Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Bħala Tabib Sibt Xi Ħaġa Aħjar Kif Ngħin in-Nies

Bħala Tabib Sibt Xi Ħaġa Aħjar Kif Ngħin in-Nies

“QED tgħiduli xi ħaġa li ilni nixtieq minn meta kont tifel żgħir!” Dan il-​kliem għedtu lil koppja fl-​1971. Kont għadni kif niftaħ il-​klinika l-​ġdida tiegħi. Min kienu dawn iż-​żewġ pazjenti, u x’kienet il-​ħolma tiegħi? Dak li qaluli dakinhar biddilli ħajti u tawni raġuni biex nemmen li l-​ħolma li kelli meta kont żgħir dalwaqt kienet se ssir realtà.

Twelidt fl-​1941 f’Pariġi, ġewwa Franza. Il-​familja tiegħi ma kinitx sinjura. Kont inħobbha l-​iskola, imma meta kelli 10 snin imradt serjament u ma stajtx nibqaʼ mmur. It-​tobba qaluli biex nibqaʼ ġos-​sodda għax il-​pulmun tiegħi ma kienx b’saħħtu. Biex ngħaddi l-​ħin għamilt xhur sħaħ naqra dizzjunarju u nismaʼ programmi fuq ir-​radju mill-​Università taʼ Sorbonne f’Pariġi. Kemm fraħt meta t-​tabib qalli li kien għaddieli u nistaʼ nerġaʼ nibda mmur l-​iskola! Dak li għaddejt minnu ġegħelni napprezza x-​xogħol tal-​għaġeb li jagħmlu t-​tobba. Minn dakinhar, il-​ħolma tiegħi saret li nibda nfejjaq lin-​nies. Kull darba li missieri kien jistaqsini, “X’ħa ssir la tikber?” Jien dejjem kont ngħidlu, “Tabib.” Għalhekk, li nsir tabib kienet l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja tiegħi.

IX-​XJENZA GĦENITNI NERSAQ QRIB T’ALLA

Trabbejt ġo familja Kattolika, imma ma kontx naf ħafna dwar Alla u kelli ħafna mistoqsijiet. Kien wara li bdejt nistudja l-​mediċina fl-​università li sirt konvint li hemm Ħallieq.

Għadni niftakar l-​ewwel darba li rajt iċ-​ċelluli taʼ tulip permezz taʼ mikroskopju. Bqajt impressjonat kif iċ-​ċellula tipproteġi lilha nfisha mill-​kesħa u s-​sħana. Innotajt ukoll li ċ-​ċitoplażma, speċi taʼ likwidu fiċ-​ċellula stess, jonqos meta jmiss mal-​melħ u jiżdied meta jmiss mal-​ilma ħelu. Minħabba dawn l-​affarijiet li semmejna u ħafna oħrajn, affarijiet żgħar ħajjin jistgħu jaddattaw f’ambjent differenti. Meta rajt il-​mod tal-​għaġeb kif iċ-​ċellula hi magħmula rrealizzajt li l-​ħajja ma ġietx b’kumbinazzjoni.

Fit-​tieni sena tal-​istudji tiegħi stajt nara iżjed evidenza li Alla jeżisti. Meta studjajna dwar il-​ġisem tal-​bniedem tgħallimna li permezz tal-​muskoli li għandna f’idejna nistgħu ngħawġu u niddrittaw is-​swabaʼ. Il-​mod kif il-​muskoli u l-​għadam huma magħqudin flimkien u jaħdmu flimkien hu tal-​għaġeb. Pereżempju, jien tgħallimt li t-​tendons (l-​għeruq) li jqabbdu l-​muskoli tal-​id mal-​għadam tas-​subaʼ jinqasmu fi tnejn. Parti tmur fuq in-​naħa taʼ fuq tas-​subaʼ u parti oħra tmur fuq in-​naħa taʼ taħt. Kieku s-​swabaʼ tagħna ma kinux magħmulin b’dan il-​mod, ma nkunux nistgħu ngħawġuhom jew niddrittawhom. Meta rajt dan kollu stajt nifhem li min iddisinja l-​ġisem tal-​bniedem hu intelliġenti ħafna.

Impressjonajt ruħi iktar bil-​Ħallieq meta tgħallimt kif tarbija tibda tieħu n-​nifs wara li titwieled. Meta tarbija tkun fil-​ġuf ma jkollhiex bżonn tieħu n-​nifs għax tkun qed tieħu l-​ossiġnu mingħand ommha. Għalhekk, l-​alveoli, boroż żgħar fil-​pulmun, ikunu għadhom ma mtlewx bl-​arja. Imma ftit ġimgħat qabel titwieled it-​tarbija, likwidu speċjali jifforma fuq ġewwa tal-​boroż. Imbagħad, meta titwieled it-​tarbija u tieħu l-​ewwel nifs, tiġri xi ħaġa tal-​għaġeb. Toqba li tkun fil-​qalb tat-​tarbija tingħalaq u b’hekk id-​demm imur fil-​pulmun. Minħabba dan il-​likwidu speċjali, il-​boroż fil-​pulmun jibdew jimtlew bl-​arja mill-​ewwel. B’hekk, it-​tarbija tkun tistaʼ tibda tieħu n-​nifs weħidha.

