Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 26

“Erġgħu Lura Lejja”

“Erġgħu Lura Lejja”

“Erġgħu lura lejja, u jien nerġaʼ lura lejkom.”—MAL. 3:7.

GĦANJA 102 ‘Għinu lid-​dgħajfin’

ĦARSA BIL-QUDDIEM *

1. Ġeħova kif iħossu meta xi ħadd li waqaf jaqdih jerġaʼ lura għandu?

KIF iddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel dan, Ġeħova jqabbel lilu nnifsu maʼ ragħaj tajjeb li jimpurtah ġenwinament minn nagħaġ tiegħu. U lil dawk kollha li jitbiegħdu minnu, hu jfittixhom. Lill-​Iżraelin li telquh, Ġeħova qalilhom: “Erġgħu lura lejja, u jien nerġaʼ lura lejkom.” Aħna nafu li għadu jħossu bl-​istess mod, għax hu qal: “Jien ma nbdiltx.” (Mal. 3:7) Ġesù qal li Ġeħova u l-​anġli jifirħu ħafna anki jekk wieħed biss mill-​qaddejja tiegħu li jkun tbiegħed minnu jerġaʼ lura.—Lq. 15:10, 32.

2. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 Ejja nikkunsidraw tliet tixbihat li qal Ġesù. Dawn se jgħallmuna kif ngħinu wħud li tbiegħdu minn Ġeħova. Se nitkellmu wkoll dwar kwalitajiet partikulari li għandna bżonn biex ngħinu lil dawk inattivi jerġgħu lura. U se naraw li meta nagħmlu sforz kbir biex ngħinuhom se nkunu ferħanin.

FITTXU L-​MUNITA MITLUFA

3-4. Il-​mara li tissemma f’​Luqa 15:8-10, għala fittxet bir-​reqqa l-​munita li ntilfitilha?

3 Aħna rridu naħdmu iebes biex insibu lil dawk li jridu jiġu lura għand Ġeħova. Fl-​Evanġelju taʼ Luqa, Ġesù qal storja dwar waħda mara li tilfet munita taʼ valur għoli li tissejjaħ drakma. L-​iktar punt importanti fl-​istorja hu dwar kemm il-​mara ħadmet iebes biex tfittex il-​munita.—Aqra Luqa 15:8-10.

4 Ġesù jiddeskrivi kif il-​mara ħassitha meta sabet il-​munita taʼ valur. Fi żmien Ġesù, xi ommijiet Lhud kienu jagħtu għaxar muniti lit-​tifla tagħhom fil-​ġurnata tat-​tieġ. X’aktarx, il-​munita kienet waħda minnhom. Il-​mara taħseb li l-​munita waqgħet mal-​art. Għalhekk, hi tixgħel lampa u tfittixha imma ma ssibhiex. Il-​lampa taż-​żejt ma tagħtihiex biżżejjed dawl biex tara l-​munita żgħira tal-​fidda. Fl-​aħħar, hi tiknes sew id-​dar kollha. Fit-​trab li ġabret hi tara xi ħaġa tleqq, li kienet id-​drakma prezzjuża. Issa li sabitha tħossha ferħana ħafna! Hi ssejjaħ lill-​ħbieb u l-​ġirien biex tgħidilhom bl-​aħbar.

5. Għala jinvolvi xogħol iebes biex issib lill-​aħwa inattivi?

5 Kif naraw fit-​tixbiha taʼ Ġesù, jinvolvi xogħol iebes biex issib xi ħaġa li tkun intilfet. Bl-​istess mod, għandu mnejn ikollna naħdmu iebes biex insibu lill-​uħud inattivi. Forsi għaddew is-​snin minn meta waqfu. Jistaʼ jkun li marru joqogħdu xi mkien ieħor, u minħabba f’hekk l-​aħwa tal-​lokal ma jafux min huma. Imma nistgħu nkunu ċerti li bħalissa hemm uħud inattivi li vera jixtiequ jiġu lura. Huma jridu jerġgħu jaqdu lil Ġeħova maʼ ħuthom, imma għandhom bżonn l-​għajnuna tagħna.

6. Dawk kollha fil-​kongregazzjoni, kif jistgħu jgħinu biex isibu aħwa inattivi?

6 Min jistaʼ jgħin fit-​tfittxija għall-​aħwa inattivi? Il-​pubblikaturi kollha fil-​kongregazzjoni jistgħu jgħinu, inkluż l-​anzjani, il-​pijunieri, u tal-​familja. Għandek inti xi ħabib jew xi ħadd fil-​familja li hu inattiv? Jekk waqt li tkun fil-​ministeru tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li sar inattiv, x’għandek tagħmel? Spjega lill-​individwu li jekk jixtieq li jżuruh l-​anzjani, bil-​permess tiegħu, tistaʼ tagħti l-​indirizz u n-​numru tal-​mowbajl lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni.

