ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 26
Għin lil oħrajn ikampaw mal-istress
“Intom ilkoll kunu fehma waħda, billi tħossu għal xulxin, turu affezzjoni lejn l-aħwa, tagħdru b’tenerezza, [u] tkunu umli.”—1 PT. 3:8.
GĦANJA 107 Il-mudell divin tal-imħabba
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Kif nistgħu nimitaw lil Missierna kollu mħabba, Ġeħova?
ĠEĦOVA jħobbna ħafna. (Ġw. 3:16) Aħna rridu nimitaw lil Missierna kollu mħabba. Għalhekk nipprovaw ‘inħossu għal xulxin, nuru affezzjoni lejn l-aħwa, u nagħdru b’tenerezza’ lil kulħadd imma speċjalment lil dawk li ‘jiġu minna fil-fidi.’ (1 Pt. 3:8; Gal. 6:10) Meta l-membri tal-familja spiritwali tagħna jiffaċċjaw sfidi stressanti, aħna nkunu rridu ngħinuhom.
2. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
2 Kull min irid ikun parti mill-familja taʼ Ġeħova se jiffaċċja sitwazzjonijiet stressanti. (Mk. 10:29, 30) Hekk kif it-tmiem taʼ din is-sistema joqrob, x’aktarx se jkollna nkampaw maʼ iktar provi. Kif nistgħu ngħinu lil xulxin? Ejja nikkunsidraw dak li nistgħu nitgħallmu mir-rakkonti tal-Bibbja dwar Lot, Ġob, u Nagħomi. Ukoll se niddiskutu ftit mill-isfidi li ħutna rġiel u nisa jiffaċċjaw illum u se naraw kif nistgħu ngħinuhom ikampaw mal-problemi.
KUN PAĊENZJUŻ
3. Dwar liema deċiżjoni ħażina li ħa Lot naqraw fit-2 Pietru 2:7, 8, u x’konsegwenzi bata?
3 Lot ħa deċiżjoni ħażina meta għażel li jmur jgħix fost in-nies immorali ħafna f’Sodoma. (Aqra t-2 Pietru 2:7, 8.) Ir-reġjun kien imsoqqi tajjeb, imma Lot ħallas prezz qares talli mar joqgħod hemm. (Ġen. 13:8-13; 14:12) Milli jidher martu tant kienet tħobb il-belt jew ftit min-nies t’hemm li ma obdietx lil Ġeħova. Hi tilfet ħajjitha meta Alla ġab xita taʼ nar u kubrit fuq dak ir-reġjun. U aħseb fil-bniet taʼ Lot. Huma kienu tgħarrsu rġiel li mietu f’Sodoma. Lot tilef daru, l-affarijiet li kellu, u l-iktar telfa taʼ wġigħ kienet dik taʼ martu. (Ġen. 19:12-14, 17, 26) Matul dak il-perjodu stressanti, tilef Ġeħova l-paċenzja maʼ Lot? Le.
4. Ġeħova kif wera paċenzja maʼ Lot? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
4 Għalkemm Lot għażel li jgħix f’Sodoma, Ġeħova wera l-mogħdrija li għandu billi bagħat l-anġli biex isalvaw lilu u lill-familja tiegħu. Però, minflok ma obda mill-ewwel il-kmand urġenti li qalulu l-anġli biex jitlaq minn Sodoma, Lot “baqaʼ jitnikker.” L-anġli kellhom jaqbduh minn idu u jgħinu lilu u lil familtu jaħarbu mill-belt. (Ġen. 19:15, 16) L-anġli mbagħad qalulu biex jaħrab lejn ir-reġjun muntanjuż. Imma minflok ma obda lil Ġeħova, Lot talab biex imur f’belt eqreb. (Ġen. 19:17-20) Ġeħova bil-paċenzja semgħu u aċċetta li Lot imur f’dik il-belt. Iktar tard, Lot beda jibżaʼ jgħix hemm u mar joqgħod fir-reġjun muntanjuż, l-istess post fejn Ġeħova kien qallu jmur fil-bidu. (Ġen. 19:30) X’paċenzja tal-għaġeb wera Ġeħova! Kif nistgħu aħna nimitawh?
