 X’kienu xi ftit mill-​isfidi li kellu Noè? Fi żmien Enok, il-​bużnannu taʼ Noè, in-​nies diġà kienu ħafna mill-​agħar. Huma qalu “kliem li jkexkex” dwar Ġeħova. (Ġuda 14, 15) Id-​dinja mbagħad saret iżjed u iżjed vjolenti. Sa żmien Noè, l-​art “imtliet bil-​vjolenza.” Anġli mill-​agħar ġew fuq l-​art, għamlu iġsma umani għalihom infushom, u żżewġu nisa. Uliedhom subien kienu krudili u vjolenti. (Ġenesi 6:2-4, 11, 12) Imma kulħadd setaʼ jara li Noè kien differenti. Il-​Bibbja tgħid li “Noè kien approvat f’għajnejn Ġeħova.” Għall-​kuntrarju tan-​nies madwaru, hu għamel it-​tajjeb. “Noè mexa maʼ l-​Alla l-​veru.”—Ġenesi 6:8, 9.

5 Dan il-​kliem x’jgħidilna dwar Noè? L-​ewwel, aħseb dwar kemm Noè dam jaqdi lil Ġeħova b’lealtà f’dik id-​dinja mill-​agħar qabel ġie d-​Dulluvju. Ma kienx sempliċement għal 70 jew 80 sena iżda għal kważi 600 sena! (Ġenesi 7:11) It-​tieni, ftakar li ma kellux kongregazzjoni biex tgħinu u tinkuraġġih bħalma aħna għandna llum. Jidher li lanqas ħutu ma appoġġjawh. *—Ara n-​nota taʼ taħt.

6. Noè kif wera kuraġġ kbir?

6 Noè ma ħasibx li kien biżżejjed li sempliċement ikun raġel tajjeb. Bi qlubija, hu qal lil oħrajn dwar il-​fidi tiegħu f’Ġeħova. Il-​Bibbja ssejjaħlu “predikatur tal-​ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) L-​appostlu Pawlu qal dwar Noè: “Permezz taʼ din il-​fidi kkundanna lid-​dinja.” (Ebrej 11:7) Bla dubju, in-​nies waqqgħuh għaċ-​ċajt u pprovaw iwaqqfuh. Forsi wkoll heddew li jweġġgħuh. Imma Noè ma kienx jibżaʼ min-​nies. (Proverbji 29:25) Minflok, kellu l-​fidi, allura Ġeħova tah il-​kuraġġ. U hu jagħti l-​istess kuraġġ lill-​qaddejja leali kollha tiegħu llum.

7. Xi sfidi ffaċċja Noè meta bena l-​arka?

7 Noè kien diġà wera li kellu fidi f’Ġeħova għal iktar minn 500 sena meta Ġeħova qallu jibni arka kbira. Din kellha tiġi użata sabiex issalva xi nies u annimali mid-​Dulluvju. (Ġenesi 5:32; 6:14) Il-​bini taʼ arka daqstant kbira żgur li deher diffiċli ħafna għal Noè. U żgur li kien jaf li n-​nies kienu se jiżżuffjettaw bih saħansitra iktar u jagħmlulu ħajtu vera diffiċli. Imma Noè kellu l-​fidi f’Ġeħova u obdieh. “Għamel preċiż hekk.”—Ġenesi 6:22.

8. Noè kif fada f’Ġeħova biex imantni lil familtu?

8 Noè kellu sfida oħra. Kellu jmantni lil martu u wliedu. Qabel id-​Dulluvju, in-​nies kellhom jaħdmu iebes ħafna biex ikollhom x’jieklu, u Noè ma kienx meħlus milli jagħmel dan. (Ġenesi 5:28, 29) Madankollu, ma ħalliex il-​bżonnijiet taʼ familtu jsiru l-​iktar ħaġa li jinkwieta dwarha. Li jaqdi lil Ġeħova kien dejjem prijorità f’ħajtu. Għalkemm Noè kellu ħafna x’jagħmel fil-​bini tal-​arka għal forsi 40 jew 50 sena, hu baqaʼ ffokat fuq Ġeħova. U għamel dan għal 350 sena oħra wara d-​Dulluvju. (Ġenesi 9:28) Noè kien eżempju mill-​aħjar taʼ fidi u ubbidjenza!