7. X’titgħallem minn dak li qal anzjan jismu Thomas?

7 L-​iktar li għandhom ifittxu lill-​uħud inattivi u li jixtiequ jiġu lura huma l-​anzjani. Kif jistgħu jagħmlu dan? Innota x’qal anzjan jismu Thomas, * li jgħix fi Spanja. Hu għen lil 40 Xhud jerġgħu lura fil-​kongregazzjoni. Thomas jgħid: “L-​ewwel, jien nistaqsi lill-​aħwa jekk jafux fejn joqogħdu xi wħud li m’għadhomx jiġu. Jew nistaqsi lill-​pubblikaturi jekk jiftakrux lil xi ħadd li qabel kien jiġi u li issa m’għadux. Il-​biċċa l-​kbira fil-​kongregazzjoni jkunu lesti jgħinu b’entużjażmu. Iktar tard, meta nżur lill-​aħwa inattivi, nistaqsihom dwar it-​tfal u l-​familja tagħhom. Xi aħwa inattivi kienu jġibu t-​tfal magħhom għal-​laqgħat, u jistaʼ jkun li dawn kienu pubblikaturi wkoll. Dawn ukoll għandhom bżonn l-​għajnuna tagħna biex jiġu lura għand Ġeħova.”

ĠIBU LURA T-​TFAL TAʼ ĠEĦOVA FIL-​KONGREGAZZJONI

8. Fit-​tixbiha li nsibu f’​Luqa 15:17-24, il-​missier kif trattah lil ibnu li nidem?

8 Liema kwalitajiet għandna bżonn biex ngħinu lill-​uħud li jixtiequ jiġu lura għand Ġeħova? Innota l-​lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mit-​tixbiha taʼ Ġesù dwar l-​iben il-​ħali li telaq mid-​dar. (Aqra Luqa 15:17-24.) Ġesù jispjega li l-​iben fl-​aħħar jiġi f’sensih u ddeċieda li jmur lura d-​dar. Xħin il-​missier ra lil ibnu ġej, hu telaq jiġri jgħannqu. B’dan, it-​tifel kien ċert li missieru baqaʼ jħobbu ħafna. It-​tifel ħass il-​kuxjenza tniggżu u ma ħasibx li jistħoqqlu jkun trattat bħala iben. Il-​missier wera empatija miegħu, jiġifieri fehmu u ħass għalih, hekk kif ibnu qallu kif kien qed iħossu. Imbagħad, il-​missier ħa passi prattiċi biex juri lil ibnu li kien kuntent li reġaʼ mar lura d-​dar. Il-​missier ma ttrattax lil ibnu bħal lavrant imma bħala ibnu l-​maħbub. Biex jagħti prova taʼ dan, il-​missier għamillu festa u anki tah libsa mill-​isbaħ.

9. Liema kwalitajiet irid ikollna biex ngħinu lill-​uħud inattivi? (Ara l-​kaxxa “ Kif Ngħinu lil Dawk li Jixtiequ Jiġu Lura.”)

9 Ġeħova qisu l-​missier fit-​tixbiha. Hu jħobb lil ħutna rġiel u nisa li jixtiequ jerġgħu lura għandu. Jekk nimitaw lil Ġeħova, aħna nistgħu ngħinuhom jiġu lura. Biex nagħmlu dan, irridu nuru l-​paċenzja, l-​empatija, u l-​imħabba. Għala rridu nuru dawn il-​kwalitajiet, u kif nistgħu nagħmlu dan?

10. Għala għandna bżonn il-​paċenzja meta ngħinu lill-​persuna terġaʼ lura lejn Ġeħova?

10 Biex ngħinu lil persuna terġaʼ lura għand Ġeħova jieħu ż-​żmien, allura għandna bżonn il-​paċenzja. Ħafna li qabel kienu inattivi jgħidu li l-​anzjani u oħrajn fil-​kongregazzjoni kellhom iżuruhom ħafna drabi qabel reġgħu bdew jaqdu lil Ġeħova. Oħt jisimha Nancy, mill-​Asja, kitbet: “Ħabiba kbira fil-​kongregazzjoni għenitni ħafna. Hi tħobbni qisni oħtha ż-​żgħira. Hi fakkritni f’affarijiet sbieħ li gawdejna fil-​passat. Kienet tismagħni bil-​paċenzja meta kont niftaħ qalbi magħha, u ma kinitx iżżomm lura milli tagħtini parir. Hi wrietni li kienet ħabiba taʼ vera, li dejjem hemm għalija.”

