Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Appoġġja s-sovranità taʼ Ġeħova!

Appoġġja s-sovranità taʼ Ġeħova!

“Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha.”—RIVELAZZJONI 4:11.

GĦANJIET: 112, 133

1, 2. Kull wieħed u waħda minna minn xiex jeħtieġ ikun ċert? (Ara l-​ewwel stampa.)

BĦALMA ddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel dan, ix-​Xitan isostni li Ġeħova ma jistħoqqlux imexxi lill-​umanità. Hu jgħid li Ġeħova ma jmexxix bil-​ġustizzja u li l-​bnedmin kienu jkunu iżjed ferħanin kieku mexxew lilhom infushom. Qiegħed jgħid sew Satana? Immaġina kieku l-​bnedmin jistgħu jmexxu lilhom infushom u jgħixu għal dejjem. Kienu se jkunu iktar ferħanin milli kieku mmexxijin minn Alla? Kont int se tkun iktar ferħan li kieku tistaʼ tgħix għal dejjem u tkun kompletament indipendenti minn Alla?

2 Ħadd ma jistaʼ jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet għalik. Kull wieħed u waħda minna jeħtieġ li jaħseb dwarhom sew. Imbagħad għandu jkun ċar li l-​mod kif imexxi Ġeħova hu l-​aħjar u li hu jistħoqqlu l-​appoġġ tagħna b’qalb sħiħa. Nistgħu nkunu ċerti minn dan minħabba dak li naqraw fil-​Bibbja. Ejja naraw x’tgħid il-​Bibbja dwar id-​dritt li Ġeħova għandu biex imexxi l-​univers.

ĠEĦOVA GĦANDU D-​DRITT LI JMEXXI

3. Ġeħova għala għandu d-​dritt li jkun is-​Sovran?

3 Ġeħova hu l-​uniku Sovran tal-​univers għax hu l-​Alla li jistaʼ kollox u l-​Ħallieq. (1 Kronaki 29:11; Atti 4:24) F’viżjoni tas-​sema, il-​144,000 sultan imseħbin maʼ Kristu qalu: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha, u bir-​rieda tiegħek eżistew u nħolqu.” (Rivelazzjoni 4:11) Ġeħova ħalaq l-​affarijiet kollha, allura hu għandu d-​dritt li jmexxi fuq kulħadd, kemm jekk fuq l-​art kif ukoll fis-​sema.

4. Il-​libertà tal-​għażla għala ma tagħtiniex id-​dritt li nirribellaw kontra Alla?

4 Satana ma ħalaq xejn. Allura m’għandu l-​ebda dritt biex imexxi l-​univers. Kemm Satana kif ukoll l-​ewwel koppja umana kienu insolenti meta rribellaw kontra s-​sovranità taʼ Ġeħova. (Ġeremija 10:23) Il-​libertà tal-​għażla li kellhom tathom id-​dritt li jiċħdu t-​tmexxija taʼ Ġeħova? Le. Il-​libertà tal-​għażla tagħti d-​dritt lil xi ħadd biex jagħmel għażliet u jieħu deċiżjonijiet imma mhux id-​dritt biex jirribella kontra l-​Ħallieq, Ġeħova. Biċ-​ċar, ir-​ribell kontra Alla hu użu ħażin tal-​libertà tal-​għażla. Bħala bnedmin, għandna bżonn it-​tmexxija u l-​gwida taʼ Ġeħova.

Kull liġi, prinċipju, u deċiżjoni li tiġi mingħand Ġeħova hi ġusta u tajba

5. Id-​deċiżjonijiet t’Alla għala huma dejjem ġusti?

5 Aħseb f’raġuni oħra għala Ġeħova għandu d-​dritt li jmexxi. Hu juża l-​awtorità tiegħu b’mod perfettament ġust. Hu jgħidilna: “Jien Ġeħova, Dak li juri l-​qalb tajba bl-​imħabba, il-​ġustizzja u s-​sewwa fuq l-​art; għax b’dawn l-​affarijiet nitgħaxxaq.” (Ġeremija 9:24) Ġeħova m’għandux bżonn liġijiet tal-​bnedmin biex jgħinuh jiddeċiedi x’inhu tajjeb. Minflok, hu jistabbilixxi livelli għal dak li hu tajjeb. U skont il-​ġustizzja perfetta tiegħu, Ġeħova ta liġijiet lill-​bnedmin. Is-​salmista qal: “Fuq is-​sewwa u l-​ġudizzju hu stabbilit it-​tron tiegħek.” Allura kull liġi, prinċipju, u deċiżjoni li tiġi mingħand Ġeħova hi tajba. (Salm 89:14; 119:128) Satana jsostni li Ġeħova mhux Mexxej ġust. Madankollu, Satana ma jistax iġib ġustizzja lid-​dinja.

