Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 23

“Ħa Jitqaddes Ismek”

“Ħa Jitqaddes Ismek”

“O Ġeħova, ismek hu għal dejjem.”—SALM 135:13.

GĦANJA 10 Faħħru lil Ġeħova Alla tagħna!

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Liema suġġetti huma importanti ħafna għax-​Xhieda taʼ Ġeħova?

ILLUM, il-​mod kif Alla jmexxi u li jitqaddes ismu huma importanti ħafna għalina. Hu għalhekk li bħala Xhieda taʼ Ġeħova nieħdu pjaċir nitkellmu dwarhom. Imma l-​mod kif Alla jmexxi u li jitqaddes ismu, għandhom x’jaqsmu maʼ xulxin? Iva.

2 Ilkoll kemm aħna tgħallimna li isem Alla għandu jiġi mnaddaf minn kull tmaqdir. Tgħallimna wkoll li kulħadd għandu jifhem li s-​sovranità taʼ Ġeħova, jew il-​mod kif imexxi, hi l-​aqwa. Huwa għalhekk li dawn iż-​żewġ suġġetti jixirqilhom ir-​rispett u l-​attenzjoni tagħna.

3. X’jinkludi isem Ġeħova?

3 Fil-​fatt, l-​isem taʼ Ġeħova jinkludi kollox dwaru, inkluż il-​mod kif hu jmexxi. Mela jekk ngħidu li l-​iktar kwistjoni importanti hi li isem Ġeħova għandu jiġi mnaddaf minn kull tmaqdir, inkunu qed ngħidu wkoll li l-​mod kif hu jmexxi huwa l-​aqwa u li kulħadd għandu jkun jaf dan. Isem Ġeħova u l-​mod kif imexxi jmorru id f’id.—Ara l-​kaxxa “ X’Hemm Involut fl-​Iktar Kwistjoni Importanti.”

4. Salm 135:13 x’jgħid dwar l-​isem t’Alla, u liema mistoqsijiet se jitwieġbu f’dan l-​artiklu?

4 Isem Ġeħova hu uniku. (Aqra Salm 135:13.) L-​isem t’Alla għala huwa daqshekk importanti? X’kienet l-​ewwel gidba li ntqalet fuqu? Kif se jitqaddes isem Alla? U aħna kif nistgħu niddefendu ismu? Ejja nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

L-​IMPORTANZA TAL-​ISEM

5. Xi wħud x’għandhom mnejn jistaqsu meta jisimgħu li isem Alla għandu jiġi mqaddes?

5 “Ħa jitqaddes ismek.” (Mt. 6:9) Ġesù qal li din hi waħda mill-​iktar affarijiet importanti li għandna nitolbu dwarha. Imma xi jfisser kliem Ġesù? Li xi ħaġa tiġi mqaddsa jfisser li tagħmilha qaddisa, nadifa, jew pura. Imma xi wħud forsi jsaqsu, ‘Isem Ġeħova mhux diġà hu qaddis, nadif, u pur?’ Però, biex inwieġbu din il-​mistoqsija rridu nifhmu x’jinvolvi l-​isem.

6. Isem għala hu daqshekk importanti?

6 Isem mhuwiex biss xi ħaġa li tiktbu fuq karta jew li tgħidu. Innota x’tgħid il-​Bibbja: “Aħjar jintgħażel isem tajjeb minflok ħafna rikkezzi.” (Prov. 22:1; Ekk. 7:1) Isem għala hu daqshekk importanti? Għax dan jinvolvi r-​reputazzjoni taʼ persuna, jiġifieri dak li oħrajn jaħsbu dwarha. Għalhekk, l-​iktar ħaġa importanti f’isem mhuwiex kif jinkiteb jew kif jintqal, imma x’jiġihom f’moħħhom oħrajn meta jarawh jew jisimgħuh.

7. In-​nies kif ħammġu l-​isem t’Alla?

7 Meta n-​nies jigdbu kontra Ġeħova, huma jkunu qed iħammġu r-​reputazzjoni tiegħu. Meta jħammġu r-​reputazzjoni tiegħu, huma jkunu qed jagħmlu ħsara lil ismu. L-​ewwel darba li isem Alla u r-​reputazzjoni tiegħu tħammġu, kien fil-​ġnien tal-​Għeden. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġara.

X’KIENET L-​EWWEL GIDBA LI ĦAMMĠET L-​ISEM?

