Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 24

“Agħtini Qalb Sħiħa Biex Nibżaʼ minn Ismek”

“Agħtini Qalb Sħiħa Biex Nibżaʼ minn Ismek”

“Agħtini qalb sħiħa biex nibżaʼ minn ismek. Infaħħrek, O Ġeħova Alla tiegħi, b’qalbi kollha.”SALM 86:11, 12.

GĦANJA 7 Ġeħova, is-​saħħa tagħna

ĦARSA BIL-QUDDIEM *

1. Xi jfisser li tibżaʼ minn Alla, u dan għala huwa importanti għal dawk li jħobbu lil Ġeħova?

IL-​KRISTJANI jħobbu lil Alla, imma huma jibżgħu minnu wkoll. Għal xi wħud, din diffiċli biex jifhmuha. Però, aħna mhux qed nirreferu għat-​tip taʼ biżaʼ li twerwrek. Imma se nitkellmu dwar tip taʼ biżaʼ differenti. Nies li jħossu din it-​tip taʼ biżaʼ għandhom rispett kbir lejn Alla. Huma ma jridux li jiddiżappuntaw lil Missierhom tas-​sema biex jibqgħu ħbieb miegħu.—Salm 111:10; Prov. 8:13.

2. Mill-​kliem taʼ David f’​Salm 86:11, liema żewġ affarijiet se niddiskutu?

2 Aqra Salm 86:11. Hekk kif taħseb dwar dan il-​kliem, se tifhem li David kien jaf kemm huwa importanti li jkollna rispett kbir lejn Ġeħova. Issa se niddiskutu kif nistgħu napplikaw dak li qal David fit-​talba tiegħu. L-​ewwel, se neżaminaw xi raġunijiet għala għandu jkollna rispett kbir għall-​isem taʼ Alla. It-​tieni, se niddiskutu kif nuru rispett lejn l-​isem taʼ Alla fil-​ħajja taʼ kuljum.

GĦALA GĦANDU JKOLLNA RISPETT KBIR GĦALL-​ISEM TAʼ ĠEĦOVA?

3. Liema esperjenza għenet lil Mosè biex ikollu rispett kbir lejn l-​isem t’Alla?

3 Aħseb kif ħassu Mosè meta kien qiegħed ġo daħla fil-​blat u ra viżjoni tal-​glorja taʼ Ġeħova. Probabilment din kienet l-​iktar esperjenza tal-​għaġeb li bniedem qatt kellu qabel Ġesù ġie fuq l-​art! Permezz taʼ anġlu, Mosè semaʼ dan il-​kliem: “Ġeħova, Ġeħova, Alla ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità, jerfaʼ l-​qalb tajba bl-​imħabba għal eluf, jaħfer l-​iżball u l-​ksur tal-​liġi u d-​dnub.” (Eżo. 33:17-23; 34:5-7) X’aktarx li Mosè ftakar f’dik l-​esperjenza kull darba li uża isem Ġeħova. Mhux taʼ b’xejn li iktar tard Mosè wissa lill-​poplu t’Alla, Iżrael, biex ‘jibżaʼ, jew juri rispett kbir, lejn dan l-​isem glorjuż li jqanqal il-​biżaʼ.’—Dt. 28:58.

4. X’jistaʼ jgħinna nirrispettaw lil Ġeħova iktar?

4 Meta naħsbu dwar l-​isem taʼ Ġeħova, għandna naħsbu wkoll x’tip taʼ persuna hu. Aħna rridu niftakru l-​kwalitajiet tiegħu bħall-​qawwa, l-​għerf, il-​ġustizzja, u l-​imħabba. Li nimmeditaw fuq dawn il-​kwalitajiet u oħrajn se jimmotivana biex nirrispettawh iktar.—Salm 77:11-15.

5-6. (a) Isem Alla xi jfisser? (b) Fi qbil maʼ Eżodu 3:13, 14 u Isaija 64:8, Ġeħova kif iwettaq l-​affarijiet?

