Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Protezzjoni ċerta minn nasba taʼ Satana

Protezzjoni ċerta minn nasba taʼ Satana

HEKK kif l-​Iżraelin tal-​qedem kienu se jaqsmu x-​Xmara Ġordan biex jidħlu fl-​art li Alla kien wegħedhom, ġew iżuruhom xi nies. Dawn kienu nisa barranin li stiednu lill-​irġiel għal festa. Li jagħmlu ħbieb ġodda, jiżfnu, u jieklu ikla tajba setaʼ deher bħala opportunità mill-​isbaħ, unika, u li tħajrek. Minkejja li d-​drawwiet u l-​morali tan-​nisa ma kinux bħal dawk li l-​Iżraelin tgħallmu fil-​Liġi t’Alla, xi rġiel Iżraelin forsi ħasbu: ‘Mhux se niġu effettwati minnhom. Issa noqogħdu attenti.’

X’ġara? Ir-​rakkont imnebbaħ jgħidilna: “Il-​poplu beda jkollu relazzjonijiet immorali mal-​bniet taʼ Mowab.” Fil-​fatt, in-​nisa riedu lil dawn l-​irġiel Iżraelin iqimu allat foloz. U hekk ġara! Nistgħu nifhmu għala “r-​rabja taʼ Ġeħova xegħlet kontra Israel.”—Num. 25:1-3.

Dawn l-​Iżraelin kisru l-​Liġi t’Alla b’żewġ modi: Huma qiemu allat foloz, u għamlu immoralità sesswali. Minħabba d-​diżubbidjenza tagħhom mietu eluf taʼ Iżraelin. (Eżo.  20:4, 5, 14; Dt. 13:6-9) L-​azzjonijiet tagħhom għala kienu speċjalment taʼ niket? Minħabba ż-​żmien li fih seħħew. Li kieku l-​irġiel ma kisrux il-​Liġi t’Alla, dawk l-​eluf taʼ Iżraelin daqt kienu se jaqsmu l-​Ġordan għal ġol-​Art Imwiegħda.—Num. 25:5, 9.

Dwar dawn il-​ġrajjiet, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bħala twissija għalina li fuqna wasal it-​tmiem tas-​sistemi.” (1 Kor. 10:7-11) Bla dubju Satana kien ferħan ħafna li wħud minn dawk l-​Iżraelin dinbu serjament kontra Ġeħova, u b’hekk ma tħallewx jidħlu fl-​Art Imwiegħda. Aħna hemm bżonn nitgħallmu mill-​iżball tagħhom għax nafu li Satana jkun ferħan ħafna li kieku jirnexxilu jwaqqafna milli nidħlu fid-​dinja l-​ġdida t’Alla.

NASBA PERIKOLUŻA

Illum, Satana jrid jonsob lill-​Kristjani billi juża tattiki li diġà uża u rnexxew fuq ħafna nies. Kif diġà rajna fil-​każ tal-​Iżraelin, Satana uża l-​immoralità sesswali. Fi żmienna, l-​immoralità għadha nasba perikoluża. Mod effettiv kif l-​immoralità tistaʼ tonsobna hu permezz tal-​pornografija.

Illum, spiss tistaʼ tara l-​pornografija mingħajr ma jkun jaf ħaddieħor. Fil-​passat, xi ħadd li ried jara l-​pornografija kellu jmur iċ-​ċinema biex jara films mhux xierqa jew imur f’ħanut fejn ibigħu kotba pornografiċi. Il-​mistħija li xi ħadd jarak f’xi post bħal dan jew viċin tiegħu probabbilment żammet ħafna nies milli jmorru. Imma issa, min għandu aċċess għall-​Internet jistaʼ jara l-​pornografija fuq ix-​xogħol jew anke f’karozza pparkjata. U f’ħafna pajjiżi, raġel jew mara tistaʼ tara l-​pornografija f’darha stess.

Dan mhux kollox. Il-​mobiles u t-​tablets għamluha iktar faċli biex in-​nies jaraw il-​pornografija. Jistgħu jkunu mexjin fit-​triq jew rekbin f’karozza tal-​linja u jaraw stampi immorali fuq dan l-​apparat.