8. Adam u Eva x’kienu jafu, u x’mistoqsijiet iqumu?

8 Adam u Eva kienu jafu li l-​isem t’Alla hu Ġeħova. Kienu jafu wkoll ħafna affarijiet importanti dwaru. Pereżempju, huma kienu jafu li hu l-​Ħallieq tagħhom, li kien il-​Wieħed li tahom il-​ħajja, il-​post mill-​isbaħ li kienu qed jgħixu fih, u lil xulxin. (Ġen. 1:26-​28; 2:18) Imma baqgħu huma jaħsbu dwar l-​affarijiet kollha li Ġeħova kien tahom? Komplew isaħħu l-​imħabba u l-​apprezzament tagħhom għal Ġeħova? It-​tweġiba tagħhom dehret ċara meta l-​għadu tagħhom ittestjahom.

9. Skont Ġenesi 2:16, 17 u 3:1-​5, Ġeħova x’qalilhom lil Adam u Eva, u Satana kif għawweġ il-​verità?

9 Aqra Ġenesi 2:16, 17 u 3:1-5. Billi għamel serp jidher li qed jitkellem, Satana saqsa lil Eva: “Veru li Alla qalilkom li ma tistgħux tieklu minn kull siġra tal-​ġnien?” Satana saqsa din il-​mistoqsija li kien fiha gidba dwar Alla, u Eva bdiet taħseb ħażin f’Alla. Fir-​realtà, Alla ma kienx qalilhom li ma jistgħux jieklu minn kull siġra, imma minn waħda biss. Adam u Eva żgur li kellhom għażla kbira minn fejn jagħżlu! (Ġen. 2:9) Kif nafu, Ġeħova hu Alla ġeneruż. Madankollu, hu kien qal lil Adam u Eva li minn siġra waħda ma setgħux jieklu. Allura l-​mistoqsija taʼ Satana għawġet il-​verità, u b’hekk daħlilhom id-​dubju li Alla mhux ġeneruż. Jistaʼ jkun li Eva ħasbet: ‘Alla qed iċaħħadni minn xi ħaġa tajba?’

10. Satana kif ħammeġ isem Ġeħova, u x’kien ir-​riżultat?

10 Meta Satana staqsa din il-​mistoqsija, Eva kienet għadha ubbidjenti lejn Ġeħova. Hi qalet lil Satana dak li Alla kien qal b’mod ċar. Qaltlu wkoll li lanqas biss setgħu jmissu s-​siġra. Eva kienet taf li jekk mhux se jobdu lil Alla kienu se jmutu. Imma Satana qalilha: “Żgur li ma tmutux.” (Ġen. 3:2-​4) Issa Satana ma kienx għadu qed jipprova jqajjem dubju dwar Ġeħova, imma kien qed jigdeb fuqu. Issa hu kien qed iħammeġ isem Ġeħova. Fil-​fatt, hu bħallikieku kien qed jgħid lil Eva li Ġeħova hu giddieb. Meta għamel hekk, Satana sar ix-​Xitan, jiġifieri l-​wieħed li jimmalafama. Eva kienet ġiet imqarrqa għalkollox u emmnet lil Satana. (1 Tim. 2:14) Hi iktar fdat fih milli f’Ġeħova. Dan għamilha iktar faċli għaliha biex tieħu l-​agħar deċiżjoni li qatt setgħet tieħu. Hi għażlet li ma tobdix lil Ġeħova u kielet mill-​frott li Ġeħova qalilha li m’għandhiex tieħu. U wara, hi tat lil Adam ukoll.—Ġen. 3:6.

11. Adam u Eva, kif kellhom iwieġbu għall-​gideb taʼ Satana?

11 Aħseb ftit dwar x’messa qalet Eva lil Satana. Immaġina kieku qalet: “Jien ma nafx min inti, imma jien naf lil Missieri, Ġeħova. Jien inħobbu u lilu nafda. Dak kollu li jien u Adam għandna, hu tahulna. Missek tistħi tgħid dawn l-​affarijiet dwaru. Mur ’l hemm!” Min jaf kemm kien ikun ferħan Ġeħova kieku semaʼ lil bintu l-​għażiża tgħid hekk! (Prov. 27:11) Imma Eva ma kellhiex imħabba leali għal Ġeħova, u lanqas Adam. Minħabba li ma kellhomx imħabba għal Missierhom, huma naqsu milli jiddefendu isem Ġeħova milli jiġi mmaqdar.