5-6. Hekk kif nimitaw lil Alla, kif nistgħu napplikaw l-1 Tessalonikin 5:14?
5 Bħal Lot, membru mill-familja spiritwali tagħna għandu mnejn jieħu deċiżjonijiet ħżiena u minħabba f’hekk iġib problemi serji fuqu. Jekk dan jiġri, aħna x’se nagħmlu? Jaf ikollna aptit ngħidulu li qed jaħsad dak li żeraʼ, u ma nkunux qed ngħidu ħażin. (Gal. 6:7) Però, ikun aħjar jekk ngħinuh billi nimitaw dak li għamel Ġeħova maʼ Lot. Kif?
6 Ġeħova bagħat l-anġli mhux biss biex iwissi lil Lot imma wkoll biex jgħinu jaħrab mid-diżastru li kien ġej fuq Sodoma. Bl-istess mod, għandu mnejn ikollna bżonn inwissu lil xi ħu jekk naraw li qed jagħmel xi ħaġa li tistaʼ twasslu fl-inkwiet. Imma forsi nkunu nistgħu ngħinuh ukoll. Anki jekk ma japplikax mill-ewwel id-direzzjoni taʼ Ġeħova mill-Bibbja, għandna bżonn inkunu paċenzjużi. Kun bħal dawk iż-żewġ anġli. Minflok ma naqtgħu qalbna u nwarrbu lill-ħu, għandna ngħinuh mhux biss bil-kliem imma wkoll bl-azzjonijiet. (1 Ġw. 3:18) B’mod figurattiv, għandu mnejn ikollna noffru li naqbduh minn idu, jiġifieri, ngħinuh japplika l-parir mill-Bibbja.—Aqra l-1 Tessalonikin 5:14.
7. Kif nistgħu nimitaw il-mod kif Ġeħova ħassu dwar Lot?
7 Ġeħova setaʼ ffoka fuq in-nuqqasijiet taʼ Lot. Minflok, hu iktar tard nebbaħ lill-appostlu Pietru biex jirreferi għal Lot bħala raġel sewwa. Kemm aħna ferħanin li Ġeħova jaħfer l-iżbalji tagħna! (Salm 130:3) Nistgħu nimitaw il-mod kif Ġeħova ħassu dwar Lot? Jekk niffokaw fuq il-kwalitajiet tajbin taʼ ħutna, aħna se nkunu iktar paċenzjużi magħhom. Imbagħad, dan se jagħmilhielhom eħfef biex jaċċettaw l-għajnuna li noffru.
URI MOGĦDRIJA
8. Il-mogħdrija x’se ġġegħelna nagħmlu?
8 Għall-kuntrarju taʼ Lot, Ġob ma batiex minħabba xi deċiżjoni ħażina li ħa. Minkejja dan, hu għadda minn problemi serji. Hu tilef dak kollu li kellu, il-pożizzjoni tiegħu fil-komunità, u s-saħħa tajba li kellu. Agħar minn hekk, hu u martu tilfu t-tfal tagħhom kollha fil-mewt. Ġob ġie anki akkużat minn tlett iħbieb foloz. X’kienet raġuni waħda għala huma ma wrewx mogħdrija lejh?
Huma ma pprovawx jifhmu x’kien verament qed jiġrilu. Minħabba f’hekk, qabżu għal konklużjonijiet żbaljati u ġġudikawh bl-aħrax. Kif nistgħu nevitaw li nagħmlu żball simili? Irrealizza li Ġeħova biss jaf il-fatti kollha dwar is-sitwazzjoni tal-persuna. Ismaʼ b’attenzjoni dak li għandha x’tgħid il-persuna li qed tbati. Mhux biss trid tismaʼ x’qed tgħid, imma anki tipprova tħoss l-uġigħ tagħha. Hekk biss se tkun tistaʼ turi li ġenwinament tħoss għal ħuk jew oħtok.9. X’se nevitaw jekk ikollna l-mogħdrija, u għala?
