Ġeħova jipprovdilna faraġ f’kull prova
“L-Alla taʼ kull faraġ . . . ifarraġna fit-tribulazzjoni kollha tagħna.”—2 KORINTIN 1:3, 4.
1, 2. Ġeħova kif ifarraġna fil-provi, u x’wegħda nsibu fil-Kelma tiegħu?
ĦU ŻAGĦŻUGĦ single kien qed jaħseb dwar l-1 Korintin 7:28, li jgħid li dawk li jiżżewġu se “jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom.” Il-ħu tkellem m’anzjan miżżewweġ ikbar minnu u staqsieh: “X’inhi din it-‘tribulazzjoni,’ u x’għandi nagħmel dwarha jekk niżżewweġ?” Qabel ma wieġbu, l-anzjan qal liż-żagħżugħ biex jaħseb dwar ħaġa oħra li kiteb l-appostlu Pawlu: Ġeħova hu “l-Alla taʼ kull faraġ, li jfarraġna fit-tribulazzjoni [jew provi] kollha tagħna.”—2 Korintin 1:3, 4.
2 Aħna nafu li Ġeħova, Missierna, iħobbna, u jfarraġna meta jkollna d-diffikultajiet. Forsi tiftakar xi drabi meta Ġeħova saħħek u ggwidak permezz tal-Kelma tiegħu. Nistgħu nkunu ċerti li hu jixtieq l-aħjar għalina, bħalma xtaq lill-qaddejja tiegħu tal-passat.—Aqra Ġeremija 29:11, 12.
3. X’mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-artiklu?
3 Normalment, ikun iktar faċli li nissaportu l-problemi u t-tribulazzjonijiet meta nkunu nafu xi kkaġunahom. Allura għaliex jistaʼ jkollna t-tribulazzjoni fiż-żwieġ jew fil-familja tagħna? U liema eżempji minn żminijiet Bibliċi u minn żmienna jistgħu jgħinuna nsibu l-faraġ li għandna bżonn? Ejja nwieġbu dawn il-mistoqsijiet u naraw kif nistgħu nissaportu l-provi.
PROBLEMI FIŻ-ŻWIEĠ
4, 5. Mara u raġel miżżewġin xi tribulazzjonijiet jistaʼ jkollhom?
4 Wara li Ġeħova ħalaq l-ewwel mara, hu ħadha għand ir-raġel, u hi saret martu. Imbagħad Ġeħova qal: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu u huma jsiru ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Ovvjament, illum aħna lkoll imperfetti. (Rumani 3:23) Minħabba dan, meta raġel u mara jiżżewġu, huma jistgħu jistennew li se jiffaċċjaw il-problemi. Pereżempju, qabel iż-żwieġ, mara x’aktarx kellha tobdi l-ġenituri. Imma l-Kelma t’Alla tgħid li wara ż-żwieġ, raġel isir il-kap taʼ martu. (1 Korintin 11:3) Għall-ewwel, raġel jistaʼ jsibha diffiċli biex jagħti direzzjonijiet lil martu. U l-mara tistaʼ ssibha diffiċli li taċċetta d-direzzjoni m’għand ir-raġel minflok m’għand il-ġenituri. Barra minn hekk, meta koppja tkun għadha kif iżżewġet, huma jistaʼ jkollhom nuqqas taʼ qbil mal-membri tal-familja taʼ xulxin, u dan ukoll jistaʼ jkun taʼ sfida.
5 Aħseb ukoll dwar kif mara u raġel miżżewġin jistgħu jħossuhom meta jsiru jafu li se jkollhom tarbija. Għalkemm jistgħu jkunu kuntenti ħafna, normalment ikunu ansjużi wkoll. Jistgħu jitħassbu jekk hux se jmur kollox sew fit-tqala, u forsi jinkwetaw dwar is-saħħa tat-tarbija. Huma jafu wkoll li se jiżdiedu l-ispejjeż. Wara li t-tarbija titwieled, il-koppja se jkollha bżonn tagħmel aġġustamenti oħra. L-omm x’aktarx tibda tqattaʼ l-biċċa l-kbira mill-ħin tagħha tieħu ħsieb it-tarbija. B’hekk, ir-raġel u l-mara abbli ma jkunux jistgħu jagħtu l-istess attenzjoni lil xulxin bħal qabel. Ukoll, il-missier se jkollu iktar responsabbiltajiet. Hu jrid jagħmel ċert li kemm martu u kemm it-tarbija jkollhom dak li jeħtieġu.