5 X’nafu dwar it-​tifsir taʼ isem Alla? Ħafna studjużi jaqblu li l-​isem Ġeħova jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” It-​tifsir taʼ ismu jfakkarna li lil Ġeħova xejn ma jistaʼ jwaqqfu milli jagħmel dak li jrid hu, u li hu jistaʼ jġiegħel l-​affarijiet iseħħu. Dan kif?

6 Ġeħova jġiegħel l-​affarijiet iseħħu billi jsir dak li hemm bżonn biex iwettaq ir-​rieda tiegħu. (Aqra Eżodu 3:13, 14.) Fil-​pubblikazzjonijiet tagħna, spiss niġu mfakkrin biex naħsbu dwar dan l-​aspett tal-​għaġeb tal-​personalità t’Alla. Ġeħova jistaʼ juża anki lill-​qaddejja imperfetti tiegħu biex isiru dak kollu li hemm bżonn, biex jaqduh u jwettqu l-​iskop tiegħu. (Aqra Isaija 64:8.) B’dawn il-​modi, Ġeħova jġiegħel li titwettaq ir-​rieda tiegħu u xejn ma jistaʼ jwaqqfu.—Is. 46:10, 11.

7. Kif nistgħu nkabbru l-​apprezzament tagħna lejn Missierna tas-​sema?

7 Aħna nistgħu nkabbru l-​apprezzament tagħna għal Missierna tas-​sema billi nimmeditaw fuq dak li għamel u fuq dak li għenna nagħmlu. Pereżempju, meta naħsbu dwar dak kollu li ħalaq, aħna nibqgħu impressjonati għall-​aħħar. (Salm 8:3, 4) U meta nimmeditaw fuq dak li Ġeħova għenna nwettqu biex nagħmlu r-​rieda tiegħu, ir-​rispett tagħna lejh se jikber. Isem Ġeħova huwa verament tal-​għaġeb! Isem Missierna jinkludi dak kollu li hu bħala persuna, dak kollu li għamel, u dak kollu li se jagħmel.—Salm 89:7, 8.

“JIEN SE NIDDIKJARA L-​ISEM TAʼ ĠEĦOVA”

It-tagħlim taʼ Mosè kien inkuraġġanti. Dan kien iffokat fuq l-isem u l-personalità taʼ Alla Ġeħova (Ara paragrafu 8) *

8. Skont Dewteronomju 32:2, 3, Ġeħova xi jrid lill-​qaddejja tiegħu jagħmlu b’ismu?

8 Eżatt qabel ma l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwiegħda, Ġeħova għallem għanja lil Mosè. (Dt. 31:19) Imbagħad Mosè kellu jgħallem din l-​għanja lin-​nies. (Aqra Dewteronomju 32:2, 3.) Hekk kif nimmeditaw fuq versi 2 u 3, jidher ċar li Ġeħova jrid li ismu ma jkunx moħbi, bħallikieku huwa wisq qaddis biex ngħiduh. Hu jrid li kulħadd ikun jaf ismu! Xi privileġġ kellhom in-​nies li jisimgħu lil Mosè jgħallimhom dwar Ġeħova u l-​isem glorjuż Tiegħu! Dak li Mosè għallimhom saħħilhom il-​fidi tagħhom u inkuraġġiehom, bħalma l-​irxiex tax-​xita jgħin lill-​pjanti jikbru. Aħna kif nistgħu nagħmlu dan meta ngħallmu?