6. X’inhi raġuni waħda għala Ġeħova għandu d-​dritt li jmexxi?

6 Raġuni oħra għala Ġeħova għandu d-​dritt li jmexxi hi li għandu l-​għarfien u l-​għerf biex jieħu ħsieb l-​univers. Aħna naraw dan mill-​mod kif ta lil Ibnu l-​abbiltà li jfejjaq mard li ebda tabib ma setaʼ jfejjaq. (Mattew 4:23, 24; Marku 5:25-​29) Għalkemm dawn huma mirakli għalina, għal Ġeħova ma kinux mirakli. Hu jifhem kif jaħdem il-​ġisem u jistaʼ jfejqu minn kwalunkwe ħaġa. Hu jistaʼ wkoll iġib lill-​mejtin lura għall-​ħajja u jwaqqaf diżastri naturali milli jseħħu.

7. Ġeħova kif inhu iżjed għaref minn kwalunkwe persuna fid-​dinja taʼ Satana?

7 Id-​dinja mmexxija minn Satana ma tistax iġġib paċi, la f’pajjiż wieħed u lanqas bejn il-​pajjiżi. Ġeħova biss għandu l-​għerf biex iġib paċi dinjija. (Isaija 2:3, 4; 54:13) Aħna nħossuna bħalma ħassu l-​appostlu Pawlu meta qal: “O kemm huma profondi r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-​ġudizzji tiegħu, u kemm huma bla tarf triqatu!”—Rumani 11:33.

IT-​TMEXXIJA TAʼ ĠEĦOVA HI L-​AĦJAR

8. Int kif tħossok dwar il-​mod kif Ġeħova jmexxi?

8 Bħalma rajna, il-​Bibbja turina biċ-​ċar li Ġeħova għandu d-​dritt li jmexxi. Turi wkoll għala hu l-​aħjar Mexxej. Raġuni waħda hi li hu jmexxi bi mħabba. Aħna nħossuna qrib tiegħu meta naħsbu dwar kemm hu “ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità.” (Eżodu 34:6) Alla jittrattana b’dinjità u rispett. Hu jieħu ħsiebna aħjar milli aħna nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna. Ix-​Xitan jgħid li Ġeħova jżomm lura affarijiet tajbin mill-​qaddejja Tiegħu, imma din gidba. Alla saħansitra ta lill-​Iben prezzjuż tiegħu biex b’hekk aħna jistaʼ jkollna t-​tama li ngħixu għal dejjem.—Aqra Salm 84:11; Rumani 8:32.

Ġeħova jieħu ħsiebna aħjar milli aħna nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna

9. Kif nafu li Alla jieħu ħsiebna bħala individwi?

9 Ġeħova jħobb lin-​nies kollha tiegħu bħala grupp. Imma hu wkoll interessat ħafna f’kull persuna. Aħseb x’ġara fiż-​żminijiet tal-​qedem. Għal madwar tliet mitt sena, Ġeħova uża mħallfin biex jiggwidaw lill-​ġens tiegħu u jrebbaħhom fuq l-​għedewwa tagħhom. Imma matul daż-​żmien kollu, Ġeħova xorta ta kas nies individwalment. Waħda minn dawn kienet mara jisimha Rut. Ma kinitx Iżraelija, u kienet ċediet ħafna affarijiet biex issir aduratriċi taʼ Ġeħova. Hu ppremjaha b’raġel u iben. Imma iżjed minn hekk, it-​tifel taʼ Rut sar wieħed mid-​dixxendenti li wasslu għall-​Messija. Ġeħova wkoll ra li tinkiteb l-​istorja taʼ Rut fil-​Bibbja, ktieb li ssemma għaliha. Kif taħseb li se tħossha Rut meta tiġi lura għall-​ħajja u ssir taf dwar dawn l-​affarijiet?—Rut 4:13; Mattew 1:5, 16.

10. Għala nistgħu ngħidu li t-​tmexxija taʼ Ġeħova mhijiex kiefra?

10 It-​tmexxija taʼ Ġeħova mhijiex kiefra. Pjuttost, dawk li jobduh iħossuhom liberi u ferħanin. (2 Korintin 3:17) Dwar Ġeħova, David qal: “Dinjità u glorja hemm quddiemu, saħħa u ferħ hemm f’postu.” (1 Kronaki 16:7, 27) Is-​salmista Etan kiteb: “Henjin in-​nies li jafu x’inhu l-​għajat ferrieħi. O Ġeħova, fid-​dawl taʼ wiċċek jibqgħu mexjin. Minħabba ismek jifirħu l-​jum kollu u bis-​sewwa tiegħek jitgħollew.”—Salm 89:15, 16.