9, 10. (a) Aħna kif nistgħu nimitaw il-​fidi u l-​ubbidjenza taʼ Noè? (b) Jekk int determinat li tobdi l-​liġijiet t’Alla, minn xiex tistaʼ tkun ċert?

9 Aħna kif nistgħu nimitaw il-​fidi u l-​ubbidjenza taʼ Noè? Nagħmlu dan meta niddefendu l-​ħarsa taʼ Ġeħova taʼ x’inhu tajjeb, meta ma nkunux parti mid-​dinja taʼ Satana, u meta npoġġu lil Ġeħova l-​ewwel. (Mattew 6:33; Ġwanni 15:19) M’għandniex xi ngħidu, minħabba f’hekk, id-​dinja ma tħobbniex. Pereżempju, peress li aħna determinati li nobdu l-​liġijiet t’Alla dwar is-​sess u ż-​żwieġ, in-​nies għandhom mnejn jgħidu affarijiet negattivi dwarna fil-​midja. (Aqra Malakija 3:17, 18.) Madankollu, bħal Noè, aħna ma nibżgħux min-​nies. Aħna għandna l-​biżaʼ taʼ Ġeħova, jiġifieri, għandna rispett profond għalih u ma rridux niddiżappuntawh. Aħna nafu li hu l-​uniku Wieħed li jistaʼ jagħtina l-​ħajja taʼ dejjem.—Luqa 12:4, 5.

10 Staqsi lilek innifsek: ‘Se nibqaʼ nagħmel it-​tajjeb f’għajnejn Alla, anke meta oħrajn iwaqqgħuni għaċ-​ċajt jew jikkritikawni? Għandi fiduċja li Ġeħova jistaʼ jipprovdi għall-​familja tiegħi, anke meta jkun diffiċli li naqlaʼ l-​flus għall-​għajxien?’ Jekk tafda f’Ġeħova u tobdih bħalma għamel Noè, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jieħu ħsiebek.—Filippin 4:6, 7.

DANJEL WERA FIDI U UBBIDJENZA MINKEJJA LI GĦEX F’BELT MILL-​AGĦAR

11. Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu liema sfidi kbar kellhom f’Babilonja? (Ara l-​ewwel stampa.)

11 X’kienu xi ftit mill-​isfidi taʼ Danjel? Danjel ġie sforzat jgħix f’Babilonja, belt barranija mimlija allat foloz u spiritiżmu. In-​nies hemmhekk kienu jistmerruhom lil-​Lhud u kienu jżebilħu lilhom u lil Alla tagħhom, Ġeħova. (Salm 137:1, 3) Dan żgur li weġġaʼ bil-​kbir lil Danjel u lil Lhud oħra li kienu jħobbu lil Ġeħova! Ukoll, ħafna nies żammew għajnejhom fuq Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu Ħananija, Misael, u Għażarija għax dawn kienu se jitħarrġu biex jaħdmu għas-​sultan taʼ Babilonja. Huma kienu mistennijin li jieklu mill-​ikel tas-​sultan, li inkluda affarijiet li Ġeħova ma riedx li n-​nies tiegħu jikluhom. Imma Danjel ma ‘tniġġisx bl-​ikel mill-​aqwa tas-​sultan.’—Danjel 1:5-8, 14-17.

12. (a) X’tip taʼ persuna kien Danjel? (b) Ġeħova kif kien iqisu lil Danjel?

