Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-paċi—Kif tistaʼ ssibha?

Il-paċi—Kif tistaʼ ssibha?

AĦNA ngħixu f’dinja mimlija stress, allura jistaʼ jkun diffiċli li nsibu l-​paċi. Anki meta jkollna ftit paċi, malajr nistgħu nitilfuha. X’tgħid il-​Bibbja li jistaʼ jgħinna nsibu l-​paċi vera li tibqaʼ? U kif nistgħu ngħinu lil oħrajn jagħmlu dan?

X’GĦANDNA BŻONN NAGĦMLU?

Biex insibu l-​paċi vera, aħna għandna bżonn inħossuna protetti. Għandna bżonn ikollna ħbieb veri, imma l-​iktar importanti hu li nkunu ħbieb maʼ Ġeħova. Kif nistgħu nagħmlu dan?

Il-​kmandi u l-​prinċipji taʼ Ġeħova dejjem huma tajbin għalina. Meta nobduhom, aħna nuru li nafdaw f’Ġeħova u nixtiequ li jkollna ħbiberija taʼ paċi miegħu. (Ġeremija 17:7, 8; Ġakbu 2:22, 23) Imbagħad, Ġeħova se jsir il-​ħabib tagħna u jagħtina l-​paċi tal-​moħħ. Isaija 32:17 jgħid li r-​riżultat tas-​sewwa veru jkun il-​paċi, u l-​frott tas-​sewwa veru jkun it-​trankwillità u s-​sigurtà għal dejjem. Aħna nistgħu nsibu l-​paċi vera meta nobdu lil Ġeħova mill-​qalb.—Isaija 48: 18, 19.

L-ansjetà tisirqilna l-paċi tagħna

Ġeħova tana wkoll rigal prezzjuż li jistaʼ jgħinna jkollna l-​paċi li tibqaʼ. Dan ir-​rigal hu l-​ispirtu qaddis tiegħu.—Atti 9:31.

L-​ISPIRTU T’ALLA JGĦINNA JKOLLNA IKTAR PAĊI

L-​appostlu Pawlu qal li l-​paċi hija parti mill-​“frott taʼ l-​ispirtu.” (Galatin 5:22, 23) Allura la l-​ispirtu t’Alla jipproduċi l-​paċi, aħna rridu nħallu l-​ispirtu qaddis jiggwidana jekk irridu l-​paċi. Kif nistgħu nagħmlu dan?

L-​ewwel, aħna rridu naqraw il-​Kelma t’Alla regolarment. (Salm 1:2, 3) Hekk kif naħsbu fil-​fond dwar dak li naqraw, l-​ispirtu qaddis jgħinna biex nifhmu kif Ġeħova jaħseb dwar diversi suġġetti. Pereżempju, nitgħallmu kif hu jżomm il-​paċi u għala l-​paċi hi daqshekk importanti għalih. Meta napplikaw dak li nitgħallmu mill-​Bibbja, aħna se jkollna iktar paċi f’ħajjitna.—Proverbji 3:1, 2.

It-​tieni, għandna nitolbu lil Alla għall-​ispirtu qaddis tiegħu. (Luqa 11:13) Ġeħova jwiegħed lil dawk li jitolbuh għall-​għajnuna: “Il-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Meta aħna nkunu ħbieb taʼ Ġeħova u nistrieħu fuq l-​ispirtu tiegħu, hu jagħtina l-​paċi vera tal-​moħħ.—Rumani 15:13.

Il-​Bibbja għenet lil ħafna nies jagħmlu bidliet f’ħajjithom, u issa dawn igawdu l-​paċi maʼ Ġeħova, il-​paċi tal-​moħħ, u l-​paċi m’oħrajn. Kif għamlu dawn il-​bidliet?

KIF XI WĦUD SABU L-​PAĊI VERA

Qabel ma daħlu fil-​verità, xi aħwa kienu nervużi u anki vjolenti. Imma huma ħadmu iebes biex jinbidlu, u issa huma iktar qalbhom tajba, paċenzjużi, u jżommu l-​paċi m’oħrajn. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Proverbji 29:22) Ara kif ħu jismu David u oħt jisimha Rachel irnexxielhom jagħmlu bidliet bħal dawn fil-​personalità tagħhom.

Aħna nistgħu nsibu l-paċi jekk napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja u nitolbu għall-ispirtu t’Alla

Qabel David ġie fil-​verità, spiss kien jikkritika lil oħrajn u jitkellem mal-​familja tiegħu bl-​aħrax. Imma mbagħad induna li kellu bżonn jinbidel. Kif sab il-​paċi? Hu jgħid, “Bdejt napplika prinċipji tal-​Bibbja f’ħajti, u permezz t’hekk, ir-​rispett bejni u bejn il-​membri tal-​familja tiegħi kiber.”

Rachel kienet effettwata bil-​mod kif trabbiet. Hi tispjega, “Anki issa, niġġieled m’emozzjonijiet taʼ rabja għax jien trabbejt f’dar fejn kulħadd kien irrabjat.” Rachel kif irnexxielha ssib il-​paċi? Hi tgħid, “Nistrieħ fuq Ġeħova għall-​għajnuna bit-​talb.”

