Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 8

Meta Tagħti Parir, Ikun Faċli għal Oħrajn Biex Jaċċettawh?

Meta Tagħti Parir, Ikun Faċli għal Oħrajn Biex Jaċċettawh?

“Iż-​żejt u l-​inċens iferrħu l-​qalb; hekk ukoll il-​ħlewwa li juri sieħeb minħabba l-​pariri li jagħti b’ruħu kollha.”—PROV. 27:9.

GĦANJA 102 ‘Għinu lid-​dgħajfin’

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Anzjan x’tgħallem mill-​mod kif ta parir?

 ĦAFNA snin ilu, żewġ anzjani marru jżuru oħt li kienet ilha xi żmien ma tattendi l-​laqgħat. Wieħed mill-​anzjani qasam xi skritturi magħha biex juriha kemm hu importanti li tattendi l-​laqgħat. Hu ħaseb li b’din iż-​żjara l-​oħt kienet inkuraġġita, imma qabel telqu, l-​oħt qaltilhom: “M’għandkomx idea minn xiex għaddejja!” Dawn l-​aħwa kienu tawha parir mingħajr ma ppruvaw ikunu jafu xi problemi kienet qed tiffaċċja din l-​oħt. B’hekk, bil-​pariri li tawha, l-​oħt ma ħassithiex inkuraġġita.

2 Meta jiftakar, l-​anzjan li qasam il-​versi mal-​oħt jgħid: “Għall-​ewwel, jien għedt li l-​oħt m’apprezzatx il-​parir li tajnieha. Imma mbagħad irrealizzajt li minflok ma ħsibt dwar dak li kienet għaddejja minnu hi u kif stajt ngħinha, jiena ħsibt dwar l-​iskritturi li kelli nuża.” Minn din l-​esperjenza, l-​anzjan tgħallem lezzjoni importanti. Illum, hu ragħaj li jifhem u jgħin lill-​aħwa.

3. Fil-​kongregazzjoni min jistaʼ jagħti parir?

 3 Bħala ragħajja, l-​anzjani għandhom ir-​responsabbiltà li jagħtu parir meta jkun hemm bżonn. Però, xi kultant fil-​kongregazzjoni jkun hemm bżonn li anke oħrajn jagħtu parir. Pereżempju, ħu jew oħt jistgħu jagħtu parir ibbażat fuq il-​Bibbja lil ħabib tagħhom. (Salm 141:5; Prov. 25:12) Oħt matura tistaʼ tagħti parir lil żagħżugħa dwar l-​affarijiet li jissemmew f’​Titu 2:3-​5. U bla dubju, il-​ġenituri spiss ikollhom jagħtu xi parir u jikkoreġu lit-​tfal tagħhom. Għalhekk, waqt li dan l-​artiklu hu indirizzat lill-​anzjani fil-​kongregazzjoni, ilkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw billi naraw modi kif nistgħu nagħtu parir tajjeb, inkuraġġanti, u li ‘jferraħ il-​qalb.’—Prov. 27:9.

4. Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-​artiklu?

4 F’dan l-​artiklu, se nwieġbu dawn l-​erbaʼ mistoqsijiet: (1) Għala tħoss li għandek tagħti parir? (2) Hemm bżonn tagħti parir? (3) Min għandu jagħti parir? (4) Kif tistaʼ tagħti parir tajjeb?

GĦALA TĦOSS LI GĦANDEK TAGĦTI PARIR?

5. Għala jkun iktar faċli għall-​aħwa biex jaċċettaw il-​parir t’anzjan meta jkun ingħata bi mħabba? (1 Korintin 13:4, 7)

5 L-​anzjani jħobbuhom lill-​aħwa. Xi kultant, huma juru din l-​imħabba billi jagħtu parir lil xi ħadd li jkun qiegħed fil-​periklu li jagħmel żball. (Gal. 6:1) Però, qabel ma jitkellem mal-​persuna, ikun tajjeb li anzjan jaħseb dwar xi affarijiet li semma l-​appostlu Pawlu dwar l-​imħabba. Pawlu qal: “L-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba. . . . Kollox tiflaħ, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.” (Aqra l-1 Korintin 13:4, 7.) Meta anzjan jaħseb sew dwar dawn il-​versi tal-​Bibbja, dan jgħinu biex meta jagħti parir, jagħtih bi mħabba. Jekk dak li jingħata l-​parir se jħoss li l-​anzjan jimpurtah minnu, se jkun iktar faċli għalih biex jaċċettah.—Rum. 12:10.