11. Kif nistgħu saħansitra nsiru iktar konvinti li s-​sovranità taʼ Ġeħova hi l-​aħjar?

11 Iktar ma nimmeditaw fuq it-​tjubija taʼ Ġeħova, iktar insiru konvinti li t-​tmexxija tiegħu hi l-​aħjar. Aħna nħossuna bħas-​salmista li qal lil Alla: “Jum wieħed fil-​btieħi tiegħek aħjar minn elf band’oħra.” (Salm 84:10) Bħala d-​Disinjatur u l-​Ħallieq tagħna kollu mħabba, hu jaf eżattament x’jagħmilna ferħanin. B’mod ġeneruż jagħtina bil-​wisq iżjed milli għandna bżonn. Kulma Ġeħova jitlobna nagħmlu hu għall-​ġid tagħna stess. Anke jekk ikollna nagħmlu sagrifiċċji, dejjem se nkunu ferħanin jekk nobdu lil Ġeħova.—Aqra Isaija 48:17.

12. X’inhi r-​raġuni primarja għala nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova?

12 Il-​Bibbja tgħallimna li wara r-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu, xi wħud se jirribellaw kontra s-​sovranità taʼ Ġeħova. (Rivelazzjoni 20:7, 8) X’se jġegħelhom jagħmlu dan? F’dak iż-​żmien, ix-​Xitan se jipprova jġiegħel lin-​nies jaġixxu b’mod egoist. Hu minn dejjem għamel dan. Hu għandu mnejn jipprova jikkonvinċi lin-​nies li huma jistgħu jgħixu għal dejjem mingħajr ma jobdu lil Ġeħova. Dan qatt ma jistaʼ jkun veru. Iżda għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien se nemmen gidba bħal din?’ Jekk verament inħobbu lil Ġeħova u aħna konvinti li hu tajjeb u li għandu d-​dritt li jmexxi l-​univers, imbagħad gidba bħal dik se tkun diżgustanti għalina. Aħna se nkunu rridu biss ngħixu taħt is-​sovranità taʼ Ġeħova, li jmexxi bi mħabba.

APPOĠĠJA LEALMENT IS-​SOVRANITÀ T’ALLA

13. Kif nappoġġjaw is-​sovranità t’Alla meta nimitawh?

13 Bħalma rajna, Ġeħova għandu d-​dritt li jmexxi, u l-​mod taʼ tmexxija tiegħu hu l-​aħjar. Is-​sovranità tiegħu jistħoqqilha l-​appoġġ sħiħ tagħna. Aħna nappoġġjawha meta nkunu leali lejn Ġeħova u nimitawh. Meta nagħmlu l-​almu tagħna biex naġixxu bil-​mod kif kieku jaġixxi Ġeħova, aħna nuru li nħobbu u nappoġġjaw il-​mod kif hu jmexxi.—Aqra Efesin 5:1, 2.

14. L-​anzjani u l-​kapijiet tal-​familja kif jistgħu jimitaw lil Ġeħova?

14 Mill-​Bibbja nitgħallmu li Ġeħova dejjem juża l-​qawwa tiegħu bi mħabba. Kapijiet tal-​familja u anzjani li jħobbu s-​sovranità taʼ Ġeħova se jimitawh u mhux ikunu ħorox jew dominanti. L-​appostlu Pawlu stinka biex jimita lil Alla u lil Ibnu. (1 Korintin 11:1) Hu ma ġegħelx lil oħrajn jistħu jew sforzahom jagħmlu s-​sewwa. Minflok, b’qalb tajba mmotivahom jagħmlu s-​sewwa. (Rumani 12:1; Efesin 4:1; Filemon 8-​10) Billi għamel dan, Pawlu imita lil Ġeħova. Meta nittrattaw lil oħrajn bi mħabba, aħna nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova.

15. Kif nappoġġjaw it-​tmexxija taʼ Ġeħova billi nirrispettaw lil dawk fl-​awtorità?

15 Aħna nappoġġjaw ukoll it-​tmexxija taʼ Ġeħova billi nirrispettaw lil dawk li lilhom ta awtorità u nikkooperaw magħhom. Anke jekk ma nifhmux jew ma naqblux għalkollox maʼ xi deċiżjoni li jieħdu, xorta nappoġġjawhom. Dan mhuwiex dak li tagħmel id-​dinja, imma hu dak li nagħmlu aħna meta naċċettaw lil Ġeħova bħala l-​Mexxej tagħna. (Efesin 5:22, 23; 6:1-​3; Ebrej 13:17) U mbagħad se nkunu ferħanin, għax Alla jrid l-​aħjar għalina.

