Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 25

‘Jien Stess Se Nfittex lin-Nagħaġ Tiegħi’

‘Jien Stess Se Nfittex lin-Nagħaġ Tiegħi’

“Jien stess . . . se nfittex lin-​nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom.”—EŻEK. 34:11.

GĦANJA 105 “Alla hu mħabba”

ĦARSA BIL-QUDDIEM *

1. Ġeħova għala qabbel lilu nnifsu maʼ omm taʼ tarbija?

“TISTAʼ mara tinsa lit-​tarbija tagħha?” Din kienet mistoqsija li Ġeħova staqsa fi żmien il-​profeta Isaija. Lill-​poplu tiegħu qallu hekk: “Anki dawn in-​nisa jistgħu jinsew, iżda jien ma ninsiekx.” (Is. 49:15) Normalment, Ġeħova ma jqabbilx lilu nnifsu maʼ omm. Però, hawnhekk hekk għamel. Ġeħova qabbel dak li ħass għall-​qaddejja tiegħu mal-​imħabba kbira li jkollha omm għat-​tarbija tagħha. Dan għamlu biex juri l-​imħabba kbira li għandu għall-​qaddejja tiegħu. Il-​biċċa l-​kbira tal-​ommijiet jaqblu maʼ dak li tgħid oħt jisimha Jasmin: “Meta jkollok tarbija, ikollok rabta speċjali li tibqaʼ għal dejjem.”

2. Ġeħova kif iħossu meta wieħed minn uliedu jsir inattiv?

2 Ġeħova jaf meta wieħed mill-​qaddejja tiegħu jieqaf jipprietka u ma jibqax imur il-​laqgħat. Allura, żgur li jħossu mdejjaq għall-​aħħar dwar l-​eluf taʼ qaddejja li jsiru inattivi * kull sena.

3. Ġeħova x’jixtieq?

3 Ħafna minn ħutna l-​għeżież jerġgħu lura fil-​kongregazzjoni, u aħna nkunu ferħanin b’dan! Ġeħova jixtieq li jerġgħu lura, u anka aħna. (1 Pt. 2:25) Kif nistgħu ngħinuhom? Qabel ma nwieġbu din il-​mistoqsija, ikun tajjeb li nifhmu għala xi wħud jieqfu jmorru l-​laqgħat u ma jibqgħux jippritkaw.

GĦALA XI WĦUD JIEQFU JAQDU LIL ĠEĦOVA?

4. Xi wħud kif jiġu affettwati mix-​xogħol?

4 Xi wħud ħallew ix-​xogħol isir l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjithom. Hung, * ħu li jgħix fl-​Asja jammetti, “Inqattaʼ wisq ħin u naħli wisq enerġija fix-​xogħol. Kemm kont żbaljat meta ħsibt li jekk ikolli iktar flus se nkun nistaʼ naqdi lil Ġeħova aħjar. Peress li bdejt naħdem iktar, bdejt infalli l-​laqgħat taʼ spiss sakemm fl-​aħħar waqaft għalkollox. Satana juża d-​dinja biex bil-​mod il-​mod itellef lin-​nies milli jaqdu lil Alla.”

5. Oħt kif ġiet affettwata minħabba l-​problemi kollha li kellha?

5 Xi aħwa għandhom ħafna problemi li jiskuraġġuhom. Anne, mill-​Brittanja, għandha ħamest itfal. “Wieħed mit-​tfal twieled b’diżabilità fiżika,” tispjega Anne. “Maż-​żmien, waħda mit-​tfal ġiet maqtugħa mis-​sħubija u tifel ieħor beda jbati b’marda mentali. Tant ħassejtni dipressa li waqaft immur il-​laqgħat u nipprietka. Maż-​żmien, sirt inattiva.” Aħna nħossu ħafna għal Anne u l-​familja tagħha, u għal oħrajn li għandhom problemi simili!

6. Għala għandna mnejn nitbiegħdu min-​nies t’Alla jekk ma napplikawx Kolossin 3:13?

6 Aqra Kolossin 3:13. Xi wħud mix-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew imweġġgħin minn xi ħu jew oħt fil-​kongregazzjoni. L-​appostlu Pawlu fehem li kultant ikollna raġun biex ‘nilmentaw kontra’ xi ħu jew oħt. Jistaʼ jkun ukoll li ġejna trattati ħażin. Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nimtlew bir-​rabja. Din ir-​rabja tistaʼ twassalna biex nitbiegħdu min-​nies taʼ Ġeħova. Aħseb fuq l-​esperjenza taʼ Pablo, ħu fl-​Amerka t’Isfel. Xi ħadd gideb u akkuża lil Pablo li għamel xi ħaġa ħażina. Hu kien innoċenti. Imma l-​anzjani ddeċidew li għandu jitlef privileġġ fil-​kongregazzjoni. Kif aġixxa? Pablo jgħid, “Irrabjajt, u bil-​mod il-​mod sirt inattiv.”