6. L-​appostlu Pawlu liema eżempju tajjeb ħalla?

6 Bħala anzjan, l-​appostlu Pawlu ħalla eżempju mill-​aqwa. Pereżempju, meta l-​aħwa f’Tessalonika kellhom bżonn parir, l-​appostlu Pawlu tahulhom. Però, fl-​ittra li kitbilhom hu faħħarhom għax-​xogħol li għamlu bil-​fidi u l-​imħabba, u talli baqgħu jissaportu l-​provi. Hu ħaseb ukoll dwar iċ-​ċirkostanzi tagħhom. Pawlu qalilhom li kien jaf bl-​isfidi li kienu qed jiffaċċjaw f’ħajjithom u l-​persekuzzjoni li kienu qed jissaportu. (1 Tess. 1:3; 2 Tess. 1:4) Qalilhom ukoll li kienu t’eżempju tajjeb għal Kristjani oħrajn. (1 Tess. 1:8, 9) Min jaf kemm ħassewhom kuntenti meta rċivew dan il-​kliem ta’ inkuraġġiment mingħand Pawlu. Bla dubju, dan juri kemm Pawlu kien iħobb lil ħutu. Kien għalhekk li hu setaʼ jagħti pariri effettivi fiż-​żewġ ittri tiegħu lit-​Tessalonikin.—1 Tess. 4:1, 3-​5, 11; 2 Tess. 3:11, 12.

7. Xi wħud għala ma jiħdux pjaċir meta jingħataw parir?

7 X’jistaʼ jiġri jekk nagħtu parir b’mod ħażin? Anzjan tal-​esperjenza jgħid: “Xi wħud ma jiħdux pjaċir bil-​parir mhux għax ikun hemm xi ħaġa ħażina fil-​parir, imma għax ma jkunx ingħata bi mħabba.” X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Meta nagħtu parir, għandna nagħtuh bi mħabba u mhux għax inkunu rritati. B’hekk, se jkun iktar faċli biex dak li jkun jaċċettah.

HEMM BŻONN NAGĦTI PARIR?

8. Qabel jagħti parir, anzjan liema mistoqsijiet għandu jsaqsi lilu nnifsu?

8 L-​anzjani m’għandhomx jgħaġġlu meta jiġu biex jagħtu parir. Qabel jagħti parir anzjan għandu jistaqsi lilu nnifsu: ‘Hemm bżonn li nagħti parir? Ċert li dak li qed tagħmel il-​persuna huwa ħażin? Il-​Bibbja x’tgħid dwar dak li qed tagħmel? Hi sempliċiment qed tagħmel xi ħaġa li kieku jien ma nagħmilhiex?’ L-​anzjani għandhom joqogħdu attenti li ma ‘jitkellmux bla ma jaħsbuha.’ (Prov. 29:20) Jekk anzjan ma jkunx ċert jekk għandux jagħti l-​parir, hu għandu jistaqsi lil anzjan ieħor biex jara jekk hu jaħsibx ukoll li l-​persuna qed tagħmel xi ħaġa kontra dak li tgħid il-​Bibbja.—2 Tim. 3:16, 17.

9. Meta niġu biex nagħtu parir dwar l-​ilbies u d-​dehra, x’nitgħallmu minn Pawlu? (1 Timotju 2:9, 10)

9 Aħseb dwar dan l-​eżempju. Ejja ngħidu li anzjan qed jinkwieta dwar l-​ilbies jew id-​dehra taʼ ħu jew oħt. L-​anzjan jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu: ‘Il-​Bibbja x’tgħid dwar dan?’ Minħabba li l-​anzjan ma jridx joqgħod fuq l-​opinjoni tiegħu jistaʼ jitkellem m’anzjan ieħor jew ħu jew oħt matura. Flimkien huma jistgħu jaraw il-​parir tal-​appostlu Pawlu dwar l-​ilbies u d-​dehra. (Aqra l-1 Timotju 2:9, 10.) Pawlu semma ċerti prinċipji billi qal li Kristjan għandu jkun liebes xieraq u li ma jġibx tmaqdir fuq Ġeħova. Imma Pawlu m’għamilx regoli dwar dak li tistaʼ u ma tistax tilbes persuna. Hu kien jaf li l-​aħwa jistgħu jilbsu dak li jixtiequ huma sakemm ma jkunx kontra dak li tgħid il-​Bibbja. Mela qabel l-​anzjani jiddeċiedu għandhomx jagħtu parir, huma għandhom jaraw jekk il-​mod kif tilbes u tidher il-​persuna hux xieraq u modest.

10. X’se jgħinna nirrispettaw id-​deċiżjonijiet li jieħdu oħrajn?

10 Huwa importanti li niftakru li żewġ aħwa jistgħu jieħdu deċiżjonijiet differenti, imma ma jfissirx li wieħed ikun tajjeb u l-​ieħor ikun ħażin. Aħna qatt m’għandna nipprovaw inġiegħlu lill-​aħwa jagħmlu dak li aħna naħsbu li hu tajjeb.—Rum. 14:10.