9. Kif nistgħu ngħinu biex jitqaddes isem Ġeħova?

9 Meta nkunu fuq il-​ministeru, nistgħu nużaw il-​Bibbja biex nuru lin-​nies l-​isem personali t’Alla, Ġeħova. Nistgħu noffrulhom letteratura u vidjows interessanti u materjal ieħor fuq il-​website tagħna li jonora lil Ġeħova. Fuq il-​post tax-​xogħol, l-​iskola, jew meta nużaw it-​trasport pubbliku, aħna nistgħu nsibu opportunitajiet biex nitkellmu dwar Alla u l-​kwalitajiet tiegħu. Nistgħu ngħidulhom dwar l-​affarijiet tal-​għaġeb li Ġeħova se jagħmel għalina u għall-​art. U meta jisimgħu dwar dawn l-​affarijiet jistgħu jirrealizzaw għall-​ewwel darba kemm Ġeħova jħobbhom. Hekk kif ngħidu lil oħrajn dwar Missierna kollu mħabba, aħna nkunu qed ngħinu biex jitqaddes ismu. Ukoll, ngħinu lin-​nies jifhmu li ġew mgħallmin ħafna gideb dwaru. Dak li ngħallmuhom mill-​Bibbja huwa l-​iktar ħaġa inkuraġġanti li jistgħu jitgħallmu.—Is. 65:13, 14.

10. Għaliex mhux biżżejjed li lill-​istudenti tagħna ngħallmuhom biss il-​liġijiet t’Alla?

10 Meta nikkonduċu studju tal-​Bibbja, aħna rridu ngħinu lill-​istudenti tagħna biex jitgħallmu isem Ġeħova u jużawh. Ukoll, aħna rridu ngħinuhom isiru jafu lil Ġeħova sew. Se jirnexxilna nagħmlu dan jekk sempliċiment ngħallmuhom il-​liġijiet t’Alla? Student tajjeb għandu mnejn jitgħallem il-​liġijiet t’Alla u jirrealizza li huma tajbin. Imma l-​istudent se jobdi lil Ġeħova għax iħobbu? Ftakar li Eva kienet taf il-​liġi t’Alla, imma hi ma kinitx verament tħobbu, u lanqas Adam. (Ġen. 3:1-6) Mela aħna rridu nagħmlu iktar milli ngħallmu l-​liġijiet t’Alla.

11. Meta ngħallmu lill-​istudenti l-​liġijiet t’Alla, kif nistgħu ngħinuhom iħobbu l-​Wieħed li tahomlna?

11 Il-​liġijiet taʼ Ġeħova huma dejjem taʼ ġid għalina. (Salm 119:97, 111, 112) Imma l-​istudenti tagħna jaf ma jifhmux dan mill-​ewwel sakemm jifhmu li Ġeħova tahomlna għax iħobbna. Allura nistgħu nistaqsu lill-​istudent: “Għala taħseb li ċerti affarijiet Alla jridna nagħmluhom filwaqt li oħrajn ma jridniex? Dan x’jgħallimna dwar Ġeħova?” Jekk ngħinu lill-​istudenti jaħsbu dwar Ġeħova u l-​isem kbir tiegħu, hemm iktar ċans li nilħqulhom qalbhom. Huma mhux biss se jħobbu l-​liġijiet, imma wkoll il-​Wieħed li tahomlna. (Salm 119:68) Dan se jsaħħaħ il-​fidi tagħhom u jgħinhom biex jissaportu l-​provi li se jiffaċċjaw.—1 Kor. 3:12-15.

“SE NIMXU F’ISEM ĠEĦOVA”

Darba minnhom, David ma baqax qalbu sħiħa lejn Ġeħova (Ara paragrafu 12)

12. Qalb David meta ma baqgħetx sħiħa lejn Ġeħova, u x’kien ir-​riżultat?

12 Espressjoni importanti ħafna li nsibu f’​Salm 86:11 hija “agħtini qalb sħiħa.” Is-​Sultan David kien ispirat biex jikteb dan il-​kliem. Matul ħajtu, hu ra kemm hu faċli li ma tibqax b’qalb sħiħa lejn Ġeħova. Darba minnhom, hu kien fuq il-​bejt u ra mara taʼ raġel ieħor tinħasel. Dak il-​ħin, qalb David kienet sħiħa lejn Ġeħova? Hu kien jaf il-​liġi taʼ Ġeħova: “Tixtieqx mart għajrek.” (Eżo. 20:17) Minkejja dan, hu baqaʼ jħares lejha. Issa f’qalbu kellu x-​xewqa li jogħġob lil Ġeħova u x-​xewqa għal dik il-​mara, Bat-​seba. Minkejja li David kien iħobb u jirrispetta lil Ġeħova, hu xorta aġixxa skont ix-​xewqa egoista tiegħu. Minħabba dan, David għamel affarijiet ħżiena. Dan ġab tmaqdir fuq isem Ġeħova u kkaġuna ħafna wġigħ lil nies innoċenti, inkluż il-​familja tiegħu.—2 Sam. 11:1-5, 14-17; 12:7-12.