9 Il-mogħdrija se żżommna lura milli nxerrdu seksik taʼ ħsara dwar il-problemi li oħrajn qed jiffaċċjaw. Wieħed li jseksek ma jibnix il-kongregazzjoni, imma jkissirha. (Prov. 20:19; Rum. 14:19) Hu ma jitkellimx b’qalb tajba imma bla ħsieb, u kliemu jistaʼ jweġġaʼ lil persuna li diġà qed tbati. (Prov. 12:18; Efes. 4:31, 32) Kemm ikun aħjar meta nfittxu għall-kwalitajiet tajbin taʼ persuna u naħsbu dwar kif nistgħu ngħinuha tkampa mal-provi!
10. Il-kliem taʼ Ġob 6:2, 3 x’jgħallimna?
10 Aqra Ġob 6:2, 3. Ġob, xi drabi qal “diskors bla ħsieb.” Però, iktar tard ammetta li xi ftit mill-affarijiet li qal kienu ħżiena. (Ġob 42:6) Bħal Ġob, illum xi ħadd li jkun għaddej minn problema stressanti għandu mnejn jgħid affarijiet li ma jkunx irid jgħid, u li wara jiddispjaċih li qalhom. Kif għandna nirreaġixxu? Minflok ma nikkritikawh, għandna nuru mogħdrija. Żomm f’moħħok li Ġeħova ma kellux l-intenzjoni li jkollna l-problemi u l-istress li qed niffaċċjaw illum. Allura se nifhmu jekk qaddej leali taʼ Ġeħova jitkellem bla ħsieb meta jkun taħt stress kbir. Anki jekk jgħid affarijiet mhux korretti dwar Ġeħova jew dwarek, m’għandekx tkun ħafif biex tirrabja miegħu jew tiġġudikah għal dak li qal.—Prov. 19:11.
11. Kif jistgħu l-anzjani jimitaw lil Eliħu meta jagħtu parir?
11 Xi kultant, persuna li tkun qed tkampa maʼ problema stressanti jkollha bżonn ukoll xi parir jew dixxiplina taʼ għajnuna. (Gal. 6:1) Kif jistgħu l-anzjani jagħmlu dan? Huma għandhom jimitaw lil Eliħu, li semaʼ b’mod li wera li ħass ħafna għal Ġob. (Ġob 33:6, 7) Eliħu offra l-parir tiegħu biss wara li kien fehem dak li kien qed jaħseb Ġob. Anzjani li jsegwu l-eżempju taʼ Eliħu se jisimgħu b’attenzjoni u jipprovaw jifhmu s-sitwazzjoni tal-persuna. Imbagħad, xħin joffru parir, iktar se jkollhom ċans jilħqu l-qalb tal-persuna.
KUN TAʼ FARAĠ
12. X’effett kellha fuq Nagħomi l-mewt tar-raġel u ż-żewġ subien tagħha?
12 Nagħomi kienet mara leali li ħabbet lil Ġeħova. Imma wara l-mewt tar-raġel u ż-żewġ subien tagħha, hi riedet tbiddel isimha minn Nagħomi għal “Mâra,” li jfisser “Morra.” (Rut 1:3, 5, 20, ntt., 21) Il-mara tat-tifel, Rut, baqgħet maʼ Nagħomi matul il-provi tagħha. Rut mhux biss għenitha jkollha l-affarijiet li kellha bżonn imma wkoll tkellmet b’mod taʼ faraġ maʼ Nagħomi. Rut uriet l-imħabba u s-sapport tagħha għal Nagħomi bi kliem sinċier u sempliċi.—Rut 1:16, 17.