12 Danjel kellu sfida oħra, li għall-​ewwel setgħet dehret li ma kinitx daqstant diffiċli. Hu kien kapaċi ħafna, u għal din ir-​raġuni s-​sultan tah privileġġi speċjali. (Danjel 1:19, 20) Xorta waħda, Danjel ma sarx kburi jew ħaseb li l-​opinjoni tiegħu kienet dejjem tajba. Hu baqaʼ umli u modest, u dejjem ta l-​krettu mistħoqq lil Ġeħova. (Danjel 2:30) Aħseb ftit: Ġeħova semma lil Danjel flimkien maʼ Noè u Ġob bħala eżempju tajjeb xi nsegwu. Dak iż-​żmien, Noè u Ġob kienu diġà qdew lil Ġeħova lealment għal ħajjithom kollha, imma Danjel kien għadu raġel żagħżugħ. Ġeħova tassew kellu fiduċja f’​Danjel! U bix-​xieraq, għax Danjel baqaʼ juri fidi u ubbidjenza lejn Alla tul ħajtu kollha. Meta Danjel kellu kważi 100 sena, l-​anġlu t’Alla qallu dan il-​kliem taʼ mħabba: “O Danjel, raġel maħbub ħafna.”—Danjel 10:11.

13. X’setgħet kienet raġuni waħda għala Ġeħova għen lil Danjel ikollu pożizzjoni għolja?

13 Grazzi għall-​appoġġ taʼ Ġeħova, Danjel sar uffiċjal importanti ħafna, l-​ewwel fl-​Imperu Babiloniż u mbagħad fl-​Imperu Medo-​Persjan. (Danjel 1:21; 6:1, 2) Forsi Ġeħova mmanuvra l-​affarijiet b’dan il-​mod sabiex Danjel setaʼ jkun taʼ barka għall-​poplu tiegħu stess, bħalma kienu Ġużeppi fl-​Eġittu u Ester u Mordekaj fil-​Persja. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Danjel 2:48) Tistaʼ timmaġina kif ħassewhom Eżekjel u l-​ilsiera l-​oħra Lhud meta raw kif Ġeħova uża lil Danjel biex jgħinhom? Żgur li dan inkuraġġiehom ħafna!

Aħna nkunu prezzjużi għal Ġeħova meta nibqgħu leali lejh (Ara paragrafi 14, 15)

14, 15. (a) Is-​sitwazzjoni tagħna kif inhi simili għal dik taʼ Danjel? (b) Il-​ġenituri llum x’jistgħu jitgħallmu mill-​ġenituri taʼ Danjel?

14 Kif nistgħu nimitaw il-​fidi u l-​ubbidjenza taʼ Danjel? Id-​dinja li qed ngħixu fiha llum hi mimlija bl-​immoralità u qima falza. In-​nies ġew influwenzati minn Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, li l-​Bibbja ssejħilha “post fejn jgħammru d-​demonji.” (Rivelazzjoni 18:2) Imma aħna ninsabu bħal barranin f’din id-​dinja. B’hekk, in-​nies jistgħu jaraw li aħna differenti ħafna, u jwaqqgħuna għaċ-​ċajt. (Marku 13:13) Madankollu, bħal Danjel, ejja nersqu qrib lejn Alla tagħna, Ġeħova. Meta nkunu umli, nafdaw f’Ġeħova, u nobduh, hu se jqisna bħala prezzjużi wkoll.—Ħaggaj 2:7.

15 Il-​ġenituri jistgħu jitgħallmu lezzjonijiet importanti mill-​ġenituri taʼ Danjel. Meta Danjel kien tifel żgħir f’​Ġuda, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies madwaru kienu mill-​agħar ħafna. Madankollu, hu sar iħobb lil Ġeħova. Kien dan sempliċement b’kumbinazzjoni? Le. Il-​ġenituri tiegħu żgur li għallmuh dwar Ġeħova. (Proverbji 22:6) Saħansitra ismu stess, Danjel, li jfisser “L-​Imħallef Tiegħi Hu Alla,” juri li l-​ġenituri tiegħu kienu jħobbu lil Ġeħova. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Għalhekk, ġenituri, kunu paċenzjużi meta tgħallmu lil uliedkom dwar Ġeħova. Taqtgħux qalbkom. (Efesin 6:4) Itolbu magħhom. Itolbu għalihom. Agħmlu mill-​aħjar li tistgħu biex tgħallmuhom iħobbu dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb, u Ġeħova jberikkom bil-​kbir.—Salm 37:5.