Ridt insir naf il-​Ħallieq li għamel dawn l-​affarijiet tal-​għaġeb, u għalhekk bdejt naqra l-​Bibbja bis-​serjetà. Bqajt impressjonat bil-​liġijiet dwar l-​indafa li Alla ta lill-​Iżraelin iktar minn 3,000 sena ilu. Alla qal lill-​Iżraelin biex jgħattu l-​ħmieġ tagħhom, jinħaslu bl-​ilma b’mod regulari, u min ikollu xi sinjali taʼ xi marda li tittieħed jagħmel kwarantina. (Lev. 13:50; 15:11; Dt. 23:13) Il-​Bibbja semmiet dawn l-​affarijiet ħafna snin ilu, imma x-​xjentisti fehmu kif jinxtered il-​mard f’dawn l-​aħħar 150 sena. U l-​liġijiet dwar is-​sess fil-​ktieb tal-​Levitiku għenu biex iżommu n-​nazzjon t’Iżrael f’saħħtu. (Lev. 12:1-​6; 15:16-​24) Waħdi rrealizzajt li l-​Ħallieq ta dawn il-​liġijiet lill-​Iżraelin għall-​ġid tagħhom, u dawk li obdew il-​kmandamenti tiegħu ġew imberkin. Sirt konvint li l-​Bibbja hija ispirata minn Alla—Alla li sa dak iż-​żmien kont għadni ma nafx x’jismu.

KIF ILTQAJT MAL-​MARA TIEGĦI U SIBT LIL ĠEĦOVA

Jiena u Lydie meta żżewwiġna, fit-​3 tʼApril 1965

Meta kont qed nistudja biex insir tabib, iltqajt maʼ Lydie u ħadt grazzja magħha. Iżżewwiġna fl-​1965 waqt li kont għadni qed nistudja. Sal-​1971 kien diġà kellna tlett itfal. Lydie kienet t’għajnuna kbira għalija, kemm fix-​xogħol bħala tabib kif ukoll fil-​familja.

Ħdimt fi sptar għal tliet snin qabel ftaħt il-​klinika tiegħi. Ftit wara, il-​koppja li semmejt fil-​bidu ġew għal viżta. Xħin kont se nibda nikteb ir-​riċetta għar-​raġel, il-​mara tiegħu qaltli: “Jekk jogħġbok Dott., ara li fil-​mediċina ma jkunx hemm demm.” Ma stennejthiex se tgħidli hekk, u jien għedtilha: “Vera? Għala?” Hi wiġbitni: “Għax aħna Xhieda taʼ Ġeħova.” Jiena kont għadni qatt ma smajt bix-​Xhieda taʼ Ġeħova jew kif jaħsbuha dwar id-​demm. Il-​mara ħarġet il-​Bibbja u wrietni skrittura li turi għala huma ma jiħdux demm. (Atti 15:28, 29) Imbagħad hi u r-​raġel tagħha komplew jgħiduli dwar dak li se tagħmel is-​Saltna t’Alla. Urewni li se tneħħi t-​tbatija, il-​mard, u l-​mewt. (Riv. 21:3, 4) Jien għedtilhom: “Qed tgħiduli xi ħaġa li ilni nixtieq minn meta kont tifel żgħir!” Għedtilhom ukoll li xtaqt insir tabib biex ngħin lil dawk li jkunu qed ibatu. Tant kont qed nieħu pjaċir li għamilna siegħa u nofs nitkellmu. Malli telqu, jien iddeċidejt li ma nibqax Kattoliku, u tgħallimt li l-​Ħallieq li kont nammira kellu isem—Ġeħova!

Maʼ din il-​koppja ltqajt tliet darbiet fil-​klinika tiegħi, u kull darba li ltqajna għamilna iktar minn siegħa nitkellmu. Jien stidinthom jiġu d-​dar tiegħi biex b’hekk inkunu nistgħu nitkellmu iktar. Għalkemm Lydie kienet toqgħod magħna għall-​istudju tal-​Bibbja, hi ma kinitx tammetti li xi tagħlim reliġjuż li kienet tgħallem il-​knisja kien ħażin. Għalhekk, jien stidint qassis biex jiġi d-​dar tagħna. Meta bdejna nitkellmu użajna l-​Bibbja biss, u spiċċajna domna sa tard billejl niddiskutu. Din id-​diskussjoni kkonvinċiet lil Lydie li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jgħallmu l-​verità. Minn dakinhar, l-​imħabba tagħna għal Ġeħova kompliet tikber u ddeċidejna li niddedikaw ħajjitna lilu. Aħna tgħammidna fl-​1974.