12. Satana kif ġiegħel lil Eva tiddubita, u Adam u Eva x’naqsu li jagħmlu?

12 Kif rajna, Satana beda jħammeġ ir-​reputazzjoni taʼ Ġeħova billi ġiegħel lil Eva tiddubita jekk Ġeħova kienx Missier tajjeb. Meta Satana għamel hekk, Adam u Eva ma ddefendewhx lil Missierhom. U b’hekk, kien faċli għalihom biex jisimgħu minn Satana u jiħduha kontra Missierhom. Illum Satana juża tattiki simili. Hu jħammeġ ir-​reputazzjoni taʼ Ġeħova billi jigdeb fuqu. Dawk li jemmnu l-​gideb taʼ Satana malajr jistgħu jiġu influwenzati biex jirrifjutaw it-​tmexxija ġusta taʼ Ġeħova.

ĠEĦOVA JQADDES ISMU

13. Eżekjel 36:23, kif juri x’inhu l-​iktar messaġġ importanti tal-​Bibbja?

13 Sejjer Ġeħova ma jiddefendix lilu nnifsu meta ismu jiġi mħammeġ? Le! Il-​Bibbja tgħidilna dak kollu li għamel Ġeħova biex inaddaf ismu minn dak li ntqal fuqu fil-​ġnien tal-​Għeden. (Ġen. 3:15) Fil-​fatt, l-​iktar messaġġ importanti tal-​Bibbja hu dan: Ġeħova se jqaddes ismu u se jerġaʼ jġib il-​ġustizzja u l-​paċi fuq l-​art permezz tas-​Saltna li hi mmexxija minn Ibnu. Il-​Bibbja fiha informazzjoni li tgħinna nifhmu kif Ġeħova se jqaddes ismu.—Aqra Eżekjel 36:23.

14. Ġeħova kif qaddes ismu wara r-​ribelljoni fl-​Għeden?

14 Satana għamel minn kollox biex jipprova jwaqqaf lil Ġeħova milli jwettaq l-​iskop Tiegħu. Imma Satana falla għal darba wara l-​oħra. Il-​Bibbja turina x’għamel Ġeħova, u tagħti prova li Ġeħova hu Missier kollu mħabba u l-​aqwa Mexxej. Dan minkejja li r-​ribelljoni taʼ Satana u taʼ dawk li appoġġjawh, weġġgħuh ħafna lil Ġeħova. (Salm 78:40) Madankollu, Ġeħova tratta din l-​isfida b’għerf, paċenzja, u ġustizzja. Ukoll, hu wera l-​qawwa enormi tiegħu b’ħafna modi. U l-​imħabba li wera kienet l-​iktar importanti minn dan kollu. (1 Ġw. 4:8) Ġeħova qatt ma waqaf iqaddes ismu.

Satana gideb dwar Ġeħova maʼ Eva, u matul is-snin ix-Xitan kompla jħammeġ isem Alla (Ara paragrafi 9-10, 15) *

15. Satana kif għadu jigdeb fuq l-​isem t’Alla, u b’liema riżultat?

15 Satana għadu qed jigdeb fuq l-​isem t’Alla. Hu jġiegħel lin-​nies jiddubitaw mill-​imħabba, is-​saħħa, il-​ġustizzja, u l-​għerf t’Alla. Pereżempju, Satana jipprova jikkonvinċi lin-​nies li Ġeħova mhux il-​Ħallieq. U jekk in-​nies jemmnu li Alla jeżisti, Satana jipprova jġegħelhom jemmnu li Alla u l-​livelli Tiegħu huma stretti wisq u mhux ġusti. Hu saħansitra jgħallimhom li Ġeħova hu Alla bla qalb u kattiv li jaħraq in-​nies fin-​nar tal-​infern. Meta jemmnu dan il-​gideb mill-​agħar, ikun faċli għalihom biex jirrifjutaw it-​tmexxija ġusta taʼ Ġeħova. Satana se jibqaʼ jigdeb fuqu, u wkoll se jipprova jbiegħed lilek minn Ġeħova sakemm jiġi meqrud. Se jirnexxilu?

KIF INT INVOLUT F’DIN IL-​KWISTJONI IMPORTANTI?

16. Kif tistaʼ tagħmel l-​oppost taʼ dak li għamlu Adam u Eva?

16 Ġeħova jippermetti li nies imperfetti jgħinu biex ismu jiġi mqaddes. Allura, int tistaʼ tagħmel l-​oppost taʼ dak li għamlu Adam u Eva. Għalkemm qed tgħix f’dinja li n-​nies jigdbu u jidgħu b’Alla, int tistaʼ tiddefendi l-​isem taʼ Ġeħova u tgħid lin-​nies li Ġeħova hu qaddis, ġust, tajjeb, u mħabba. (Is. 29:23) Ukoll, tistaʼ turi li trid lilu bħala Mexxej. Int tistaʼ tgħin lin-​nies jifhmu li t-​tmexxija taʼ Ġeħova biss hi ġusta u hi biss tistaʼ ġġib il-​paċi u l-​ferħ fil-​ħolqien kollu.—Salm 37:9, 37; 146:5, 6, 10.

