Mistoqsijiet mill-Qarrejja
“Il-frott taʼ l-ispirtu” jinkludi biss dawk il-kwalitajiet li jissemmew f’Galatin 5:22, 23?
Dawn il-versi jsemmu disaʼ kwalitajiet: ‘Il-frott taʼ l-ispirtu hu l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, u r-rażan.’ Imma l-ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinna niżviluppaw kwalitajiet oħra.
Innota x’kiteb l-appostlu Pawlu fil-versi taʼ qabel: “L-għemejjel tal-laħam . . . huma ż-żína, in-nuqqas taʼ ndafa, il-kondotta laxka, l-idolatrija, l-ipprattikar taʼ l-ispiritiżmu, il-mibegħda, il-ġlied, l-għira, l-għadab, it-tilwim, il-firda, is-setet, l-invidja, is-sokor, ix-xalar, u affarijiet bħal dawn.” (Gal. 5:19-21) Pawlu spiċċa bil-kliem “affarijiet bħal dawn.” Allura hu ma semmiex “l-għemejjel tal-laħam” kollha li jissemmew f’Kolossin 3:5. Hu għamel xi ħaġa simili meta semma disaʼ kwalitajiet tajbin. F’Galatin 5:23, hu qal: “Kontra dawn m’hemmx liġi.” Mela Pawlu ma semmiex il-kwalitajiet kollha li nistgħu niżviluppaw bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis.
Aħna nifhmu dan meta nqabblu l-frott tal-ispirtu mal-frott tad-dawl li semma Pawlu mal-kongregazzjoni f’Efesu: “Il-frott tad-dawl jikkonsisti minn kull xorta taʼ tjubija u ġustizzja u verità.” (Efes. 5:8, 9) Iva, it-“tjubija,” flimkien mal-ġustizzja u l-verità, hija parti mill-“frott tad-dawl,” imma hija wkoll parti mill-“frott taʼ l-ispirtu.”
B’mod simili, Pawlu ħeġġeġ lil Timotju biex ‘jiġri wara s-sewwa, id-devozzjoni lejn Alla, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, u t-temperament ġwejjed’—sitt kwalitajiet mill-aħjar. (1 Tim. 6:11) Però, tlieta minnhom biss (il-fidi, l-imħabba, u t-temperament ġwejjed, jiġifieri l-ħlewwa) huma msemmijin bħala “l-frott taʼ l-ispirtu.” Imma Timotju żgur li kellu bżonn ukoll jiġri wara s-sewwa, juri devozzjoni lejn Alla, u s-sabar. Hu kien jaf li kellu bżonn l-għajnuna tal-ispirtu qaddis biex jiżviluppa dawn il-kwalitajiet.—Qabbel Kolossin 3:12; it-2 Pietru 1:5-7.
Għalhekk, Galatin 5:22, 23, ma jsemmix il-kwalitajiet kollha li Kristjan għandu jiżviluppa. L-ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinna niżviluppaw id-disaʼ kwalitajiet li huma mniżżlin bħala “l-frott taʼ l-ispirtu.” Imma hemm kwalitajiet oħrajn li għandna bżonn naħdmu fuqhom. B’hekk, inkunu Kristjani maturi u ‘nilbsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skont ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.’—Efes. 4:24.