ĠOB WERA FIDI U UBBIDJENZA KEMM JEKK SINJUR U KEMM JEKK FQIR

16, 17. Liema sfidi ffaċċja Ġob meta (a) kien sinjur u rrispettat? (b) kien qed isofri?

16 X’kienu xi ftit mill-​isfidi taʼ Ġob? Ġob għadda minn bidliet kbar f’ħajtu. L-​ewwel, Ġob kien “l-​aqwa wieħed min-​nies kollha taʼ l-​Orjent.” (Ġob 1:3) Kien raġel sinjur ħafna, u bosta nies kienu jafuh u jirrispettawh ferm. (Ġob 29:7-16) Minkejja dan, Ġob ma ħasibx li kien aħjar minn oħrajn jew ħass li ma kellux bżonn lil Alla. Dan nafuh għaliex Ġeħova sejjaħlu “l-​qaddej tiegħi” u dwaru qal: “Raġel bla ħtija u rett, jibżaʼ minn Alla u jitbiegħed mill-​ħażen.”—Ġob 1:8.

17 Iżda f’daqqa waħda, il-​ħajja taʼ Ġob inbidlet taʼ taħt fuq. Hu tilef kollox u tant sar dipress li ried imut. Illum nafu li kien Satana li kkaġuna l-​problemi taʼ Ġob. Hu qal li Ġob qeda lil Ġeħova għal raġunijiet egoisti biss. (Aqra Ġob 1:9, 10.) Ġeħova ħa din l-​akkuża mill-​agħar b’serjetà kbira. X’kien se jagħmel biex juri li Satana hu giddieb mill-​agħar? Hu ta l-​opportunità lil Ġob biex juri l-​lealtà tiegħu lejn Alla u juri li jaqdih għax iħobbu.

18. (a) X’jimpressjonak dwar Ġob? (b) X’nitgħallmu dwar Ġeħova mill-​mod kif ittratta lil Ġob?

18 Satana attakka bl-​aħrax lil Ġob għal darba wara l-​oħra u ġiegħlu jaħseb li dawn l-​attakki kienu ġejjin minn Alla. (Ġob 1:13-21) Imbagħad tlett irġiel li riedu jgħidu li kienu l-​ħbieb taʼ Ġob qalu affarijiet kattivi lil Ġob. Huma qalu li kien mill-​agħar u li Alla kien qed jikkastigah. (Ġob 2:11; 22:1, 5-10) Minkejja dan kollu, Ġob baqaʼ leali lejn Ġeħova. Veru, Ġob kultant qal affarijiet bla ma ħasibhom. (Ġob 6:1-3) Imma Ġeħova fehem li Ġob għamel dan biss għax kien imweġġaʼ u dipress. Ġeħova ra li Ġob qatt m’abbandunah, avolja Satana kien bħallikieku waddbu mal-​art u mbagħad sawtu bi lsienu billi uża gideb sfaċċat. Wara li din is-​sitwazzjoni tal-​biżaʼ spiċċat, Ġeħova ta lil Ġob id-​doppju taʼ li kellu qabel u 140 sena oħra taʼ ħajja. (Ġakbu 5:11) Matul dak iż-​żmien, Ġob kompla jaqdi lil Alla b’qalbu kollha. Dan kif nafuh? Għaliex Eżekjel 14:14, l-​iskrittura tat-​tema, kienet miktuba mijiet taʼ snin wara li miet Ġob.

19, 20. (a) Kif nistgħu nimitaw il-​fidi u l-​ubbidjenza taʼ Ġob? (b) Kif nistgħu nagħdru lil oħrajn bħalma jagħmel Ġeħova?