Peress li sar iktar faċli li persuna tara l-​pornografija u taħbi dak li qed tagħmel, il-​pornografija qed tagħmel ħsara lil ħafna iktar nies milli kienet qabel. Numru li ma tistax tgħoddu taʼ nies li jaraw il-​pornografija jagħmlu ħsara liż-​żwieġ, lid-​dinjità, u lill-​kuxjenza tagħhom. Agħar minn hekk, huma jirriskjaw li jħassru l-​ħbiberija tagħhom m’Alla. Int tistaʼ tkun ċert li l-​pornografija tagħmel ħsara lil dawk li jarawha. F’ħafna każijiet, tikkaġuna ġrieħi emozzjonali fondi. Dawn il-​ġrieħi forsi jfiqu bil-​mod il-​mod imma jistgħu jħallu marki għal żmien twil.

Iżda, aħna għandna nkunu konxji li Ġeħova joffri protezzjoni minn din in-​nasba taʼ Satana. Jekk irridu din il-​protezzjoni, għandna nagħmlu dak li m’għamlux l-​irġiel Iżraelin tal-​qedem, jiġifieri, li ‘tassew nobdu’ lil Ġeħova. (Eżo. 19:5) Għandna nirrikonoxxu li Alla jobgħod il-​pornografija. Għala nistgħu nkunu ċerti minn dan?

OBGĦODHA—BĦALMA JAGĦMEL ĠEĦOVA

Aħseb fuq dan: Il-​liġijiet li Alla ta lill-​poplu taʼ Iżrael ma kienx hemm bħalhom f’dak iż-​żmien. Bħal ħajt, dawn setgħu jipproteġu lill-​Iżraelin mill-​popli taʼ madwarhom u mill-​affarijiet diżgustanti li kienu jagħmlu. (Dt. 4:6-8) Dawn il-​liġijiet urew b’mod ċar verità importanti ħafna: Ġeħova jobgħod l-​immoralità sesswali.

Wara li semma l-​affarijiet immorali li kienu qed jagħmlu popli oħra fil-​madwar, Ġeħova qal lill-​Iżraelin: “Tagħmlux kif tagħmel l-​art taʼ Kangħan, li qed inġibkom fiha; . . . l-​art mhix nadifa, u se nġib il-​kastig għall-​iżball tagħha fuqha.” Għal Ġeħova, l-​Alla qaddis taʼ Iżrael, il-​mod taʼ ħajja tal-​Kangħanin kien tant diżgustanti u immorali li hu qies l-​art li kienu jgħixu fiha bħala mhix nadifa u kkontaminata.—Lev. 18:3, 25.

Għalkemm Ġeħova kkastiga lill-​Kangħanin, nies oħrajn komplew jagħmlu l-​immoralità sesswali. ’Il fuq minn 1,500 sena wara, Pawlu ddeskriva l-​popli li l-​Kristjani kienu mdawrin bihom bħala li “tilfu kull sens morali.” Fil-​fatt, “ngħataw għall-​kondotta laxka biex b’regħba jagħmlu kull xorta taʼ nuqqas taʼ ndafa.” (Efes. 4:17-19) Anke llum, ħafna nies huma immorali għall-​aħħar u kburin b’dan. Sakemm hu possibbli, l-​adoraturi veri għandhom jevitaw li jaraw affarijiet immorali li toffri d-​dinja.

Il-​pornografija turi diżrispett kbir lejn Alla. Hu ħalaq lill-​bnedmin fix-​xbieha u s-​sura tiegħu u tahom l-​abbiltà li jħossu li xi ħaġa hi tajba jew ħażina. Fl-​għerf tiegħu, Alla ta liġijiet dwar relazzjonijiet sesswali. Hu ried li dawn ir-​relazzjonijiet ikunu xi ħaġa li l-​miżżewġin setgħu jgawdu flimkien. (Ġen. 1:26-28; Prov. 5:18, 19) Imma x’qed jagħmlu dawk li jipproduċu jew jippromwovu l-​pornografija? Huma qed jinjoraw kompletament il-​livelli morali t’Alla. Iva, in-​nies li jippromwovu l-​pornografija ma jirrispettawx lil Ġeħova. Hu se jiġġudika lil dawk li jinjoraw il-​livelli tiegħu billi jipproduċu jew jippromwovu materjal immorali.—Rum. 1:24-27.