11. Għala għandna bżonn nuru empatija maʼ wħud li ġew imweġġgħin?

11 Bħal ferita, l-​uġigħ emozzjonali jweġġaʼ. L-​empatija qisha mediċina tajba li tgħin lil persuna tħossha aħjar. Xi wħud inattivi ġew imweġġgħin snin ilu minn xi ħadd fil-​kongregazzjoni, u dawn għadhom imweġġgħin u rrabjati ħafna. Minħabba dan, huma ma jixtiqux jerġgħu lura lejn Ġeħova għax iħossu li ġew trattati b’mod inġust. Forsi jkollhom bżonn lil xi ħadd biex jismagħhom u jipprova jifhimhom. (Ġak. 1:19) María, li kienet inattiva, tgħid, “Kelli bżonn lil xi ħadd biex jismagħni, jinkuraġġini, jagħtini pariri tajbin, u jgħinni.”

12. L-​imħabba taʼ Ġeħova kif tistaʼ titqabbel maʼ ħabel?

12 Il-​Bibbja tqabbel l-​imħabba taʼ Ġeħova għan-​nies tiegħu maʼ ħabel. F’liema sens? Aħseb dwar dan l-​eżempju: Immaġina li qed tegħreq f’baħar imqalleb u xi ħadd iwaddablek tyre tas-​salvataġġ. Żgur li inti se tapprezza għax dan jistaʼ jgħinek biex ma tegħriqx. Imma dan mhux biżżejjed biex tibqaʼ ħaj. Il-​baħar huwa kiesaħ, u jekk mhux se titlaʼ fuq dgħajsa tas-​salvataġġ, mhux se ssalva. Int għandek bżonn lil xi ħadd iwaddablek ħabel u jiġbdek lejn id-​dgħajsa. Lill-​Iżraelin li tbiegħdu minnu, Ġeħova qal dwarhom: “Bqajt niġbidhom, bl-​irbit taʼ l-​imħabba.” (Ħos. 11:4) Illum, Alla jħossu bl-​istess mod għal dawk li waqfu jaqduh u li għandhom ħafna problemi u ansjetajiet. Hu jridhom ikunu jafu li jħobbhom, u jixtieq li jerġgħu lura għandu. U Ġeħova jistaʼ juża lilek biex tgħin lil dawn l-​uħud iħossu l-​imħabba tiegħu.

13. L-​esperjenza taʼ Pablo, kif turi li l-​imħabba tagħna tistaʼ tgħin lil oħrajn biex iduru lejn Ġeħova?

13 Hu importanti li lill-​aħwa inattivi nibqgħu naċċertawhom li Ġeħova jħobbhom, u nuruhom li aħna wkoll inħobbuhom. Pablo, li ssemma fl-​artiklu taʼ qabel dan, kien ilu inattiv għal iktar minn 30 sena. Hu jgħid: “Darba minnhom, kif ħriġt mid-​dar, iltqajt m’oħt dħulija mdaħħla fiż-​żmien, u kellmitni bi mħabba. Infqajt nibki. Jien għedtilha li kien qisu Ġeħova bagħatha biex tkellimni. Dakinhar, iddeċidejt li nerġaʼ lura lejn Ġeħova.”

BI MĦABBA GĦINU LID-​DGĦAJFIN

14. Fi qbil mat-​tixbiha li nsibu f’​Luqa 15:4, 5, ir-​ragħaj x’għamel wara li sab in-​nagħġa?

14 Wara li nsibu lill-​uħud inattivi għandna nibqgħu ninkuraġġuhom u ngħinuhom. Bħall-​iben il-​ħali fit-​tixbiha taʼ Ġesù, huma jaf ikollhom uġigħ emozzjonali kbir li jdum biex ifiq. U minħabba li kienu fid-​dinja taʼ Satana, x’aktarx li m’għadhomx qrib Ġeħova bħal qabel. Irridu ngħinuhom isaħħu l-​fidi tagħhom f’Ġeħova. Fit-​tixbiha tan-​nagħġa l-​mitlufa, Ġesù jgħidilna kif ir-​ragħaj jerfaʼ n-​nagħġa fuq spallejh u jiħodha lura mal-​merħla. Ir-​ragħaj kien diġà uża l-​ħin u l-​enerġija biex isib in-​nagħġa l-​mitlufa. Imma hu jaf li n-​nagħġa għandha bżonn iktar għajnuna, għax m’għandhiex saħħa biżżejjed biex terġaʼ timxi lura waħedha lejn il-​merħla.—Aqra Luqa 15:4, 5.

