Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tafu int lil Ġeħova, bħalma kienu jafuh Noè, Danjel, u Ġob?

Tafu int lil Ġeħova, bħalma kienu jafuh Noè, Danjel, u Ġob?

“Il-​bnedmin mogħtijin għall-​ħażen ma jistgħux jifhmu l-​ġustizzja, imma dawk li qed ifittxu lil Ġeħova jistgħu jifhmu kollox.”—PROVERBJI 28:5.

GĦANJIET: 43, 133

1-3. (a) X’se jgħinna nibqgħu nuru l-​fidi f’Alla matul dawn l-​aħħar jiem? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-​artiklu?

HEKK kif l-​aħħar jiem joqorbu lejn tmiemhom, in-​nies mill-​agħar ikomplu “jinbtu bħall-​ħaxix.” (Salm 92:7) Allura ma nissorprendux ruħna li ħafna nies jiċħdu dak li Alla jgħid li hu tajjeb. Pawlu qal lill-​Kristjani: “Kunu tfal ċkejknin għal dak li hu ħażen,” iżda “kunu nies li kibru għalkollox fil-​mentalità tagħhom.” (1 Korintin 14:20) Kif nistgħu nagħmlu dan?

2 Insibu t-​tweġiba fl-​iskrittura tat-​tema li għandna, li tgħid: “Dawk li qed ifittxu lil Ġeħova jistgħu jifhmu kollox.” (Proverbji 28:5) Dan ifisser li huma jistgħu jifhmu kulma hemm bżonn biex jogħġbu lil Ġeħova. Proverbji 2:6-9 wkoll jgħallimna li Ġeħova jagħti l-​għerf lil dawk li jagħmlu t-​tajjeb. B’hekk, huma jistgħu ‘jifhmu s-​sewwa u l-​ġustizzja u dak li hu rett, kulma għandhom jagħmlu biex jimxu tajjeb.’

3 Noè, Danjel, u Ġob kellhom dan l-​għerf divin. (Eżekjel 14:14) U anke n-​nies t’Alla llum. Xi ngħidu għalik? Għandek għerf divin? Biex ‘tifhem dak kollu’ li għandek bżonn sabiex togħġob lil Ġeħova, jeħtieġ li tkun tafu tajjeb. Allura f’dan l-​artiklu se nitgħallmu (1) kif Noè, Danjel, u Ġob saru jafu lil Alla, (2) kif li jafu lil Alla għenhom, u (3) kif aħna nistgħu niżviluppaw fidi bħal tagħhom.

NOÈ MEXA M’ALLA F’DINJA MILL-​AGĦAR

4. Noè kif sar jaf lil Ġeħova, u li kien jaf tajjeb lil Alla kif għenu?

Noè setaʼ tgħallem dwar il-​kwalitajiet t’Alla billi osserva l-​ħolqien

4 Noè kif sar jaf lil Ġeħova? Minn meta Adam u Eva beda jkollhom it-​tfal, in-​nies tgħallmu dwar Ġeħova bi tliet modi: permezz tal-​ħolqien tiegħu, mingħand qaddejja leali oħra t’Alla, u milli esperjenzaw il-​barkiet talli obdewh. (Isaija 48:18) Billi osserva l-​ħolqien, Noè setaʼ jkollu evidenza li Alla jeżisti u setaʼ wkoll jitgħallem dwar il-​kwalitajiet t’Alla. B’hekk, Noè kien se jifhem li Ġeħova għandu qawwa kbira u li hu l-​uniku Alla veru. (Rumani 1:20) Allura, Noè mhux biss emmen f’Alla, iżda wkoll żviluppa fidi b’saħħitha fih.

5. Noè kif tgħallem dwar dak li Alla ried għall-​bnedmin?

5 Il-​Bibbja tgħid li “l-​fidi tiġi minn dak li nstemaʼ,” li jfisser li dak li nisimgħu mingħand oħrajn jistaʼ jgħinna jkollna l-​fidi. (Rumani 10:17) Probabbilment, Noè semaʼ dwar Ġeħova mingħand qrabatu. Missieru, Lamek, kellu fidi f’Alla u twieled qabel miet Adam. (Ara l-​ewwel stampa.) Nannuh kien Metuselaħ, u l-​bużbużnannu tiegħu kien Ġared, li miet 366 sena wara li twieled Noè. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Luqa 3:36, 37) Forsi dawn l-​irġiel u n-​nisa tagħhom għallmu lil Noè li Ġeħova ħalaq lill-​bnedmin u li Hu riedhom ikollhom it-​tfal, jimlew l-​art, u jaqdu Lilu. Noè setaʼ tgħallem ukoll li Adam u Eva ma kinux obdew lil Ġeħova, u setaʼ jara r-​riżultati ħżiena tad-​deċiżjoni tagħhom. (Ġenesi 1:28; 3:16-19, 24) Noè ħabb dak li tgħallem, u dan immotivah biex jaqdi lil Ġeħova.—Ġenesi 6:9.