Imma xi ngħidu dwar dawk li apposta jaqraw jew jaraw il-​pornografija? Ħafna forsi jħossu li hu divertiment bla ħsara. Madankollu, fil-​fatt ikunu qed jappoġġjaw lil dawk li ma jurux rispett lejn il-​livelli taʼ Ġeħova. Forsi ma tkunx l-​intenzjoni tagħhom li jagħmlu dan meta bdew jaraw il-​pornografija. Iżda l-​Bibbja tagħmilha ċara li l-​adoraturi tal-​Alla l-​veru għandhom jistmerru l-​pornografija. Il-​Bibbja tħeġġeġ: “O intom li tħobbu lil Ġeħova, obogħdu dak li hu ħażin.”—Salm 97:10.

Anke dawk li jridu jevitaw li jaraw il-​pornografija jistgħu jsibuha diffiċli jagħmlu dan. Aħna imperfetti, u jistaʼ jkollna ġlieda biex nirreżistu xewqat sesswali mhux nodfa. Ukoll, bil-​qalb imperfetta tagħna nistgħu forsi nipprovaw nirraġunaw magħna nfusna li mhux ħażin li naraw il-​pornografija. (Ġer. 17:9) Imma ħafna li saru Kristjani rebħuha dil-​ġlieda. Li tkun taf dan jistaʼ jkun taʼ inkuraġġiment jekk għandek ġlieda simili. Innota kif il-​Kelma t’Alla tistaʼ tgħinek tevita n-​nasba taʼ Satana tal-​pornografija.

TIBQAX TAĦSEB FUQ XEWQAT IMMORALI

Bħalma rajna fil-​bidu, ħafna Iżraelin ħallew xewqat ħżiena jwassluhom għal diżastru. Illum jistaʼ jiġri l-​istess. Ġakbu, ħu Ġesù mill-​omm, iddeskriva l-​periklu: “Kull bniedem . . . ikun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub.” (Ġak. 1:14, 15) Jekk xi ħadd iħalli xewqa immorali tiżviluppa fih, maż-​żmien aktarx li se jispiċċa jidneb. Allura, għandna neħilsu minn ħsibijiet immorali u ma nibqgħux naħsbu fuqhom.

Jekk issib li l-​ħin kollu taħseb dwar affarijiet immorali, agħmel xi ħaġa minnufih. Ġesù qal: “Mela, jekk idek jew sieqek qed tfixklek, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek. . . . Ukoll, jekk għajnek qed tfixklek, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek.” (Mt. 18:8, 9) Ġesù ma kienx qed jissuġġerixxi li għandna letteralment nagħmlu ħsara lil ġisimna. Hu kien qed juża tixbiha biex jgħinna nifhmu l-​bżonn li nsiru nafu għala qed naħsbu dwar affarijiet ħżiena u mbagħad nagħmlu l-​bidliet meħtieġa. Kif nistgħu napplikaw dal-​parir fejn tidħol il-​pornografija?

Jekk tinzerta xi tip taʼ pornografija, taħsibx, ‘Mhux se niġi effettwat.’ Dawwar wiċċek mill-​ewwel. Itfi t-​televixin minnufih. Itfi l-​kompjuter jew il-​mobile fil-​pront. Erġaʼ ffoka fuq xi ħaġa tajba. Jekk tagħmel dan jistaʼ jgħinek tikkontrolla l-​ħsibijiet tiegħek u mhux jikkontrollawk huma.

X’NISTGĦU NAGĦMLU JEKK JIĠU QUDDIEM GĦAJNEJNA STAMPI IMMORALI LI KONNA RAJNA?