13. Kif nafu li qalb David reġgħet kienet sħiħa lejn Ġeħova?

13 Ġeħova ddixxiplina lil David u hu reġaʼ sar ħabib maʼ Ġeħova. (2 Sam. 12:13; Salm 51:2-4, 17) Meta naqraw il-​kliem f’​Salmi 86:11, naraw li David żgur li ftakar fil-​problemi u d-​dwejjaq li kellu meta qalbu ma baqgħetx sħiħa lejn Ġeħova. Ġeħova għenu lil David. Kif nafu dan? Għax iktar tard il-​Bibbja tirreferi għal David bħala raġel li qalbu kienet sħiħa lejn Ġeħova Alla tiegħu.—1 Slat. 11:4; 15:3.

14. Liema mistoqsija rridu nsaqsu lilna nfusna, u għala?

14 L-​eżempju taʼ David huwa kemm taʼ twissija, kif ukoll inkuraġġanti għalina. Id-​dnub serju li għamel huwa taʼ tagħlima għall-​qaddejja t’Alla llum. Sew jekk bdejna naqdu lil Ġeħova issa u sew jekk ilna naqduh għal ħafna snin, irridu nsaqsu lilna infusna, ‘Jien qed nirreżisti l-​attakki taʼ Satana biex nibqaʼ b’qalbi sħiħa lejn Ġeħova?’

Satana se jagħmel minn kollox biex int ma tibqax taqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Tħallihx! (Ara paragrafi 15-16) *

15. Qalb sħiħa lejn Ġeħova, kif tistaʼ tipproteġina meta naraw stampi li jqanqlu xewqat sesswali?

15 Pereżempju, jekk tara stampa li tistaʼ tqanqal xewqat sesswali fuq it-​televixin jew fuq l-​Internet, x’tagħmel? Forsi tirraġuna li l-​istampa jew il-​film mhux propja pornografija. Imma tistaʼ tkun xi ħaġa li Satana qed juża biex ma tibqax leali lejn Ġeħova? (2 Kor. 2:11) Dik ix-​xena nistgħu nqabbluha maʼ gidma taʼ nemusa, li iktar ma tħokkha iktar se tieklok. U jekk tibqaʼ tħokkha, se tagħmel ferita. Ix-​xeni sesswali jistgħu jkunu bħal gidma taʼ nemusa. Jekk nibdew naraw dawn l-​affarijiet għax forsi naħsbu li ma jagħmlux ħsara, maż-​żmien jistgħu jwassluna biex nidinbu kontra Ġeħova. Mela tħalli xejn li jistaʼ jagħmillek il-​ħsara jidħol f’qalbek! Żomm qalbek sħiħa lejn Ġeħova biex turi li tħobbu!