6, 7. It-​tama kif saħħet il-​fidi taʼ Noè?

6 It-​tama ssaħħaħ il-​fidi. Immaġina kemm issaħħet il-​fidi taʼ Noè meta sar jaf li ismu, li jfisser “Mistrieħ,” jew “Konsolazzjoni,” inkluda l-​idea taʼ tama. (Ġenesi 5:29, nota taʼ taħt) Ġeħova nebbaħ lil Lamek biex jgħid dwar ibnu Noè: “Dan se jfarraġna fix-​xogħol tagħna u fit-​taħbit taʼ idejna li rriżultaw mill-​art misħuta minn Ġeħova.” Allura, Noè kellu t-​tama li Alla kien se jagħmel l-​affarijiet aħjar milli kienu. L-​istess bħal Abel u Enok, hu kellu l-​fidi li ‘nisel’ kien se jisħaq ras is-​serp.—Ġenesi 3:15.

7 Noè ma fehemx għalkollox il-​wegħda t’Alla mniżżla f’​Ġenesi 3:15. Iżda hu fehem li din il-​profezija tat tama għall-​futur. Enok kien ipprietka messaġġ simili, u qal li Ġeħova kien se jeqred lin-​nies mill-​agħar. (Ġuda 14, 15) M’għandniex xi ngħidu, il-​messaġġ taʼ Enok, li se jitwettaq kompletament f’Armageddon, żgur li saħħaħ il-​fidi u t-​tama taʼ Noè!

Il-​fidi u l-​għerf divin se jipproteġuna mill-​qerq taʼ Satana u mill-​influwenza taʼ din id-​dinja

8. Għarfien eżatt dwar Alla kif ipproteġa lil Noè?

8 Għarfien eżatt dwar Alla kif għen lil Noè? Peress li Noè tgħallem dwar Ġeħova, hu żviluppa l-​fidi u l-​għerf divin. Dan ipproteġieh, speċjalment milli jagħmel kwalunkwe ħaġa li setgħet tnikket lil Ġeħova. Dan kif? Noè ried ikun il-​ħabib t’Alla, allura ma kienx ħabib maʼ dawk li ma kellhomx fidi f’Ġeħova u li ċaħduh. Kuntrarju għalihom, Noè ma ġiex imqarraq mid-​demonji li kienu ġew fuq l-​art. In-​nies kienu impressjonati bid-​demonji setgħanin u forsi saħansitra pprovaw iqimuhom. (Ġenesi 6:1-4, 9) Ukoll, Noè kien jaf li Ġeħova ried lill-​bnedmin ikollhom it-​tfal u jimlew l-​art. (Ġenesi 1:27, 28) Allura, meta d-​demonji ħadu nisa għalihom u kellhom it-​tfal minnhom, Noè kien jaf li dan kien ħażin. Dan sar saħansitra iktar ċar meta dawn it-​tfal kibru iżjed mit-​tfal l-​oħra kollha u saru iktar b’saħħithom minnhom. Fl-​aħħar, Ġeħova qal lil Noè li kien se jġib dulluvju u jeqred lin-​nies mill-​agħar kollha. Minħabba li Noè kellu fidi fit-​twissija taʼ Ġeħova, hu bena arka, u b’hekk salva flimkien maʼ familtu.—Ebrej 11:7.

9, 10. Aħna kif nistgħu niżviluppaw fidi bħal dik taʼ Noè?