6-8. Raġel u mara miżżewġin kif għandhom mnejn iħossuhom jekk ma jkunx jistaʼ jkollhom tfal?
6 Xi koppji miżżewġin għandhom tribulazzjoni differenti. Huma jixtiequ ħafna li jkollhom it-tfal, imma ma jistgħux. Meta l-mara ma tinqabadx tqila, hi tistaʼ tħoss uġigħ emozzjonali kbir. (Proverbji 13:12) Fi żminijiet Bibliċi, kien importanti ħafna għan-nisa li jiżżewġu u jkollhom it-tfal. Huwa għalhekk li Rakele, il-mara taʼ Ġakobb, ħassitha dipressa bil-kbir meta ma setgħetx tinqabad tqila, filwaqt li oħtha setgħet. (Ġenesi 30:1, 2) F’ċerti pajjiżi llum, ħafna jemmnu li hu importanti ferm li jkollhom ħafna tfal. In-nies taʼ sikwit isaqsu lill-missjunarji li jkunu qed jgħixu f’dawn il-pajjiżi għaliex m’għandhomx tfal. Minkejja li l-missjunarji jipprovaw jispjegawlhom ċar u tond għaliex, xi wħud xorta jgħidu, “Tibżax, aħna se nitolbu għalikom!”
7 Ikkunsidra eżempju ieħor. Oħt fl-Ingilterra minn dejjem xtaqet it-tfal. Meta rrealizzat li ma setax ikollha tfal f’din is-sistema, ħaditha bi kbira ħafna. Imbagħad hi u r-raġel tagħha ddeċidew li jadottaw tifel jew tifla. Imma xorta ħassitha mnikkta għal xi żmien. Hi qalet, “Kont naf illi li nadotta ma kienx se jkun l-istess bħal li nwelled it-tarbija tiegħi stess.”
8 Il-Bibbja tgħid li mara “tinżamm salva billi tiled it-tfal.” (1 Timotju 2:15) Imma dan ma jfissirx li hi se jkollha l-ħajja taʼ dejjem sempliċement għax għandha t-tfal. Allura, xi jfisser dal-vers? Omm ikollha ħafna x’tagħmel biex tieħu ħsieb it-tfal u d-dar. Dan jistaʼ jgħinha tevita affarijiet bħal li tgħid fuq in-nies jew li tindaħal fl-affarijiet t’oħrajn. (1 Timotju 5:13) Minkejja dan, hi xorta jistaʼ jkollha l-problemi fiż-żwieġ u l-familja tagħha.
Ġeħova wegħedna ħafna affarijiet li jgħinuna nħossuna aħjar matul żminijiet diffiċli
9. Il-miżżewġin xi tribulazzjoni oħra jistgħu jiffaċċjaw?
9 Waħda mit-tribulazzjonijiet li xi miżżewġin jistgħu jiffaċċjaw hi l-mewt tas-sieħeb jew is-sieħba tagħhom. Għalkemm forsi qatt ma ħasbu li dan se jiġri lilhom, ħafna kellhom jissaportu din is-sitwazzjoni verament diffiċli. Il-Kristjani b’konvinzjoni jemmnu fil-wegħda tal-irxoxt, u dan ifarraġhom ħafna. (Ġwanni 5:28, 29) Fil-Kelma tiegħu, Missierna, Ġeħova, wegħedna ħafna affarijiet li jgħinuna nħossuna aħjar matul żminijiet diffiċli. Issa ejja naraw kif xi qaddejja taʼ Ġeħova ħassew dan il-faraġ u kif għenhom.
FARAĠ META NGĦADDU MINN PROVI
10. Ħanna kif tfarrġet? (Ara l-ewwel stampa.)