16. Meta niġu ttantati biex nagħmlu xi ħaġa ħażina, liema mistoqsijiet għandna nsaqsu lilna nfusna?

16 Minbarra xeni sesswali, Satana juża ħafna affarijiet oħra biex jipprova jġegħelna nagħmlu affarijiet ħżiena. Kif nirreaġixxu? Huwa faċli biex naħsbu li dawn l-​affarijiet mhumiex daqstant ħżiena. Pereżempju, nistgħu nirraġunaw: ‘Jekk nagħmel din il-​ħaġa, mhux se niġi maqtugħ mis-​sħubija, allura mhux daqshekk serja.’ Raġunar bħal dan huwa ħażin ħafna. Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Qiegħed Satana juża din it-​tentazzjoni biex ma nibqax leali lejn Ġeħova? Jekk inċedi għal xewqat ħżiena, se nġib tmaqdir fuq isem Ġeħova? B’dak li se nagħmel, se nersaq eqreb taʼ Ġeħova, jew se nitbiegħed minnu?’ Immedita fuq dawn il-​mistoqsijiet. Itlob għall-​għerf biex twiġibhom b’qalb onestà. (Ġak. 1:5) Jekk tagħmel hekk, se tkun protett sew. Dan jistaʼ jgħinek biex tibqaʼ sod meta tiffaċċja xi tentazzjoni, bħalma għamel Ġesù meta qal: “Mur ’l hemm, Satana!”—Mt. 4:10.

17. Għala mhux tajjeb li qalbna ma tkunx sħiħa lejn Ġeħova? Agħti eżempju.

17 Kemm hu importanti li qalbna tkun sħiħa lejn Ġeħova. Immaġina li membri taʼ tim tal-​isports ma jaqblux bejniethom. Xi wħud minnhom iridu jidhru huma l-​aħjar, oħrajn ma jilagħbux skont ir-​regoli tal-​logħba, u oħrajn ma jirrispettawx lill-​kowċ. Tim bħal dan ma tantx għandu ċans li jirbaħ xi logħba. Però, tim li jilgħab f’armonija għandu ċans ikbar li jkollu suċċess. Qalbek tistaʼ tkun bħal dak it-​tim li jkollu suċċess jekk il-​ħsibijiet, ix-​xewqat, u l-​emozzjonijiet tiegħek ikunu f’unjoni biex tibqaʼ taqdi lil Ġeħova. Ftakar li Satana ma jridekx tibqaʼ leali lejn Ġeħova. Hu jrid li l-​ħsibijiet, ix-​xewqat, u l-​emozzjonijiet tiegħek ma jaqblux mal-​livelli taʼ Ġeħova. Imma int irid ikollok qalb sħiħa lejn Ġeħova biex tkun tistaʼ taqdih. (Mt. 22:36-38) Tħallix lil Satana jwaqqfek milli tagħmel dan!

18. Fi qbil mal-​kliem taʼ Mikea 4:5, x’inti determinat li tagħmel?

18 Itlob lil Ġeħova kif għamel David: “Agħtini qalb sħiħa biex nibżaʼ minn ismek.” Agħmel dak kollu li tistaʼ biex tapplika din it-​talba fil-​ħajja tiegħek. Kull ġurnata, kun determinat li kull deċiżjoni li tieħu, kbira jew żgħira, turi li inti għandek rispett kbir għall-​isem taʼ Ġeħova. Billi tagħmel hekk, bħala Xhud taʼ Ġeħova, se tirrifletti tajjeb fuq ismu. (Prov. 27:11) U aħna kollha, flimkien mal-​profeta Mikea, se nkunu nistgħu ngħidu: “Se nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”—Mik. 4:5.

GĦANJA 41 Jekk jogħġbok, ismaʼ talbi

^ par. 5 F’dan l-​artiklu se niddiskutu x’qal David fit-​talba tiegħu lil Alla f’​Salm 86:11, 12. Xi jfisser li nibżgħu mill-​isem taʼ Ġeħova? Għala għandu jkollna rispett kbir għal dan l-​isem? U l-​biżaʼ minn Alla, kif tipproteġina meta nkunu mħajrin nagħmlu xi ħaġa ħażina?

^ par. 53 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Mosè għallem għanja lill-​poplu t’Alla li tfaħħar lil Ġeħova.

^ par. 57 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Eva ċediet għax-​xewqat ħżiena tagħha. B’kuntrast, aħna ma nibqgħux inħarsu lejn stampi jew messaġġi li jistgħu jqanqlu xewqat ħżiena u jġibu tmaqdir fuq isem Ġeħova.