9 Aħna kif nistgħu niżviluppaw fidi bħal dik taʼ Noè? Huwa importanti li nistudjaw il-​Kelma t’Alla sew, li nħobbu dak li nitgħallmu, u li nħallu dan l-​għarfien jgħinna biex nagħmlu bidliet u għażliet tajbin f’ħajjitna. (1 Pietru 1:13-15) Imbagħad, il-​fidi u l-​għerf divin se jipproteġuna mill-​qerq taʼ Satana u mill-​influwenza taʼ din id-​dinja. (2 Korintin 2:11) Ħafna nies fid-​dinja jħobbu l-​vjolenza u l-​immoralità u jsegwu x-​xewqat ħżiena tagħhom. (1 Ġwanni 2:15, 16) Huma jinjoraw il-​fatt li ninsabu qrib it-​tmiem taʼ din id-​dinja mill-​agħar. Jekk ma jkollniex fidi b’saħħitha, nistgħu nibdew naħsbu b’dan il-​mod ukoll. Tinsiex li meta Ġesù qabbel żmienna maʼ dak taʼ Noè, hu ma tkellimx dwar vjolenza jew immoralità imma dwar il-​periklu li niġu aljenati milli naqdu lil Alla.—Aqra Mattew 24:36-39.

10 Staqsi lilek innifsek: ‘Ħajti turi li tassew nafu lil Ġeħova? Il-​fidi tiegħi timmotivani biex nagħmel dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb u biex ngħallem lil oħrajn dak li Alla jridhom jagħmlu?’ It-​tweġibiet tiegħek għal dawn il-​mistoqsijiet se jgħinuk tkun taf jekk int ukoll qigħedx timxi mal-​Alla l-​veru bħalma għamel Noè.

DANJEL WERA GĦERF DIVIN FIL-​BELT PAGANA TAʼ BABILONJA

11. (a) L-​imħabba li ż-​żagħżugħ Danjel kellu għal Alla x’tgħidilna dwar il-​ġenituri tiegħu? (b) Liema kwalitajiet minn taʼ Danjel tixtieq li jkollok?

11 Danjel kif sar jaf lil Ġeħova? Il-​ġenituri taʼ Danjel żgur li għallmuh iħobb lil Ġeħova u lil Kelmtu. U Danjel għamel dan tul ħajtu kollha. Anke meta xjaħ, xorta waħda studja l-​Iskrittura sewwa. (Danjel 9:1, 2) Danjel kien jaf lil Ġeħova tajjeb ħafna. Kien jaf ukoll dak kollu li Ġeħova kien għamel għall-​Iżraelin. Dan nistgħu narawh mit-​talba umli u sinċiera tiegħu li nsibu f’​Danjel 9:3-19. Aqra din it-​talba, u aħseb sew dwarha. Staqsi lilek innifsek, ‘Din it-​talba x’tgħallimni dwar Danjel?’

12-14. (a) Danjel kif wera għerf divin? (b) Ġeħova kif bierek il-​kuraġġ u l-​lealtà taʼ Danjel?

12 Li kien jaf lil Alla tajjeb kif għen lil Danjel? Ma kienx faċli għal Lhudi leali biex jaqdi lil Alla fil-​belt pagana taʼ Babilonja. Pereżempju, Ġeħova qal lil-​Lhud: “Fittxu l-​paċi tal-​belt li eżiljajtkom fiha.” (Ġeremija 29:7) Madankollu, hu kien ikkmandahom ukoll biex iqimu lilu biss b’qalbhom kollha. (Eżodu 34:14) Danjel kif setaʼ jobdi ż-​żewġ kmandi? L-​għerf divin għen lil Danjel ikun jaf li kellu jobdi lil Ġeħova l-​ewwel, imbagħad lil mexxejja umani. Mijiet taʼ snin wara, Ġesù għallem l-​istess prinċipju.—Luqa 20:25.

13 Aħseb ftit x’għamel Danjel meta liġi qalet li ħadd ma setaʼ jitlob lil xi alla jew persuna ħlief lis-​sultan għal 30 jum. (Aqra Danjel 6:7-​10.) Hu setaʼ ġab l-​iskużi u qal, ‘Mhux għal 30 jum biss!’ Minflok, Danjel irrifjuta li jħalli liġi tal-​bniedem issir iktar importanti mill-​qima tiegħu lil Alla. Danjel setaʼ talab lil Ġeħova f’post privat. Imma kien jaf li ħafna nies kienu jarawh jitlob kuljum. Allura, għalkemm kien taʼ periklu, Danjel baqaʼ jitlob fejn in-​nies setgħu jarawh, għax ma riedx li huma jaħsbu li ma baqax jaqdi lil Ġeħova.