17. Ġesù x’għamel biex għarraf isem Missieru?

17 Meta niddefendu l-​isem taʼ Ġeħova, aħna nkunu qed nimxu fuq l-​eżempju taʼ Ġesù Kristu. (Ġw. 17:26) Ġesù għarraf isem Missieru mhux biss billi użah, imma wkoll billi ddefenda r-​reputazzjoni taʼ Missieru. Pereżempju, il-​Fariżej qalu li Ġeħova hu aħrax, jistenna ħafna minna, mhux avviċinabbli, u hu kattiv. Imma Ġesù waqqaʼ dan billi għen lin-​nies jaraw li Missieru hu raġonevoli, paċenzjuż, mimli mħabba, u lest li jaħfer. Ukoll, hu għen lin-​nies isiru jafu lil Ġeħova bil-​mod kif hu imita perfettament il-​kwalitajiet taʼ Missieru fil-​ħajja tiegħu.—Ġw. 14:9.

18. Kif nistgħu nwaqqgħu l-​gideb u t-​tmaqdir li ġab Satana fuq isem Ġeħova?

18 Bħal Ġesù, aħna nistgħu nitkellmu man-​nies dwar Ġeħova u ngħallmuhom kemm Alla hu qalbu tajba u li hu mħabba. Hekk kif nagħmlu dan, inkunu qed inwaqqgħu l-​gideb u t-​tmaqdir li ġab Satana fuq isem Ġeħova. Aħna nqaddsu isem Ġeħova billi ngħinu lin-​nies jqisuh bħala qaddis. Minkejja li aħna imperfetti, aħna wkoll nistgħu nimitaw lil Ġeħova. (Efes. 5:1, 2) Meta kliemna u l-​azzjonijiet tagħna juru x’tip t’Alla hu Ġeħova, aħna nkunu qed ngħinu biex l-​isem t’Alla jiġi mqaddes. Aħna niddefendu dan l-​isem billi ngħinu lin-​nies isiru jafu l-​verità dwar Alla. Aħna nistgħu nuru wkoll li nies imperfetti jistgħu jkunu leali lejh.—Ġob 27:5.

Aħna rridu ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja tagħna biex jifhmu l-personalità li hi kollha mħabba u qalb tajba taʼ Ġeħova (Ara paragrafi 18-19) *

19. Isaija 63:7, kif jurina x’għandu jkun l-​iskop prinċipali meta aħna ngħallmu lil oħrajn?

19 Hemm xi ħaġa oħra li nistgħu nagħmlu biex inqaddsu isem Ġeħova. Meta ngħallmu l-​verità tal-​Bibbja lil oħrajn, aħna spiss nenfasizzaw is-​sovranità t’Alla, jiġifieri li Ġeħova għandu d-​dritt imexxi l-​univers. Però, għalkemm huwa importanti li ngħallmuhom il-​liġijiet t’Alla, il-​mira tagħna hi li ngħinu oħrajn iħobbu lil Ġeħova u jkunu leali lejh. Għalhekk, irridu niffokaw fuq il-​kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova billi nenfasizzaw x’tip taʼ persuna jirrappreżenta l-​isem Ġeħova. (Aqra Isaija 63:7.) Meta ngħallmu dawn l-​affarijiet, aħna nkunu qed ngħinu lil oħrajn iħobbu u jobdu lil Ġeħova għax iridu jkunu leali lejh.

20. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

20 Imma kif nistgħu nkunu ċerti li l-​mod kif inġibu ruħna u t-​tagħlim tagħna jiġbdu lin-​nies lejn Ġeħova? L-​artiklu li jmiss se jwieġeb din il-​mistoqsija.

GĦANJA 2 Ġeħova ismek hu

^ par. 5 Liema suġġett huwa importanti għall-​bnedmin u l-​anġli? Dan għala hu importanti ħafna, u kif aħna involuti fih? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet u oħrajn se jsaħħulna l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova.

^ par. 61 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Billi lil Eva taha x’tifhem li Alla hu giddieb, ix-​Xitan ħammeġ isem Alla. Matul is-​snin, Satana xerred ideat foloz bħat-​tagħlim li Alla hu kattiv u li mhux hu ħalaqna.

^ par. 63 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Hekk kif ħu jikkonduċi studju tal-​Bibbja, hu jenfasizza l-​personalità t’Alla.