Xi ngħidu jekk irnexxielek tieqaf tara l-​pornografija imma kultant jiġu quddiem għajnejk stampi immorali li kont rajt? Stampi jew ħsibijiet pornografiċi jistgħu jibqgħu f’moħħ persuna għal ħafna żmien u dawn jiġu quddiem għajnejha bla twissija taʼ xejn. Jekk dan jiġri, int forsi tħoss ix-​xewqa li tagħmel xi ħaġa mhix nadifa, bħal li timmasturba. Allura kun konxju li f’daqqa waħda jistaʼ jkollok ħsibijiet bħal dawn, u kun preparat li tiġġieled kontrihom.

Sir saħansitra iktar determinat li taħseb u  taġixxi kif iridek Alla. Kun bħall-​appostlu Pawlu, li kien lest li ‘jsawwat lil ġismu u jassru.’ (1 Kor. 9:27) Tħallix xewqat mhux nodfa jikkontrollawk. ‘Inbidel billi ġġedded moħħok, biex tagħti prova lilek innifsek dwar x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.’ (Rum. 12:2) Ftakar: Jekk taħseb u taġixxi skont ir-​rieda t’Alla, dan se jġiblek ħafna iktar sodisfazzjon milli tagħmel affarijiet immorali.

Jekk taħseb u taġixxi skont ir-​rieda t’Alla, dan se jġiblek ħafna iktar sodisfazzjon milli tagħmel affarijiet immorali

Ipprova tgħallem bl-​amment ċerti versi mill-​Bibbja. Imbagħad meta jiġuk f’moħħok ħsibijiet ħżiena, ġiegħel lilek innifsek taħseb dwar dawn il-​versi. Versi bħal Salm 119:37; Isaija 52:11; Mattew 5:28; Efesin 5:3; Kolossin 3:5; u l-​1 Tessalonikin 4:4-​8 se jgħinuk tqis il-​pornografija kif iqisha Ġeħova u tifhem xi jridek tagħmel.

Xi ngħidu jekk f’xi okkażjonijiet ma tkunx tistaʼ tissaporti x-​xewqa li tara l-​pornografija jew taħseb dwarha? Imxi mill-​qrib fuq il-​passi tax-​Xempju tagħna, Ġesù. (1 Pt. 2:21) Wara li tgħammed, Satana baqaʼ jittantah. Ġesù x’għamel? Hu baqaʼ jirreżisti. Billi uża skrittura wara l-​oħra, hu rreżista t-​tentazzjonijiet li għamillu Satana. Hu qal: “Mur ’l hemm, Satana!” u Satana ħallieh. Bħalma Ġesù qatt ma waqaf jirreżisti lix-​Xitan, lanqas int m’għandek tieqaf. (Mt. 4:1-​11) Satana u d-​dinja tiegħu se jkomplu jipprovaw jimlewlek moħħok b’affarijiet immorali, imma ċċedix. Int tistaʼ tirbaħ il-​ġlieda kontra l-​pornografija. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, int tistaʼ tegħleb lill-​għadu tiegħek.

ITLOB LIL ĠEĦOVA U OBDIH

Kompli itlob lil Ġeħova biex jgħinek. Pawlu qal: “Ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Flp. 4:6, 7) Il-​paċi t’Alla se tgħinek tirreżisti l-​ħażin. Jekk tersaq qrib lejn Ġeħova, ‘hu jersaq qrib lejk.’—Ġak. 4:8.

Jekk inżommu l-​ħbiberija tagħna mas-​Sovran tal-​univers b’saħħitha, se nkunu protetti kontra n-​nasbiet taʼ Satana. Ġesù qal: “Ġej il-​ħakkiem tad-​dinja [Satana]. Hu m’għandu ebda setgħa fuqi.” (Ġw. 14:30) Ġesù għala kien daqstant fiduċjuż? Darba minnhom hu spjega: “Dak li bagħatni qiegħed miegħi; hu ma telaqnix waħdi, għax dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġw. 8:29) Jekk int ukoll tipprova togħġob lil Ġeħova b’dak kollu li tagħmel, tistaʼ tkun ċert li  qatt mhu se jitilqek. Evita n-​nasba tal-​pornografija, u Satana mhux se jkun jistaʼ jaqbdek fiha.