7. X’jistaʼ jiġrilu xi ħadd li l-​kuxjenza tiegħu tibqaʼ tniggżu?

7 Jekk xi ħadd fil-​passat ikun għamel xi ħaġa ħażina, għandu mnejn jibqaʼ jħossu ħażin. Forsi jħoss li Alla ma jistax iħobbu iktar. Minkejja li jkun nidem u ġie muri l-​ħniena, forsi jaħseb li hu ma għadux tajjeb biżżejjed biex ikun wieħed min-​nies taʼ Ġeħova. Ħu li jismu Francisco hekk ħassu. Hu qal: “Minħabba li waqajt fl-​immoralità sesswali, ġejt imwiddeb.” Hu jkompli jgħid: “Għalkemm għall-​ewwel bqajt immur il-​laqgħat, ħassejtni mdejjaq u li ma jistħoqqlix inkun fost in-​nies taʼ Ġeħova. Il-​kuxjenza baqgħet tniggiżni, u kont konvint li Ġeħova ma ħafirlix. Maż-​żmien, waqaft nipprietka u ma bqajtx immur il-​laqgħat.” Kif tħossok dwar aħwa li jgħaddu minn sitwazzjonijiet bħal dawn li għadna kemm iddiskutejna? Tipprova tifhimhom? U iktar importanti minn hekk, Ġeħova kif iħossu dwarhom?

ĠEĦOVA JĦOBB LIN-​NAGĦAĠ TIEGĦU

Ragħaj Iżraeli kien jimpurtah ħafna min-nagħġa mitlufa (Ara paragrafi 8-9) *

8. Ġeħova jinsiehom lil dawk li kienu jaqduh? Spjega.

8 Ġeħova ma jinsiex lil dawk li kienu jaqduh u waqfu għal xi żmien. U lanqas ma jinsa dak li għamlu għalih. (Ebr. 6:10) Il-​profeta Isaija kiteb tixbiha mill-​isbaħ dwar kif Ġeħova jieħu ħsieb lin-​nies tiegħu. Hu qal: “Bħal ragħaj se jirgħa l-​merħla tiegħu. Bi driegħu se jiġbor flimkien il-​ħrief; u jġorrhom f’ħobbu.” (Is. 40:11) Ir-​Ragħaj il-​Kbir, kif iħossu jekk waħda minn nagħaġ tiegħu tieqaf taqdih? Ġesù wera kif iħossu Ġeħova meta lid-​dixxipli tiegħu staqsiehom: “X’taħsbu intom? Jekk raġel ikollu mitt nagħġa u tintilef waħda minnhom, ma jħallix hu lid-​disgħa u disgħin fuq il-​muntanji u jitlaq ifittex lil dik li ntilfitlu? U jekk jirnexxilu jsibha, tassew ngħidilkom li jifraħ biha iktar milli bid-​disgħa u disgħin li ma ntilfux.”—Mt. 18:12, 13.

9. Ragħaj tajjeb kif jittratta lin-​nagħaġ tiegħu? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

9 Għala nistgħu nqabblu lil Ġeħova maʼ ragħaj? Għax ragħaj tajjeb jieħu ħsieb sew lin-​nagħaġ tiegħu. Pereżempju, David iġġieled maʼ ors u ljun biex jipproteġi lill-​merħla tiegħu. (1 Sam. 17:34, 35) Ragħaj tajjeb se jinduna anki jekk nagħġa waħda tiġi nieqsa. (Ġw. 10:3, 14) Ragħaj bħal dan iħalli lid-​99 nagħġa f’post li m’hemmx periklu, jew f’idejn ragħaj ieħor, u jmur ifittex lil dik il-​waħda li ntilfet. Ġesù uża din it-​tixbiha biex jgħallimna verità importanti: “Missieri li hu fis-​sema ma jridx li jinqered wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin.”—Mt. 18:14.