14 Ġeħova bierek id-​deċiżjoni kuraġġuża u leali taʼ Danjel. Hu għamel miraklu u salva lil Danjel milli jinqatel mill-​iljuni. B’hekk, in-​nies fl-​Imperu Medo-​Persjan kollu tgħallmu dwar Ġeħova!—Danjel 6:25-27.

15. Kif nistgħu niżviluppaw fidi bħal dik taʼ Danjel?

15 Kif nistgħu niżviluppaw fidi bħal dik taʼ Danjel? Sabiex niksbu fidi b’saħħitha, mhux biżżejjed li sempliċement naqraw il-​Kelma t’Alla. Għandna bżonn nifhmuha. (Mattew 13:23) Aħna rridu nkunu nafu kif Ġeħova jaħseb u jħossu dwar l-​affarijiet. Allura hemm bżonn li naħsbu fil-​fond dwar dak li naqraw. Huwa wkoll importanti ħafna li nitolbu spiss, speċjalment meta jkollna d-​diffikultajiet. Meta nitolbu bil-​fidi għall-​għerf u s-​saħħa, Ġeħova se jagħtihomlna b’mod ġeneruż.—Ġakbu 1:5.

ĠOB MEXA MAʼ PRINĊIPJI DIVINI FI ŻMINIJIET TAJBIN U ĦŻIENA

16, 17. Ġob kif sar jaf lil Ġeħova?

16 Ġob kif sar jaf lil Ġeħova? Ġob ma kienx Iżraeli. Imma Abraham, Iżakk, u Ġakobb kienu jiġu minnu mill-​bogħod, u Ġeħova kien għallimhom dwaru u x’ried għall-​bnedmin. B’xi mod, Ġob ukoll tgħallem ħafna minn dawn il-​veritajiet prezzjużi. (Ġob 23:12) Hu qal lil Ġeħova: “B’widnejja smajt dwarek.” (Ġob 42:5) U Ġeħova nnifsu stqarr li Ġob qal lil oħrajn il-​verità Dwaru.—Ġob 42:7, 8.

Il-fidi tagħna tissaħħaħ iktar meta nħarsu lejn il-ħolqien u nitgħallmu iktar dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova (Ara paragrafu 17)

17 Ukoll, Ġob sar jaf dwar il-​kwalitajiet taʼ Ġeħova billi osserva l-​ħolqien. (Ġob 12:7-9, 13) Kemm Eliħu kif ukoll Ġeħova użaw il-​ħolqien biex jgħallmu lil Ġob dwar iċ-​ċokon tal-​bniedem meta mqabbel mal-​kobor t’Alla. (Ġob 37:14; 38:1-4) Il-​kliem taʼ Ġeħova affettwa lil Ġob u ġiegħlu jgħid lil Ġeħova b’umiltà: “Sirt naf li int għandek il-​ħila tagħmel kollox, u m’hemm ebda idea li ma tistax twettaqha.” Hu żied: “Nindem fit-​trab u l-​irmied.”—Ġob 42:2, 6.

18, 19. Ġob kif wera li tassew kien jaf lil Ġeħova?

18 Li kien jaf tajjeb lil Alla kif għen lil Ġob? Ġob fehem tajjeb ħafna l-​prinċipji divini. Hu tassew kien jaf lil Ġeħova, u dan immotivah biex jaġixxi bil-​mod it-​tajjeb. Pereżempju, Ġob kien jaf li ma setax jgħid li jħobb lil Alla jekk ma jkunx qalbu tajba m’oħrajn. (Ġob 6:14) Hu ma kienx jaħseb li kien aħjar minn oħrajn, pjuttost, hu ttrattahom daqslikieku kienu l-​familja tiegħu, kemm jekk fqar u kemm jekk sinjuri. Ġob qal: “Dak li għamel lili fiż-​żaqq m’għamilx lilu wkoll?” (Ġob 31:13-22) Anke meta Ġob kien sinjur u setgħan, hu ma tkabbarx u ma qiesx lil oħrajn bħala inqas importanti minnu. Dan hu differenti ħafna mill-​mod kif jaġixxu ħafna nies sinjuri u setgħanin illum.