10 Ikkunsidra dak li ġara lil Ħanna, il-mara maħbuba taʼ Elkana. Hi xtaqet li jkollha t-tfal imma ma setgħetx. Madankollu, il-mara l-oħra tar-raġel tagħha, Peninna, kellha ħafna tfal. (Aqra l-1 Samwel 1:4-7.) Biex tgħaxxaqha, Peninna kienet twaqqaʼ lil Ħanna għaċ-ċajt “sena wara l-oħra” minħabba f’hekk. Dan weġġagħha ħafna lil Ħanna. X’għamlet biex issib faraġ? Hi talbet lil Ġeħova. Ħanna saħansitra marret fil-post taʼ qima taʼ Ġeħova u talbet għal ħin twil. Hi talbet lil Ġeħova biex jagħtiha tifel, u fdat li Hu kien se jgħinha. Wara dan, hi ħassitha ħafna aħjar u “wiċċha ma baqax jidher imħasseb bħal qabel.” (1 Samwel 1:12, 17, 18) Kemm jekk billi jagħtiha tifel jew ifarraġha b’xi mod ieħor, Ħanna kienet taf li Ġeħova kien se jgħinha.
11. It-talb kif jistaʼ jgħinna nħossuna aħjar?
11 Ladarba aħna imperfetti u qed ngħixu fid-dinja taʼ Satana, se jibqaʼ 1 Ġwanni 5:19) Imma m’aħniex waħedna. Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova, “l-Alla taʼ kull faraġ.” Ħanna hekk għamlet. Hi fetħet qalbha maʼ Ġeħova dwar kif ħassitha u talbitu bil-ħrara għall-għajnuna. B’mod simili, meta nkunu qed insofru, ma rridux biss insemmu l-problemi tagħna maʼ Ġeħova. Irridu nitolbuh bil-ħrara għall-għajnuna u ngħidulu eżattament kif inħossuna.—Filippin 4:6, 7.
jkollna l-provi. (12. X’kien li għen lil Anna tkun ferħana minkejja l-provi tagħha?
12 Nistgħu nħossu dwejjaq kbar minħabba li m’għandniex tfal jew minħabba l-mewt taʼ xi ħadd maħbub. Imma xorta waħda nistgħu nsibu l-faraġ. Ikkunsidra l-eżempju taʼ Anna, li għexet fi żmien Ġesù. Wara li kienu ilhom biss sebaʼ snin miżżewġin, ir-raġel tagħha miet. U ma jidhirx li laħaq kellha xi tfal. Imma x’kien li għenha? “Din qatt ma kienet tonqos mit-tempju.” Anki meta Anna kellha 84 sena, hi xorta kienet tmur fit-tempju biex titlob u tqim lil Ġeħova. (Luqa 2:37) Kien dan li ġegħelha tħossha aħjar u għenha tkun ferħana minkejja l-provi tagħha.
13. Ħbieb veri kif jistgħu jgħinuna nħossuna aħjar jekk il-membri tal-familja jiddiżappuntawna?
13 Ħbieb veri tal-kongregazzjoni jistgħu jfarrġuna wkoll. (Proverbji 18:24) Paula kellha biss ħames snin meta ommha ma baqgħetx taqdi lil Ġeħova. Paula kienet imdejqa ħafna, u l-affarijiet ma kinux faċli għaliha. Imma mbagħad, oħt pijuniera jisimha Ann inkuraġġietha u bi mħabba interessat ruħha fiha. “Għalkemm Ann ma kinitx tiġi minni, l-interess kollu mħabba tagħha kien t’għajnuna kbira għalija,” tispjega Paula. “Dan għenni nkompli naqdi lil Ġeħova.” Minn dakinhar ’l hawn, omm Paula reġgħet lura fil-kongregazzjoni, u dan ferraħha ħafna lil Paula. Anki Ann tinsab ferħana li setgħet tgħin lil Paula tkompli taqdi lil Ġeħova.
14. Kif nibbenefikaw milli nfarrġu lil oħrajn?
Filippin 2:4) L-appostlu Pawlu hekk għamel. Hu ħa ħsieb oħrajn bħal kif omm tgħożż lit-tarbija tagħha. Ukoll, Pawlu farraġ u inkuraġġixxa lil ħutu “bħalma jagħmel missier maʼ wliedu.”—Aqra l-1 Tessalonikin 2:7, 11, 12.