19 Kif nistgħu nimitaw il-​fidi u l-​ubbidjenza taʼ Ġob? Huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tagħna, irridu nkunu żguri li Ġeħova dejjem ikun l-​iktar Persuna importanti f’ħajjitna. Aħna rridu nafdaw fih kompletament u nobduh b’qalbna kollha. Fil-​fatt, għandna saħansitra iżjed raġunijiet minn Ġob biex nagħmlu dan. Aħseb dwar x’nafu llum. Aħna nafu ħafna dwar Satana u l-​metodi tiegħu. (2 Korintin 2:11) Permezz tal-​Bibbja, speċjalment il-​ktieb taʼ Ġob, aħna nafu għala Alla jippermetti s-​sofferenza. Mill-​profezija taʼ Danjel nafu li s-​Saltna t’Alla hija gvern veru mmexxi minn Ġesù Kristu. (Danjel 7:13, 14) U nafu li din is-​Saltna dalwaqt tmexxi għal fuq l-​art kollha u ttemm kull sofferenza.

20 L-​esperjenza taʼ Ġob tgħallimna wkoll biex nagħdru lil ħutna jew inħossu għalihom meta jkunu qed isofru. L-​istess bħal Ġob, għandhom mnejn jgħidu affarijiet bla ħsieb. (Ekkleżjasti 7:7) Imma m’għandniex naħsbu ħażin fihom jew nakkużawhom li għamlu xi ħaġa ħażina. Minflok, għandna nipprovaw nifhmuhom. Jekk nagħmlu dan, imbagħad se nkunu bħal Missierna, Ġeħova, li hu kollu mħabba u ħniena.—Salm 103:8.

ĠEĦOVA “JSAĦĦAĦKOM”

21. Il-​kliem fl-​1 Pietru 5:10 kif ifakkarna f’dak li esperjenzaw Noè, Danjel, u Ġob?

21 Noè, Danjel, u Ġob għexu fi żminijiet differenti fl-​istorja u kellhom ċirkustanzi differenti ħafna. Madankollu, kollha ssaportew l-​isfidi tagħhom. L-​esperjenzi tagħhom ifakkruna fil-​kliem tal-​appostlu Pietru: “Wara li tkunu sofrejtu għal ftit, l-​Alla taʼ kull qalb tajba mhix mistħoqqa . . . jtemm hu stess it-​taħriġ tagħkom, jissodakom, u jsaħħaħkom.”—1 Pietru 5:10.

22. X’se nitgħallmu fl-​artiklu li jmiss?

22 Il-​kliem fl-​1 Pietru 5:10 jgħodd ukoll għan-​nies t’Alla llum. Ġeħova jassigurana li se jissoda u jsaħħaħ lill-​qaddejja tiegħu. Ilkoll kemm aħna rridu lil Ġeħova jsaħħaħna, u lkoll irridu nibqgħu sodi u leali lejh. Hu għalhekk li rridu nimitaw il-​fidi u l-​ubbidjenza taʼ Noè, Danjel, u Ġob. Fl-​artiklu li jmiss, se nitgħallmu li dawn l-​irġiel setgħu jibqgħu juru fidi f’Ġeħova għax verament kienu jafuh. Fil-​fatt, setgħu ‘jifhmu dak kollu’ li riedhom jagħmlu. (Proverbji 28:5) U aħna nistgħu nagħmlu l-​istess.

^ par. 2 Eżekjel ittieħed lejn Babilonja fis-​sena 617 qabel Kristu. Hu kiteb il-​kliem misjub f’​Eżekjel 8:1–19:14 “fis-​sitt sena” wara li ttieħed hemmhekk, jiġifieri, fis-​sena 612.

^ par. 5 Lamek, missier Noè, kellu fidi f’Alla iżda miet xi ħames snin qabel id-​Dulluvju. Jekk omm Noè kif ukoll ħutu kienu għadhom ħajjin meta beda d-​Dulluvju, huma ma salvawx.

^ par. 13 Jistaʼ jkun li Ġeħova għamel l-​istess għal Ħananija, Misael, u Għażarija sabiex huma wkoll setgħu jgħinu lill-​poplu Lhudi.—Danjel 2:49.

^ par. 15 Ara n-​nota taʼ taħt fit-​titlu tal-​ktieb taʼ Danjel.