MIN GĦANDU JAGĦTI L-​PARIR?

11-12. Jekk anzjan ikollu bżonn jagħti parir, liema mistoqsijiet għandu jsaqsi, u għala?

11 Jekk il-​parir għandu bżonn jingħata, il-​mistoqsija li jmiss għandha tkun, Min għandu jagħti l-​parir? Qabel jagħti parir lil mara miżżewġa jew xi tifel jew tifla, anzjan għandu jitkellem mal-​kap tal-​familja għax forsi jippreferi li jieħu ħsieb is-​sitwazzjoni hu. * Jew jistaʼ jkun li l-​kap tal-​familja jkun jixtieq li jkun preżenti meta l-​anzjan jagħti l-​parir. U bħalma semmejna f’ paragrafu 3, xi kultant ikun aħjar li oħt żagħżugħa tingħata parir mingħand oħt ikbar minnha.

12 Hemm xi ħaġa oħra li anzjan għandu jaħseb dwarha. Anzjan jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu, ‘Għandi nagħtih jien il-​parir jew ikun aħjar li jagħtih xi ħadd ieħor?’ Pereżempju, huwa iktar faċli għal persuna li tkun tistħi li taċċetta parir minn anzjan li hu mistħi wkoll. Jistaʼ jkun li dan l-​anzjan jifhem aħjar lill-​persuna, u jgħid affarijiet li se jgħinuha taċċetta l-​parir. Però, l-​anzjani kollha għandhom ir-​responsabbiltà li jinkuraġġixxu u jgħinu lill-​aħwa jagħmlu l-​bidliet li jkollhom bżonn skont il-​Bibbja. Għalhekk, meta jkun hemm bżonn jingħata parir, l-​iktar ħaġa importanti hi li jingħata.

KIF TISTAʼ TAGĦTI PARIR TAJJEB?

L-​anzjani għala għandhom ikunu ‘ħfief biex jisimgħu’? (Ara paragrafi 13-14)

13-14. Għala huwa importanti li anzjan ikun lest li jismaʼ?

13 Kun lest li tismaʼ. Meta anzjan ikun qed jipprepara biex jagħti parir, hu għandu jistaqsi lilu nnifsu: ‘Jien x’naf dwar iċ-​ċirkostanzi tal-​individwu? X’qed jiġri fil-​ħajja tiegħu? Qed jiffaċċja problemi li jien ma nafx bihom? X’għandu bżonn l-​iktar bħalissa?’

14 Il-​prinċipju li nsibu f’​Ġakbu 1:19 bla dubju japplika għal dawk li jagħtu l-​pariri. Ġakbu kiteb: “Kull bniedem irid ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla.” Anzjan jistaʼ jaħseb li jaf il-​fatti kollha. Imma huwa minnu dan? Proverbji 18:13 ifakkarna: “Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-​kwistjoni, dan ikun bluha min-​naħa tiegħu u umiljazzjoni.” Ikun tajjeb li tistaqsi lill-​persuna biex tispjegalek is-​sitwazzjoni tagħha. Għalhekk, anzjan l-​ewwel għandu jismaʼ, imbagħad jitkellem. Ftakar fil-​lezzjoni li tgħallem l-​anzjan li semmejna fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu. Hu rrealizza li minflok ma kellu jibda ż-​żjara bl-​informazzjoni li kien ipprepara, kellu jistaqsi lill-​oħt mistoqsijiet bħal: “Kif qed tħossok bħalissa?” “Kif nistaʼ ngħinek?” Jekk l-​anzjani jieħdu l-​ħin biex isiru jafu l-​fatti sew, x’aktarx li se jkunu jistgħu jgħinu u jinkuraġġixxu lill-​aħwa iktar.

15. L-​anzjani kif jistgħu japplikaw il-​prinċipju li nsibu fi Proverbji 27:23?

15 Sir af lill-​aħwa sew. Kif rajna fil-​bidu, biex tagħti parir tajjeb jinvolvi iktar milli sempliċement taqra xi ftit skritturi jew tagħti xi suġġeriment. L-​aħwa jridu jħossu li aħna jimpurtana minnhom, li nifhmuhom, u li rridu ngħinuhom. (Aqra Proverbji 27:23.) L-​anzjani jridu jagħmlu l-​almu tagħhom biex l-​aħwa jkunu l-​ħbieb tagħhom.