14 Meta nkunu aljenati f’li nagħmlu affarijiet tajbin għal ħaddieħor, ħafna drabi ninsew dwar il-problemi tagħna stess. Pereżempju, ħafna aħwa nisa, miżżewġin jew le, jafu li meta jaqsmu l-aħbar tajba dwar is-Saltna m’oħrajn, ikunu qed jaħdmu flimkien maʼ Ġeħova u jagħmlu dak li jixtieq hu. Dan iferraħhom. Fil-fatt, ilkoll kemm aħna nistgħu nuru li jinteressana minn oħrajn billi naqsmu l-aħbar tajba magħhom. U meta nagħmlu affarijiet b’qalb tajba għal ħutna, se nersqu eqreb lejhom. (FARAĠ FIL-FAMILJA
15. Min għandu r-responsabbiltà li jgħallem lit-tfal dwar Ġeħova?
15 Kif nistgħu ngħinu u nfarrġu familji fil-kongregazzjoni? Xi drabi, uħud ġodda forsi jitolbuna ngħinuhom jgħallmu lil uliedhom dwar Ġeħova jew anki biex nistudjaw il-Bibbja mat-tfal tagħhom. Il-Bibbja turi li Ġeħova jagħti lill-ġenituri r-responsabbiltà biex jgħallmu u jħarrġu lil uliedhom. (Proverbji 23:22; Efesin 6:1-4) Għalkemm f’ċerti każi jistaʼ jkun hemm għajnuna minn oħrajn, hu importanti ħafna li jkunu l-ġenituri stess li jgħallmu lil uliedhom. Il-ġenituri għandhom bżonn jitkellmu mat-tfal tagħhom regolarment.
Il-ġenituri għandhom bżonn jitkellmu mat-tfal tagħhom regolarment
16. X’għandna nżommu f’moħħna meta nkunu qed ngħinu lit-tfal?
16 Meta ġenitur jitlobna nistudjaw il-Bibbja mat-tifel jew it-tifla tiegħu, nagħmlu tajjeb li niftakru li m’għandniex l-istess awtorità tal-ġenitur. Kultant forsi nistudjaw maʼ tfal li l-ġenituri tagħhom mhumiex fil-verità. Meta t-tfal ma jkunux tagħna, ikun għaqli li nistudjaw fid-dar tagħhom meta jkun hemm il-ġenituri jew Xhud matur ieħor jew nistudjaw f’post pubbliku. B’dal-mod, ma nagħtu impressjoni ħażina lil ħadd. U forsi maż-żmien, il-ġenituri stess ikunu kapaċi jgħallmu lil uliedhom dwar Ġeħova.
17. It-tfal kif jistgħu jgħinu lil oħrajn fil-familja jħossuhom aħjar?
17 Tfal li tgħallmu jħobbu lil Ġeħova jistgħu jfarrġu u jinkuraġġixxu lill-membri tal-familja tagħhom. Kif? Billi jirrispettaw lill-ġenituri u jaħdmu iebes biex jgħinuhom b’modi prattiċi. Ukoll, meta t-tfal jibqgħu leali lejn Ġeħova, dan ikun taʼ inkuraġġiment għall-familja kollha. Fiż-żmien taʼ qabel id-Dulluvju, Lamek qiem lil Ġeħova. Hu qal hekk dwar ibnu Noè: “Dan se jfarraġna fix-xogħol tagħna u fit-taħbit taʼ idejna li rriżultaw mill-art misħuta minn Ġeħova.” Din il-profezija twettqet wara d-Dulluvju meta Ġeħova neħħa s-saħta minn fuq l-art. (Ġenesi 5:29; 8:21) Illum, tfal li jibqgħu leali lejn Ġeħova wkoll jistgħu jfarrġu lill-familja tagħhom. Huma jistgħu jgħinu lill-membri kollha tal-familja jissaportu l-provi issa u fil-futur.
18. X’jistaʼ jgħinna nissaportu minkejja kwalunkwe prova?
18 Illum, in-nies taʼ Ġeħova qed isibu l-faraġ permezz tat-talb, meditazzjoni fuq eżempji Bibliċi, u ħbiberiji mill-qrib maʼ ħuthom. (Aqra Salm 145:18, 19.) Aħna nafu li Ġeħova dejjem lest biex ifarraġna, u hu bla dubju se jgħinna nissaportu kwalunkwe prova li jistaʼ jkollna!