David u Rachel huma biss żewġ eżempji taʼ nies li issa għandhom il-​paċi għax applikaw prinċipji tal-​Bibbja u straħu fuq l-​ispirtu qaddis. Għalkemm ngħixu f’dinja rrabjata, aħna xorta jistaʼ jkollna l-​paċi tal-​moħħ. Dan jagħmilha eħfef għalina biex ningwalawha mal-​membri tal-​familja tagħna u maʼ ħutna fil-​kongregazzjoni. Imma Ġeħova jgħidilna biex inżommu “l-​paċi mal-​bnedmin kollha.” (Rumani 12:18) Dan veru hu possibbli? U għala għandna nipprovaw inkunu fil-​paċi m’oħrajn?

AĦDEM BIEX TKUN FIL-​PAĊI M’OĦRAJN

Fl-​ippritkar tagħna, aħna nxandru messaġġ taʼ paċi dwar is-​Saltna t’Alla. (Isaija 9:6, 7; Mattew 24:14) Ħafna jogħġobhom dan il-​messaġġ u jaċċettawh. B’hekk, issa m’għadhomx iħossuhom bla tama jew irrabjati minħabba dak li qed jiġri fid-​dinja. Huma issa għandhom tama vera għall-​futur, u dan iġegħelhom ikunu jridu ‘jfittxu l-​paċi.’—Salm 34:14.

Però, mhux kulħadd jogħġbu mill-​ewwel il-​messaġġ tagħna. (Ġwanni 3:19) Minkejja kif iwieġbu n-​nies, Alla jagħtina l-​ispirtu tiegħu. Dan jgħinna jkollna l-​paċi u nuru r-​rispett meta nippritkaw. B’dan il-​mod, aħna nobdu l-​parir taʼ Ġesù: “Meta tidħlu f’xi dar, sellmu lil tad-​dar; u jekk id-​dar jistħoqqilha, ħa tiġi fuqha l-​paċi li tixtiqulha; imma jekk ma jistħoqqilhiex, ħa terġaʼ lura għandkom il-​paċi tagħkom.” (Mattew 10:11-13) Meta jkollna din l-​attitudni, aħna jistaʼ jibqaʼ jkollna l-​paċi minkejja dak li oħrajn jgħidu jew jagħmlu. U tinsiex, ’il quddiem xorta jistaʼ jkollna ċ-​ċans ngħinu lil dawn in-​nies.

Aħna nsaħħu l-​paċi wkoll billi nitkellmu b’rispett mal-​uffiċjali tal-​gvern, anki jekk dawn ikunu kontra x-​xogħol tagħna. Pereżempju, f’pajjiż Afrikan, il-​gvern ma ħalliniex nibnu Swali tas-​Saltna. Ħutna kienu jafu li jkun aħjar jekk isolvu din il-​problema bil-​paċi. Huma qalu lil ħu li darba kien missjunarju fl-​Afrika biex imur għand l-​Ambaxxatur f’Londra, l-​Ingilterra, u jitkellem miegħu fuq ix-​xogħol taʼ paċi li jagħmlu x-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Il-​ħu qal: “Meta dħalt fir-​reception, minn kif kienet liebsa r-​receptionist indunajt li kienet mit-​tribù li jien kont tgħallimt il-​lingwa tagħhom. Għalhekk, kellimtha bil-​lingwa tagħha. Hi ma riditx temmen, u staqsietni, ‘Fiex nistaʼ nkun t’għajnuna?’ B’rispett għedtilha li xtaqt inkellem lill-​Ambaxxatur. Hi ċemplitlu u ħareġ jilqagħni bil-​lingwa tal-​lokal. Wara dan, hu semagħni b’attenzjoni hekk kif jien spjegajtlu dwar l-​attivitajiet taʼ paċi tagħna bħala Xhieda.”

Wara li l-​Ambaxxatur semaʼ dak li kellu jgħid il-​ħu, hu fehem aħjar xogħolna u ma baqax preġudikat daqs qabel. Wara ftit, il-​gvern biddel id-​deċiżjoni tiegħu u ħalla lix-​Xhieda taʼ Ġeħova jibnu Swali tas-​Saltna. L-​aħwa kienu ferħanin ħafna! Dan juri ċar li meta nittrattaw lil oħrajn bir-​rispett, aħna nżidu l-​paċi.

GAWDI L-​PAĊI GĦAL DEJJEM

Illum, il-​poplu taʼ Ġeħova jgawdu ġenna spiritwali, hekk kif iqimuh fil-​paċi. Kull wieħed minna jistaʼ jżid maʼ din il-​paċi billi jaħdem ħalli jkollu iktar paċi fil-​ħajja personali tiegħu. Imbagħad nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jkun kuntent bina. U fid-​dinja l-​ġdida tiegħu, hu se jagħtina l-​paċi li tibqaʼ għal dejjem.—2 Pietru 3:13, 14.

^ par. 13 Se niddiskutu l-​kwalità tal-​qalb tajba f’artiklu ieħor f’din is-​serje dwar il-​frott tal-​ispirtu qaddis t’Alla.