13. Dawk li jitilfu lir-raġel jew lill-mara tagħhom fil-mewt għala għandhom bżonn is-sapport tagħna?
13 Meta membru mill-familja spiritwali tagħna jitlef lir-raġel jew lill-mara tiegħu fil-mewt, hu jkollu bżonn is-sapport tagħna. Raġel u mara miżżewġin jistgħu jitqabblu maʼ żewġ siġriet li kibru ħdejn xulxin. Matul is-snin, l-għeruq taʼ dawn is-siġar jidħlu f’xulxin u jkun diffiċli tisseparahom. Meta waħda mis-siġar tiġi maqlugħa mill-għeruq u tmut, is-siġra l-oħra tistaʼ tiġi effettwata ħażin. B’mod simili, meta raġel jitlef lil martu, jew mara titlef lil żewġha minħabba l-għadu l-mewt, hu jew hi tistaʼ tħoss emozzjonijiet qawwijin għal perjodu twil. Paula, * li r-raġel tagħha miet f’daqqa, tgħid: “Ħajti nbidlet taʼ taħt fuq, u ħassejtni ma jien kapaċi għal xejn. Tlift il-ħabib tal-qalb tiegħi. Kont nitkellem maʼ żewġi fuq kollox. Hu kien jifraħ miegħi u jissapportjani matul perjodi diffiċli. Hu dejjem kien jismagħni meta kont nitkellem dwar id-diffikultajiet tiegħi. Ħassejt li qisu parti minni kienet nieqsa.”
14-15. Kif nistgħu nfarrġu lil xi ħadd li tilef lill-mara jew lir-raġel fil-mewt?
14 Kif nistgħu nfarrġu lil xi ħadd li tilef lill-mara jew lir-raġel fil-mewt? L-ewwel ħaġa importanti li għandna nagħmlu hi li nitkellmu miegħu jew magħha, anki jekk forsi nħossuna skomdi jew ma nafux x’se naqbdu ngħidu. Paula, li ssemmiet qabel, tgħid: “Jien nifhem li n-nies ma jħossuhomx komdi jkellmuk f’sitwazzjoni bħal din. Huma jinkwetaw li jgħidu xi ħaġa li tweġġaʼ lil dak li jkun. Imma huwa agħar meta n-nies ma jgħidu xejn affattu.” Persuna li mitilha xi ħadd maħbub probabbilment ma tistenniex li tismaʼ xi ħaġa tal-għaġeb. Paula tgħid: “Kont napprezza meta l-aħwa kienu sempliċiment jgħiduli, ‘Jiddispjaċini tat-telfa tiegħek.’”
15 William, li martu mietet ftit tas-snin
ilu, jgħid: “Meta oħrajn jgħiduli affarijiet sbieħ li jiftakru dwar marti, dan jaċċertani li hi kienet maħbuba u rispettata. Dan it-tip taʼ sapport huwa t’għajnuna tremenda għalija. Kliemhom jagħtini faraġ kbir, għax marti kienet prezzjuża ħafna għalija u kienet parti kbira minn ħajti.” Armla jisimha Bianca tispjega: “Jiena nsib taʼ faraġ meta oħrajn jitolbu miegħi u jaqrawli xi skrittura jew tnejn. Jgħinni ħafna meta jitkellmu dwar żewġi u meta jisimgħuni nitkellem dwaru.”16. (a) X’għandna nipprovdu għal uħud li tilfu lil xi ħadd maħbub fil-mewt? (b) Skont Ġakbu 1:27, x’responsabbiltà għandna?
