Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Sar Ġakobb antenat tal-Messija għax xtara d-drittijiet taʼ Għesaw bħala l-ewwel imwieled?

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

F’Iżrael tal-​qedem, kien hemm bżonn li raġel ikun l-​ewwel iben imwieled sabiex ikun antenat tal-​Messija?

Fil-​passat ħsibna li dan kien minnu minħabba dak li naqraw f’​Ebrej 12:16. Dan il-​vers jgħid li Għesaw ‘ma apprezzax l-​affarijiet sagri’ u ta lil Ġakobb “id-​drittijiet tiegħu bħala l-​ewwel imwieled” billi partathom maʼ ikla waħda. Allura ħsibna li meta Ġakobb irċieva ‘d-​drittijiet bħala l-​ewwel imwieled,’ dawn inkludew il-​privileġġ taʼ li jkun antenat tal-​Messija.—Mattew 1:2, 16; Luqa 3:23, 34.

Madankollu, studju bir-​reqqa taʼ rakkonti Bibliċi oħra juri li raġel ma kellux bżonn ikun l-​ewwel imwieled biex ikun antenat tal-​Messija. Ejja nikkunsidraw xi ftit minn dawn ir-​rakkonti:

L-​ewwel tifel li Ġakobb kellu minn martu Lea kien Ruben. U l-​ewwel tifel li kellu minn Rakele kien Ġużeppi. Meta Ruben wettaq l-​immoralità, hu tilef id-​drittijiet tiegħu bħala l-​ewwel imwieled, u dawn id-​drittijiet għaddew għal għand Ġużeppi. (Ġenesi 29:31-35; 30:22-25; 35:22-26; 49:22-26; 1 Kronaki 5:1, 2) Xorta waħda, il-​Messija la ġie permezz taʼ Ruben u lanqas permezz taʼ Ġużeppi. Hu ġie permezz taʼ Ġuda, ir-​rabaʼ tifel taʼ Ġakobb u Lea.—Ġenesi 49:10.

Luqa 3:32 isemmi ħames antenati oħra tal-​Messija, u kull wieħed minnhom jidher li kien l-​ewwel imwieled. Pereżempju, Bogħaż kien missier Għobed, u Għobed kien missier Ġesse.—Rut 4:17, 20-22; 1 Kronaki 2:10-12.

It-​tifel taʼ Ġesse, David, ma kienx l-​ewwel imwieled. Fil-​fatt hu kien l-​aħħar wieħed minn tmien ulied subien. Madankollu, il-​Messija ġie permezz taʼ David. (1 Samwel 16:10, 11; 17:12; Mattew 1:5, 6) B’mod simili, l-​antenat li kien imiss tal-​Messija kien Salamun, allavolja ma kienx l-​ewwel imwieled taʼ David.—2 Samwel 3:2-5.

Dan ma jfissirx illi li wieħed ikun l-​ewwel iben imwieled ma kienx importanti. L-​ewwel iben imwieled kien jirċievi privileġġi li l-​ulied subien l-​oħra ma kinux jirċievu. Spiss, hu kien isir il-​kap tad-​dar li jkun imiss, u jirċievi żewġ partijiet mill-​wirt.—Ġenesi 43:33; Dewteronomju 21:17; Ġożwè 17:1.

Imma d-​drittijiet tal-​ewwel imwieled setgħu jgħaddu mingħand iben għall-​ieħor. Meta Abraham qal lil Ismagħel biex jitlaq, id-​drittijiet tiegħu bħala l-​ewwel imwieled għaddew għal għand Iżakk. (Ġenesi 21:14-21; 22:2) U bħalma diġà ddiskutejna, id-​drittijiet taʼ Ruben bħala l-​ewwel imwieled għaddew għal għand Ġużeppi.

Allura, x’punt kien qed jagħmel l-​appostlu Pawlu f’​Ebrej 12:16? Hemmhekk naqraw: “[Oqogħdu attenti] li ma jkun hemm ebda żieni [jew, bniedem immorali sesswalment] jew xi ħadd li ma japprezzax l-​affarijiet sagri, bħal Għesaw, li għal ikla waħda partat id-​drittijiet tiegħu bħala l-​ewwel imwieled.”

Hawn, Pawlu ma kienx qed jitkellem dwar l-​antenati tal-​Messija. Minflok, hu kien qed jagħti twissija lill-​Kristjani. Hu qalilhom: “Ibqgħu ddrittaw il-​mogħdijiet għal saqajkom” biex b’hekk “ħadd ma jiġi mċaħħad mill-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.” B’dispjaċir, dan setaʼ jiġri kieku wettqu l-​immoralità sesswali. (Ebrej 12:12-16) U f’dan il-​każ, huma kienu se jkunu bħal Għesaw, li ‘ma apprezzax l-​affarijiet sagri’ imma ried jissodisfa x-​xewqat tiegħu stess.

Skont id-​drawwa taʼ dak iż-​żmien, Għesaw setaʼ kellu l-​privileġġ li kultant joffri sagrifiċċji lil Ġeħova. (Ġenesi 8:20, 21; 12:7, 8; Ġob 1:4, 5) Imma Għesaw tant kien iffokat fuq ix-​xewqat tiegħu stess li ċeda l-​privileġġi tiegħu bħala l-​ewwel imwieled għal platt soppa. Għesaw forsi xtaq jevita t-​tbatija li Ġeħova bassar li d-​dixxendenti t’Abraham kienu se jesperjenzaw. (Ġenesi 15:13) Ukoll, hu wera li ma kienx japprezza l-​affarijiet sagri meta żżewweġ żewġ nisa pagani, xi ħaġa li nikktet ħafna lill-​ġenituri tiegħu. (Ġenesi 26:34, 35) Kemm kien differenti minn Ġakobb, li għamel ċert li jiżżewweġ aduratriċi tal-​Alla l-​veru!—Ġenesi 28:6, 7; 29:10-12, 18.

Dawn ir-​rakkonti Bibliċi x’jgħallmuna dwar l-​antenati tal-​Messija? Minn dawn l-​antenati kien hemm min kien l-​ewwel iben imwieled u kien hemm min ma kienx. Din kienet xi ħaġa li l-​Lhud fehmu u aċċettaw. Dan kif nafuh? Għax huma ammettew li l-​Kristu kien se jkun dixxendent taʼ David, l-​aħħar tifel taʼ Ġesse.—Mattew 22:42.