16. Id-​deċiżjonijiet li nieħdu kif jistgħu juru li nappoġġjaw is-​sovranità t’Alla?

16 Aħna nistgħu nappoġġjaw ukoll is-​sovranità t’Alla permezz tad-​deċiżjonijiet li nieħdu. Ġeħova ma jagħtiniex kmand speċifiku għal kull sitwazzjoni fil-​ħajja. Minflok, hu jgħidilna kif jaħsibha. Dan jgħinna nifhmu x’għandna nagħmlu. Pereżempju, Ġeħova ma jagħtix lista lill-​Kristjani taʼ x’għandhom jew x’m’għandhomx jilbsu. Minflok, jispjega li għandna nidhru modesti u jkollna dinjità bħala x-​Xhieda tiegħu. (1 Timotju 2:9, 10) Hu jridna naħsbu dwar kif id-​deċiżjonijiet tagħna jaffettwaw lil oħrajn. (1 Korintin 10:31-​33) Meta nieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq kif jaħsibha Ġeħova, aħna nuru li nħobbu u nappoġġjaw il-​mod taʼ tmexxija tiegħu.

Appoġġja s-sovranità t’Alla fid-deċiżjonijiet tiegħek u fl-attivitajiet bħala familja (Ara paragrafi 16-18)

17, 18. Koppji miżżewġin kif jistgħu juru li jappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova?

17 Ikkunsidra mod wieħed kif Kristjani miżżewġin jistgħu jappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova. Żwieġ taʼ koppja għandu mnejn ma jkunx dak li stennew li se jkun. Huma jistgħu saħansitra jkunu għaddejjin minn problemi serji. Jekk dan hu minnu, jistgħu jibbenefikaw milli jaħsbu dwar kif Ġeħova ttratta mal-​ġens tal-​Iżrael tal-​qedem. Ġeħova ddeskriva lilu nnifsu bħal raġel miżżewweġ għan-​nies tiegħu. (Isaija 54:5; 62:4) Il-​ġens iddiżappunta lil Ġeħova ħafna drabi. Din ir-​relazzjoni kienet qisha żwieġ bil-​problemi. Iżda Ġeħova ma kienx ħafif biex jaqtaʼ qalbu mill-​poplu tiegħu. Minflok, ħafrilhom darba wara l-​oħra u żamm il-​wegħdi tiegħu magħhom.—Aqra Salm 106:43-​45.

18 Kristjani miżżewġin li jħobbu lil Ġeħova jipprovaw jimitawh. Anke jekk hemm il-​problemi fiż-​żwieġ tagħhom, huma ma jfittxux għal xi mod mhux Skritturali biex itemmuh. Huma jafu li Ġeħova jqishom serji l-​wegħdi taż-​żwieġ u jrid li raġel u mara miżżewġin ‘jingħaqdu’ flimkien. L-​unika raġuni Skritturali għala xi ħadd jistaʼ jiddivorzja u jkun ħieles li jerġaʼ jiżżewweġ hi l-​immoralità sesswali. (Mattew 19:5, 6, 9) Meta l-​Kristjani jagħmlu kulma jistgħu biex iż-​żwieġ tagħhom jirnexxi, huma jkunu qed jappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova.

19. X’għandna nagħmlu meta niżbaljaw?

19 Ilkoll kemm aħna imperfetti, u kultant nagħmlu affarijiet li jiddiżappuntaw lil Ġeħova. Hu jafu dan, u huwa għalhekk li pprovda l-​fidwa taʼ Kristu. Allura meta niżbaljaw, għandna nitolbu maħfra lil Ġeħova. (1 Ġwanni 2:1, 2) Minflok ma nibqgħu nħossuna skuraġġiti dwar l-​iżball tagħna, aħna nistgħu nipprovaw nitgħallmu minnu. Aħna rridu nibqgħu qrib Ġeħova, li se jaħfrilna u jgħinna nfiqu u nkomplu naqduh.—Salm 103:3.

20. Għala għandna nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova issa?

20 Fid-​dinja l-​ġdida, kulħadd se jkun immexxi minn Ġeħova u se jitgħallem il-​mogħdijiet ġusti tiegħu. (Isaija 11:9) Imma anke issa nistgħu nitgħallmu ħafna dwar kif jaħsibha u kif iridna nittrattaw mal-​affarijiet. Dalwaqt, ħadd mhu se jiddubita d-​dritt t’Alla li jmexxi. Mela ejja nagħmlu kulma nistgħu issa biex nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova billi nobduh, naqduh lealment, u nipprovaw nagħmlu mill-​aħjar biex nimitawh f’kulma nagħmlu.