X’se jagħmilha iktar faċli għall-​anzjani meta jiġu biex jagħtu parir? (Ara paragrafu 16)

16. X’se jgħin lill-​anzjani biex jagħtu parir effettiv?

16 L-​anzjani m’għandhomx ikellmu lill-​aħwa biss meta jkollhom bżonn ituhom xi parir. Minflok, huma jitkellmu spiss magħhom u juruhom li jimpurtahom minnhom, speċjalment meta jkunu qed jiffaċċjaw il-​problemi. Anzjan tal-​esperjenza jgħid: “Jekk tagħmel hekk, se tibni ħbiberija tajba mal-​aħwa. Imbagħad meta jkollok bżonn tagħti parir, se jkun iktar faċli għalik.” U l-​persuna li tirċievi l-​parir se jkun iktar faċli għaliha biex taċċettah.

Anzjan għala għandu jkun paċenzjuż u qalbu tajba meta jagħti parir? (Ara paragrafu 17)

17. Anzjan meta għandu jkun iktar paċenzjuż u qalbu tajba?

17 Kun paċenzjuż u qalbek tajba. Il-​paċenzja u l-​qalb tajba huma importanti ħafna speċjalment meta għall-​ewwel xi ħadd ma jkunx irid japplika dak li tgħid il-​Bibbja. Anzjan m’għandux jirrita ruħu jekk il-​ħu jew l-​oħt li ngħatat il-​parir ma taċċettahx jew ma tapplikahx mal-​ewwel. Il-​Bibbja tgħid hekk dwar Ġesù: “Qasba mxaqqa ma jiksirhiex, u ftila tal-​kittien tnemnem ma jitfihiex.” (Mt. 12:20) Għalhekk, waqt li jkun qed jitlob lil Ġeħova fil-​privat, l-​anzjan jistaʼ jgħidlu biex jgħin lill-​persuna tifhem ir-​raġuni għala ngħatat il-​parir u japplikah. Il-​ħu jew l-​oħt li tkun ingħatat il-​parir jaf ikollha bżonn il-​ħin biex taħseb dwar dak li qalulha. Jekk l-​anzjan ikun paċenzjuż u qalbu tajba se jkun iktar faċli biex il-​ħu jew l-​oħt tismaʼ l-​parir. Bla dubju, il-​parir għandu dejjem ikun ibbażat fuq il-​Kelma t’Alla.

18. (a) Meta nagħtu parir, x’għandna nżommu f’moħħna? (b) Bħalma turi l-​istampa ta’ mal-​kaxxa, il-​ġenituri x’qed jagħmlu?

18 Tgħallem mill-​iżbalji tiegħek. Minħabba l-​imperfezzjoni tagħna mhux se nkunu nistgħu napplikaw il-​pariri taʼ dan l-​artiklu b’mod perfett. (Ġak. 3:2) Aħna lkoll se niżbaljaw, imma meta niżbaljaw, irridu nipprovaw nitgħallmu mill-​iżbalji tagħna. Jekk l-​aħwa se jħossu li aħna nħobbuhom, x’aktarx li se jkun iktar faċli għalihom biex jaħfrulna meta nagħmlu jew ngħidu xi ħaġa li nweġġħuhom biha.—Ara wkoll il-​kaxxa “ Tfakkiriet t’Għajnuna għall-​Ġenituri.”

X’TGĦALLIMNA?

19. Kif nistgħu nferrħu qalb l-​aħwa?

19 Bħalma rajna, mhux dejjem faċli biex nagħtu parir. Aħna imperfetti u anke l-​aħwa li nagħtuhom il-​parir. Żomm f’moħħok il-​prinċipji li semmejna f’dan l-​artiklu. Kun ċert li r-​raġuni li tagħti l-​parir tkun l-​imħabba. Ukoll, oqgħod attent u ara jekk għandekx bżonn tagħti l-​parir u li inti l-​persuna t-​tajba biex tagħtih. Qabel tagħti parir staqsi mistoqsijiet u ismaʼ sew ħalli tkun tistaʼ tifhem dak li għaddejja minnu l-​persuna. Ipprova idħol fiż-​żarbuna tagħha. Kun qalbek tajba u pprova sir ħabib sew tal-​aħwa. Irridu niftakru li l-​mira tagħna meta nagħtu parir mhix biss li jkun effettiv, imma anke li ‘jferraħ il-​qalb.’—Prov. 27:9.

GĦANJA 103 Ir-​ragħajja—Irġiel bħala għotjiet

^ Mhux dejjem ikun faċli tagħti parir. Imma meta jkun hemm bżonn nagħmlu dan, kif nistgħu nagħtuh b’mod li jgħin u jinkuraġġixxi lil oħrajn? Dan l-​artiklu se jgħin lill-​anzjani b’mod partikolari biex meta jagħtu parir, min jirċivih jieħu pjaċir jisimgħu u japplikah.

^ Ara l-​artiklu “L-​Awtorità li Għandhom l-​Anzjani fil-​Kongregazzjoni” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa taʼ Frar 2021.