Ragħaj f’Iżrael tal-qedem qed jieħu ħsieb nagħġa li kienet mitlufa (Ara paragrafu 9)

ĠEĦOVA JFITTEX LIN-​NAGĦAĠ TIEGĦU

10. Skont Eżekjel 34:11-​16, Ġeħova x’wiegħed li se jagħmel għan-​nagħaġ li ntilfu?

10 Ġeħova jħobb lil kull wieħed minna, anki liċ-​“ċkejknin” li tbiegħdu mill-​merħla. Permezz tal-​profeta Eżekjel, Alla wiegħed li se jfittex lin-​nagħaġ mitlufin tiegħu u jgħinhom jerġaʼ jkollhom ħbiberija miegħu. Hu qal x’kien se jagħmel biex isalvahom. Dan hu simili għal dak li kien jagħmel ragħaj Iżraeli f’każ li nagħġa tintilef. (Aqra Eżekjel 34:11-​16.) L-​ewwel, ir-​ragħaj kien ifittex lin-​nagħġa, u dan kien jirrikjedi ħafna ħin u sforz. It-​tieni, meta kien isib lin-​nagħġa kien jiħodha lura mal-​merħla. It-​tielet, jekk in-​nagħġa tkun imweġġgħa jew bil-​ġuħ, bi mħabba r-​ragħaj kien jieħu ħsieb il-​feriti tagħha, iġorrha, u jitmagħha. L-​anzjani, ir-​ragħajja tal-​“merħla t’Alla,” għandhom bżonn jagħmlu l-​istess maʼ dawk li tbiegħdu mill-​kongregazzjoni. (1 Pt. 5:2, 3) L-​anzjani jfittxuhom, jgħinuhom biex jiġu lura fil-​kongregazzjoni, u juruhom l-​imħabba billi jgħinuhom isiru l-​ħbieb taʼ Ġeħova. *

11. Ragħaj tajjeb x’jaf?

11 Ragħaj tajjeb jaf li nagħġa tistaʼ tintilef. U jekk nagħġa kienet titbiegħed mill-​merħla, ir-​ragħaj ma kienx jittrattaha bl-​aħrax. Ikkunsidra l-​eżempju li ħalla Alla meta għen uħud mill-​qaddejja tiegħu li għal xi żmien tbiegħdu minnu.

12. Ġeħova kif tratta lil Ġona?

12 Il-​profeta Ġona m’obdiex lil Ġeħova u ma marx Ninwe. Minkejja dan, Ġeħova ma qatax qalbu minn Ġona. Bħal ragħaj tajjeb, Ġeħova salvah u għenu biex jerġaʼ jkollu s-​saħħa li kellu bżonn biex iwettaq l-​inkarigu tiegħu. (Ġona 2:7; 3:1, 2) Iktar tard, Alla uża siġra biex jgħin lil Ġona jifhem kemm hi importanti l-​ħajja taʼ kull bniedem. (Ġona 4:10, 11) X’inhi t-​tagħlima? L-​anzjani m’għandhomx jaqtgħu qalbhom malajr minn uħud li jsiru inattivi. Minflok, l-​anzjani għandhom jipprovaw jifhmu x’ġiegħel lin-​nagħġa titbiegħed mill-​merħla. U meta n-​nagħġa tiġi lura għand Ġeħova, l-​anzjani għandhom jibqgħu juru mħabba u interess fiha.

13. X’nistgħu nitgħallmu minn kif aġixxa Ġeħova għall-​kliem li qal is-​salmista?

13 Il-​kittieb taʼ Salm 73 sar skuraġġit meta ra li l-​ħżiena donnhom dejjem jirnexxu. Hu ddubita jekk kienx hemm xi benefiċċju f’li jagħmel ir-​rieda t’Alla. (Salm 73:12, 13, 16) Ġeħova kif aġixxa? Hu ma ħadhiex kontrih. Minflok, ippermetta li s-​salmista jikteb dan il-​kliem fil-​Bibbja. Maż-​żmien, is-​salmista fehem li ma hemm xejn isbaħ fil-​ħajja milli tkun il-​ħabib t’Alla. (Salm 73:23, 24, 26, 28) X’inhi t-​tagħlima? L-​anzjani m’għandhomx jiġġudikaw malajr lil dawk li jibdew jiddubitaw fil-​benefiċċji li jiġu meta jaqdu lil Ġeħova. Minflok ma jiħduha kontrihom, l-​anzjani għandhom jipprovaw jifhmu għala dawn qed jitkellmu u jaġixxu hekk. Huwa biss wara dan li l-​anzjani jistgħu jużaw il-​Bibbja biex jinkuraġġuhom.