16 Bħalma Rut baqgħet mal-armla Nagħomi, aħna għandna nipprovdu sapport kontinwu lil dawk li mitilhom xi ħadd. Paula, li ssemmiet qabel, tgħid: “Malli miet ir-raġel ingħatajt ħafna għajnuna u faraġ. Imma wara ftit, kulħadd reġaʼ lura għall-ħajja normali tiegħu. Però, ħajti kienet inbidlet kompletament. Hu t’għajnuna kbira meta oħrajn jirrealizzaw li persuna mnikkta jkollha bżonn is-sapport għal xhur sħaħ—anki snin—wara l-mewt taʼ xi ħadd maħbub.” Naturalment, mhux kulħadd hu l-istess. Xi wħud qishom jaġġustaw maċ-ċirkustanzi ġodda tagħhom relattivament malajr. Għal oħrajn, però, kull attività li qabel kienu jagħmluha flimkien issa tfakkarhom fit-telfa li ġarrbu. Il-mod kif in-nies jirreaġixxu għat-telfa taʼ xi ħadd hu differenti. Ejja niftakru li Ġeħova jagħtina l-privileġġ u r-responsabbiltà li Ġakbu 1:27.
nieħdu ħsieb dawk li tilfu r-raġel jew il-mara fil-mewt.—Aqra17. Uħud miżżewġin li telaqhom ir-raġel jew il-mara tagħhom għala għandhom bżonn is-sapport tagħna?
17 Xi wħud miżżewġin ikollhom jissaportu tbatija u stress kbir minħabba li r-raġel jew il-mara tagħhom telqithom. Joyce, li żewġha bidilha maʼ mara oħra, tgħid: “L-uġigħ tad-divorzju li ħassejt kien kważi agħar milli kieku mietli r-raġel. Kieku miet b’xi aċċident jew b’xi marda, ma kienx ikollu għażla. Imma f’dal-każ, żewġi għażel li jitlaqni. Ħassejtni umiljata.”
18. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil dawk li spiċċaw mingħajr ir-raġel jew il-mara?
18 Meta nagħmlu affarijiet b’qalb tajba maʼ dawk li spiċċaw mingħajr ir-raġel jew il-mara, aħna nuruhom li vera nħobbuhom. Issa li sfaw waħedhom, għandhom bżonn ħbieb tajbin. (Prov. 17:17) Kif tistaʼ turi li int ħabib tagħhom? Tistaʼ tistidinhom għal ikla sempliċi. U forsi toffri li tqattaʼ ftit ħin magħhom f’rikreazzjoni jew fil-ministeru. Tistaʼ anki kultant tistidinhom għandek għall-qima bħala familja. Jekk tagħmel dan, int se tferraħ lil Ġeħova, għax hu “qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma” u hu “mħallef [jew, “protettur”] għall-armla.”—Salm 34:18; 68:5.
19. L-1 Pietru 3:8 x’jgħidilna nagħmlu?
19 Dalwaqt, meta s-Saltna t’Alla tmexxi fuq l-art, ‘l-inkwiet kollu se ninsewh.’ Kemm inħarsu ’l quddiem għaż-żmien meta “l-affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-qalb.” (Is. 65:16, 17) Sa ma jasal dak il-jum, ejja nissapportjaw lil xulxin u nagħtu prova bi kliemna u bl-azzjonijiet tagħna li nħobbu lill-familja spiritwali kollha tagħna.—Aqra l-1 Pietru 3:8.
GĦANJA 111 Ir-raġunijiet tagħna għall-ferħ
^ par. 5 Lot, Ġob, u Nagħomi qdew lil Ġeħova lealment, imma huma xorta kellhom jissaportu sitwazzjonijiet stressanti f’ħajjithom. F’dan l-artiklu se nikkunsidraw x’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenzi tagħhom. Ukoll se niddiskutu għala hu importanti li nkunu paċenzjużi maʼ ħutna rġiel u nisa, nuruhom mogħdrija, u nikkonslawhom meta jiffaċċjaw l-isfidi.
^ par. 13 L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
^ par. 57 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu rrabjat ħafna jgħid xi “diskors bla ħsieb” waqt li anzjan qed jismaʼ bil-paċenzja. Iktar tard, wara li l-ħu rrabjat jikkalma, l-anzjan jipprovdi parir b’qalb tajba.
^ par. 59 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Koppja miżżewġa żagħżugħa tqattaʼ ħin maʼ ħu li riċentement tilef il-mara fil-mewt. Huma jaqsmu flimkien memorji sbieħ tagħha.