LI NAQDI LIL ĠEĦOVA SARET L-​IKTAR ĦAĠA IMPORTANTI F’ĦAJTI

Meta tgħallimt dwar l-​iskop li għandu Alla għall-​bnedmin, li nkun tabib ma baqgħetx l-​iktar ħaġa importanti għalija. Għalija u għall-​mara tiegħi, li naqdu lil Ġeħova saret l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Aħna konna determinati li nrabbu lit-​tfal tagħna fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Bibbja. Għallimna lit-​tfal biex iħobbu lil Alla u lin-​nies. Dan għenna biex bħala familja nkunu iktar magħqudin.—Mt. 22:37-​39.

Meta niftakru dwar il-​ħarsa li kellhom lejna t-​tfal, minħabba li konna naqblu fid-​deċiżjonijiet tagħna, spiss naqbdu nidħqu. Huma kienu jafu li l-​parir taʼ Ġesù, ‘il-​kelma tiegħek Iva ħa tfisser Iva, u l-​Le, Le,’ kienet regola fil-​familja tagħna. (Mt. 5:37) Pereżempju darba waħda, meta waħda mit-​tfal tagħna kellha 17-​il sena, il-​mara ma ħallithiex toħroġ maʼ grupp taʼ żgħażagħ. Xi ħadd mill-​grupp qal lit-​tifla: “Jekk ma ħallitekx ommok, staqsi lil missierek!” Imma t-​tifla wieġbet: “Għalxejn, għax naf li missieri wkoll ħa jgħidli le.” Iva, is-​sitt itfal tagħna kienu jafu li bħala ġenituri konna naqblu f’li napplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja. Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova li bħala familja naqdu lilu.

Għalkemm il-​verità biddlitli ħajti, jien ridt nuża dak li tgħallimt bħala tabib biex ngħin lin-​nies t’Alla. Għalhekk, offrejt li ngħin bħala voluntier fil-​Betel taʼ Pariġi u iktar tard fil-​Betel il-​ġdida f’Louviers. Ilni naħdem f’Betel għal kważi 50 sena. Matul dan iż-​żmien, jien għamilt ħafna ħbieb f’Betel. Xi wħud minnhom illum għandhom iktar minn 90 sena. Darba waħda ltqajt maʼ ħu li kien għadu kif jibda jaqdi f’Betel. U vera ħadt pjaċir għax wara skoprejna li jien kont it-​tabib li għent lil ommu biex twelldu madwar 20 sena qabel!

JIEN RAJT KEMM ĠEĦOVA JIMPURTAH MIN-​NIES TIEGĦU

Maż-​żmien, lil Ġeħova sirt inħobbu iktar għax stajt nara kif hu jiggwida u jipproteġi lin-​nies tiegħu permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu. Għall-​ħabta tal-​1980, il-​Ġemgħa li Tiggverna għamlet arranġament biex tgħin lit-​tobba u n-​nurses jifhmu aħjar għala x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiħdux demm.

Imbagħad fl-​1988, il-​Ġemgħa li Tiggverna għamlet dipartiment ġdid ġewwa Betel li jissejjaħ Servizzi taʼ Informazzjoni għall-​Isptarijiet. Fil-​bidu, dan id-​dipartiment kien jieħu ħsieb il-​Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-​Isptarijiet (HLC). Dawn bdew fl-​Istati Uniti biex jgħinu lill-​aħwa jsibu tobba li jirrispettaw id-​deċiżjoni tagħna dwar id-​demm. Imbagħad, dan l-​arranġament beda jsir f’pajjiżi oħrajn, inkluż Franza. Nibqaʼ impressjonat meta nara kif l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova bi mħabba tieħu ħsieb lill-​aħwa morda meta l-​iktar ikollhom bżonn!

IL-​ĦOLMA TIEGĦI SARET REALTÀ

Aħna għadna qed nieħdu pjaċir nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna

Li nsir tabib kienet l-​iktar ħaġa li xtaqt. Imma meta ħsibt dwar dak li hu l-​iktar importanti fil-​ħajja tiegħi, irrealizzajt li kien iktar importanti li ngħin in-​nies isiru jafu lil Ġeħova u jaqduh milli ngħinhom bħala tabib. Wara li waqaft mix-​xogħol, jien u Lydie konna nqattgħu ħafna sigħat kull xahar nippritkaw l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna bħala pijunieri regulari. Illum aħna għadna nagħmlu dak kollu li nistgħu f’dan ix-​xogħol li jsalva l-​ħajjiet tan-​nies.

Maʼ Lydie, fl-​2021

Għalkemm għadni nagħmel dak kollu li nistaʼ biex ngħin lin-​nies morda, jien irrealizzajt li lanqas l-​aqwa tabib ma jistaʼ jfejjaq il-​mard kollu li hawn jew iwaqqaf il-​mewt. Għalhekk, inħares ’il quddiem għal dak iż-​żmien meta mhux se jkun hemm iktar uġigħ, mard, u mewt. Fid-​dinja l-​ġdida li dalwaqt se ngawdu, qatt mhu se nieqaf nitgħallem dwar il-​ħolqien t’Alla, inkluż il-​mod tal-​għaġeb kif hu magħmul il-​ġisem tal-​bniedem. Dak li kont nixtieq meta kont tifel żgħir, dalwaqt se jsir realtà. Jiena ċert li l-​aqwa ħajja għadha ġejja!