14. Elija għala kellu bżonn l-​għajnuna, u Ġeħova kif tahielu?

14 Il-​profeta Elija ħarab mis-​Sultana Ġeżabel. (1 Slat. 19:1-​3) Hu ħaseb li ħadd iktar ma kien qed jaqdi bħala profeta għal Ġeħova, u hu ħass li x-​xogħol tiegħu kien għalxejn. Elija tant ħassu dipress li ried imut. (1 Slat. 19:4, 10) Ġeħova ma ħadhiex kontra Elija imma aċċertah li ma kienx waħdu, li setaʼ jafda fil-​qawwa t’Alla, u li kien għad fadallu ħafna xogħol x’jagħmel. B’qalb tajba Ġeħova semaʼ dak li kien qed jinkwieta lil Elija u tah inkarigi ġodda. (1 Slat. 19:11-​16, 18) X’nitgħallmu? Li lkoll kemm aħna, speċjalment l-​anzjani, għandna nittrattaw lill-​qaddejja taʼ Ġeħova b’qalb tajba. Sew jekk persuna tesprimi r-​rabja tagħha u sew jekk tħoss li Ġeħova qatt mhu se jaħfrilha, l-​anzjani se jkunu jridu jisimgħuha. Imbagħad, huma jipprovaw jaċċertaw lill-​individwu li Ġeħova jħobbu.

KIF GĦANDNA NĦOSSUNA DWAR IN-​NAGĦAĠ MITLUFIN?

15. Skont Ġwanni 6:39, Ġesù kif ħassu dwar in-​nagħaġ taʼ Missieru?

15 Ġeħova kif iridna nħossuna dwar in-​nagħaġ mitlufin tiegħu? Nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġesù. Hu kien jaf li f’għajnejn Ġeħova kull nagħġa hi prezzjuża, allura Ġesù għamel kulma setaʼ biex jgħin lin-​“nagħaġ mitlufin taʼ dar Israel” imorru lura għand Ġeħova. (Mt. 15:24; Lq. 19:9, 10) Bħala r-​ragħaj mill-​aħjar, Ġesù wkoll għamel l-​aħjar tiegħu biex ma jitlifx xi nagħġa minn taʼ Ġeħova.—Aqra Ġwanni 6:39.

16-17. Meta jkun hemm xi ħadd inattiv, l-​anzjani kif għandhom iħossuhom? (Ara l-​kaxxa “ Nagħġa Mitlufa Kif Għandha Mnejn Tħossha?”)

16 L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni t’Efesu biex jimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù. “Għandkom tgħinu lid-​dgħajfin u żżommu f’moħħkom il-​kliem tal-​Mulej Ġesù, li qal hu stess, ‘Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.’” (Atti 20:17, 35) Din l-​iskrittura turi li l-​anzjani għandhom ir-​responsabbiltà kbira li jieħdu ħsieb in-​nies taʼ Ġeħova. Salvador, anzjan fi Spanja, jgħid: “Meta naħseb kemm Ġeħova jimpurtah minn nagħaġ mitlufin tiegħu, inħossni mmotivat biex nagħmel kulma nistaʼ biex ngħinhom. Naf li Ġeħova jridni nieħu ħsiebhom.”

17 Dawk kollha li ssemmew f’dan l-​artiklu u li darba kienu inattivi, ingħataw l-​għajnuna biex jerġgħu lura għand Ġeħova. Bħalissa, hemm ħafna aħwa li tbiegħdu u li wkoll iridu jiġu lura. L-​artiklu li jmiss, se jiddiskuti f’iktar dettall x’nistgħu nagħmlu biex ngħinuhom jiġu lura għand Ġeħova.

GĦANJA 139 Immaġinak meta kollox ikun ġdid

^ par. 5 Uħud li qdew għal ħafna snin lil Ġeħova b’lealtà, għala tbiegħdu mill-​kongregazzjoni? Alla kif iħossu dwarhom? Dan l-​artiklu se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet. Se jiddiskuti wkoll, x’nistgħu nitgħallmu minn kif Ġeħova għen lil xi wħud fi żminijiet Bibliċi li ma għamlux dak li talab minnhom.

^ par. 2 ESPRESSJONI SPJEGATA: Pubblikatur inattiv huwa xi ħadd li ma għamilx ir-​rapport tas-​servizz għal sitt xhur jew iktar. Minkejja dan, l-​uħud inattivi xorta għadhom ħutna, u aħna nħobbuhom.

^ par. 4 Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 10 L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti kif l-​anzjani jistgħu jagħmlu dawn it-​tliet affarijiet.

^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Meta ragħaj Iżraeli kien jinduna li għandu nagħġa mitlufa, hu kien ifittixha u xħin isibha jiħodha lura mal-​merħla. L-​anzjani llum jagħmlu l-​istess.

^ par. 64 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Hekk kif oħt inattiva qed tistenna biex tal-​linja titlaq, hi tinnota żewġ aħwa li huma ferħanin u qegħdin bit-​trolley.