19 Ġob ma ried xejn isir iktar importanti għalih minn Ġeħova, inkluż l-​affarijiet materjali. Hu kien jaf li kieku ġara dan, kien se jiċħad “lill-​Alla l-​veru li hu fl-​għoli.” (Aqra Ġob 31:24-28.) Ukoll, Ġob qies iż-​żwieġ bħala wegħda sagra bejn raġel u mara miżżewġin. Hu saħansitra għamel patt miegħu nnifsu li ma jħarisx lejn mara b’mod immorali. (Ġob 31:1) Dan hu impressjonanti ħafna, għaliex Ġob għex fi żmien meta Ġeħova ppermetta lill-​irġiel ikollhom iżjed minn mara waħda. Allura Ġob setaʼ kellu t-​tieni mara kieku ried. Imma hu bilfors li kien jaf li l-​ewwel żwieġ stabbilit minn Ġeħova kien bejn raġel wieħed u mara waħda, u Ġob għażel li jgħix skont dan. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Ġenesi 2:18, 24) Fil-​fatt, madwar 1,600 sena wara, Ġesù għallem l-​istess prinċipju, li s-​sess u ż-​żwieġ kellhom ikunu bejn raġel wieħed u mara waħda miżżewġin.—Mattew 5:28; 19:4, 5.

20. Li nkunu nafu tajjeb lil Ġeħova u l-​livelli tiegħu kif se jgħinna nagħżlu ħbieb tajbin u divertiment xieraq?

20 Kif nistgħu niżviluppaw fidi bħal taʼ Ġob? Għal darb’oħra, jeħtieġ li nkunu nafu tajjeb lil Ġeħova u nħallu dan l-​għarfien jinfluwenza dak kollu li nagħmlu. Pereżempju, il-​Bibbja tgħid li ‘Ġeħova jobgħod lil kulmin iħobb il-​vjolenza’ u li m’għandniex inqattgħu ħin maʼ nies li jaħbu l-​verità. (Aqra Salm 11:5; 26:4.) Issa, staqsi lilek innifsek: ‘Dawn iż-​żewġ skritturi x’jgħiduli dwar kif jaħsibha Ġeħova? Dan kif għandu jaffettwa dak li hu l-​iktar importanti f’ħajti? Kif għandu jaffettwa x’nara fuq l-​Internet, lil min nagħżel bħala ħbiebi, u x’nagħżel bħala divertiment?’ It-​tweġibiet tiegħek jistgħu jgħinuk tara kemm taf sew lil Ġeħova. Aħna ma rridux niġu influwenzati minn din id-​dinja mill-​agħar. Għalhekk, jeħtieġ li nħarrġu “s-​sensi” tagħna, jiġifieri, għandna bżonn nitgħallmu d-​differenza bejn x’inhu tajjeb u ħażin u bejn l-​għaqal u l-​bluha.—Ebrej 5:14; Efesin 5:15.

21. X’se jgħinna ‘nifhmu dak kollu’ li għandna bżonn inkunu nafu biex nogħġbu lil Ġeħova?

21 Minħabba li Noè, Danjel, u Ġob għamlu kulma setgħu biex ikunu jafu tajjeb lil Ġeħova, hu għenhom ‘jifhmu dak kollu’ li kien hemm bżonn biex jogħġbuh. L-​eżempju tagħhom juri li meta nagħmlu l-​affarijiet bil-​mod li Ġeħova jrid, dan iwassal għal ħajja taʼ suċċess. (Salm 1:1-​3) Allura staqsi lilek innifsek: ‘Naf lil Ġeħova tajjeb daqs kemm kienu jafuh Noè, Danjel, u Ġob?’ Fil-​fatt, illum nistgħu nkunu nafu lil Ġeħova saħansitra aħjar minn dawn l-​irġiel taʼ fidi għaliex lilna tana bil-​wisq iżjed informazzjoni dwaru. (Proverbji 4:18) Għalhekk, studja l-​Bibbja sew. Aħseb fil-​fond dwarha. U itlob għall-​ispirtu qaddis. Imbagħad, din id-​dinja mill-​agħar mhux se tinfluwenzak. Minflok, int se taġixxi b’għerf divin u se tersaq dejjem eqreb lejn Missierek tas-​sema.—Proverbji 2:4-​7.

^ par. 5 Il-​bużnannu taʼ Noè, Enok, ukoll “mexa maʼ l-​Alla l-​veru.” Imma hu miet 69 sena qabel twieled Noè.—Ġenesi 5:23, 24.

^ par. 19 Noè għamel l-​istess. Hu kellu mara waħda biss, avolja l-​irġiel beda jkollhom iktar minn mara waħda ftit wara li Adam u Eva m’obdewx lil Alla.—Ġenesi 4:19.