15. Kif nistgħu ngħinu lill-​aħwa dgħajfin? (Ara l-​kaxxa “ Għodda Utli Ħafna.”)

15 Jistaʼ jkun li jkollna bżonn inqattgħu ħafna ħin u enerġija maʼ dawk inattivi biex jegħlbu xi problemi diffiċli li jkollhom. Imma permezz tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, il-​Kelma tiegħu, u l-​pubblikazzjonijiet provduti mill-​organizzazzjoni, aħna nistgħu ngħinuhom isaħħu l-​ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova. (Rum. 15:1) Kif nistgħu nagħmlu dan? Anzjan tal-​esperjenza jgħid, “Il-​biċċa l-​kbira taʼ dawk inattivi jkollhom bżonn studju tal-​Bibbja meta jiddeċiedu li jerġgħu lura lejn Ġeħova.” * Għalhekk, jekk anzjan isaqsik biex tistudja maʼ xi ħadd inattiv, aċċetta dan il-​privileġġ mill-​qalb. L-​anzjan qal ukoll, “Il-​pubblikatur li jagħmel l-​istudju għandu jkun xi ħadd li jaf ikun ħabib tajjeb, u li l-​ħu jew l-​oħt inattiva tkun tistaʼ tafda u tħossha komda.”

FERĦ FIS-​SEMA U FUQ L-​ART

16. Għala nafu li l-​anġli qed jgħinuna?

16 Hemm ħafna esperjenzi li juru li l-​anġli qed jgħinuna nsibu l-​aħwa inattivi li jixtiequ jiġu lura għand Ġeħova. (Riv. 14:6) Pereżempju, Silvio, mill-​Ekwador, talab mill-​qalb lil Ġeħova biex jibgħatlu lil xi ħadd biex jgħinu jerġaʼ lura. Waqt li kien għadu qed jitlob daqqet il-​qanpiena u, malli fetaħ il-​bieb, ra żewġ anzjani. Matul dik iż-​żjara, huma kienu ferħanin li setgħu jibdew jgħinuh.

17. Kif se nħossuna jekk ngħinu lill-​aħwa inattivi?

17 Aħna se nkunu ferħanin ħafna meta ngħinu lill-​aħwa inattivi jerġgħu lura lejn Ġeħova. Ara x’qal ħu jismu Salvador, pijunier li jagħti attenzjoni speċjali biex jgħin lil uħud inattivi: “Xi kultant nibki bil-​ferħ meta narahom jiġu lura. Jiena vera ferħan li nistaʼ naħdem flimkien maʼ Ġeħova biex ngħin lil wieħed mill-​qaddejja prezzjużi tiegħu joħroġ mid-​dinja taʼ Satana.”—Atti 20:35.

18. Jekk inti inattiv, minn xiex tistaʼ tkun ċert?

18 Jekk waqaft tipprietka u m’għadekx tmur il-​laqgħat, kun ċert li Ġeħova għadu jħobbok. Hu jixtieqek terġaʼ lura. Int se jkollok tagħmel sforz biex terġaʼ lura għandu. Imma bħall-​missier li semma Ġesù fit-​tixbiha, Ġeħova b’qalbu kollha qed jistenniek biex jilqgħek lura.

GĦANJA 103 Ir-​ragħajja—Irġiel bħala għotjiet

^ par. 5 Ġeħova jixtieq lill-​aħwa li m’għadhomx jippritkaw u ma jattendux il-​laqgħat, biex jerġgħu lura għandu. Aħna nistgħu ninkuraġġixxu lill-​uħud inattivi li jixtiequ jaċċettaw l-​istedina taʼ Ġeħova: “Erġgħu lura lejja.” F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw kif aħna nistgħu ngħinuhom.

^ par. 7 Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 15 Xi wħud inattivi sabu t’għajnuna li jistudjaw partijiet mill-​ktieb Kif tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla, imma oħrajn ibbenefikaw meta qraw kapitli mill-​ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah. Il-​Kumitat tas-​Servizz tal-​Kongregazzjoni għandu r-​responsabbiltà li jagħżel il-​pubblikatur li għandu jagħmel l-​istudju mal-​persuna inattiva.

^ par. 68 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Tliet aħwa differenti jagħtu għajnuna lil ħu li jixtieq jiġi lura. Dan jagħmluh billi jżommu kuntatt miegħu, jaċċertawh li jħobbuh, jisimgħuh, u jipprovaw jifhmuh.