Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Se Tobdi Int id-Daqq tat-Trumbetta?

Se Tobdi Int id-Daqq tat-Trumbetta?

AĦNA lkoll nemmnu li Ġeħova qed imexxi lill-​poplu tiegħu u jagħtihom dak li għandhom bżonn biex jibqgħu qrib tiegħu matul dawn “l-​aħħar jiem.” (2 Tim. 3:1) Però, kull wieħed u waħda minna jrid ikun ubbidjenti lejn Ġeħova. Nistgħu nqabblu s-​sitwazzjoni tagħna maʼ dik tal-​Iżraelin meta kienu fix-​xagħri. Huma kellhom jaġixxu meta kienu jisimgħu l-​ħoss tat-​trumbetta.

Ġeħova qal lil Mosè biex jagħmel żewġ trumbetti tal-​fidda maħdumin bil-​martell, ‘biex isejjaħ lill-​ġemgħa u biex jiżżarmaw il-​kampijiet għat-​tluq.’ (Num. 10:2) Il-​qassisin kellhom idoqqu t-​trumbetti b’modi differenti biex jagħtu sinjal lin-​nies dwar dak li kellhom jagħmlu. (Num. 10:3-8) Illum, il-​poplu t’Alla jirċievi direzzjoni b’diversi modi. F’dan l-​artiklu, se nikkunsidraw tliet modi kif aħna nirċievu direzzjonijiet, u se nqabbluhom mad-​daqq tat-​trumbetti fi żmien l-​Iżraelin. Dawn it-​tliet modi huma: (1) meta niġu mistidnin biex niltaqgħu flimkien fi gruppi kbar, (2) meta l-​anzjani jirċievu taħriġ, u (3) meta jkun hemm xi tibdil jew aġġustamenti fil-​kongregazzjonijiet kollha.

META NIĠU MISTIDNIN BIEX NILTAQGĦU FLIMKIEN FI GRUPPI KBAR

Meta Ġeħova ried li “l-​ġemgħa kollha” tinġabar quddiem l-​entratura fuq in-​naħa tal-​Lvant tat-​tabernaklu, il-​qassisin kienu jdoqqu ż-​żewġ trumbetti. (Num. 10:3) It-​tribujiet kollha li kienu kkampjati madwar it-​tabernaklu f’erbaʼ partijiet, kienu jisimgħu dak il-​ħoss. Dawk ikkampjati viċin l-​entratura, x’aktarx li kienu jaslu fi ftit minuti. Oħrajn kienu iktar ’il bogħod u x’aktarx kien ikollhom bżonn iktar ħin u jagħmlu sforz akbar biex jaslu. Kien x’kien il-​każ, Ġeħova ried li kulħadd jinġabar flimkien u jismaʼ l-​istruzzjonijiet tiegħu.

Illum, aħna ma ninġabrux ħdejn it-​tabernaklu, imma niġu mistidnin biex niltaqgħu fi gruppi bħala l-​poplu t’Alla. Dawn jinkludu konvenzjonijiet reġjonali u laqgħat speċjali oħra, li fihom nirċievu informazzjoni u direzzjoni importanti. Madwar id-​dinja kollha, il-​poplu taʼ Ġeħova jgawdi l-​istess programm. Għalhekk, dawk li jaċċettaw l-​istedina u jattendu, ikunu parti minn grupp kbir. Xi wħud ikollhom jivvjaġġaw iktar fit-​tul minn oħrajn. Imma dawk kollha li jattendu jafu li l-​isforzi li jagħmlu huma taʼ benefiċċju għalihom.

Dawk il-​gruppi li huma iżolati minn gruppi kbar, li jiltaqgħu għal konvenzjonijiet reġjonali u laqgħat speċjali oħra, jistgħu jibbenefikaw? Iva. Grazzi għat-​teknoloġija moderna, ħafna minn dawn jistgħu jibbenefikaw mill-​istess programm u ma jħossuhomx iżolati. Pereżempju, meta kien hemm żjara tar-​rappreżentant tal-​kwartieri ġenerali, l-​aħwa fil-​fergħa fil-​Benin għamlu arranġamenti biex il-​programm ikun jistaʼ jintwera lill-​aħwa f’Arlit, in-​Niġer, belt li fiha l-​minjieri fid-​Deżert Saħara. Hemmhekk iltaqgħu 21 ħu u oħt, u oħrajn interessati. Għalkemm kienu ’l bogħod, xorta ħassewhom parti mill-​grupp kbir taʼ 44,131 ruħ. Ħu minnhom kiteb: “Nirringrazzjakom minn qalbi talli pprovdejtulna l-​programm. Għal darba oħra, nistgħu naraw l-​imħabba tagħkom.”

META L-​ANZJANI JIĠU MISTIDNIN GĦAL IKTAR TAĦRIĠ

Meta l-​qassisin Iżraelin kienu jdoqqu trumbetta waħda, il-​“kapijiet taʼ l-​eluf taʼ Israel” biss kellhom jiġu jiltaqgħu ħdejn it-​tinda. (Num. 10:4) Hemmhekk setgħu jirċievu informazzjoni u taħriġ mingħand Mosè. Dan kien se jgħinhom jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet li kellhom fit-​tribujiet tagħhom. Kieku kont wieħed minn dawn il-​kapijiet, ma kontx tagħmel kull ma tistaʼ biex tkun hemm u tismaʼ?

Illum, l-​anzjani tal-​kongregazzjoni mhumiex “kapijiet,” u lanqas ma jiddominaw il-​merħla t’Alla li huma responsabbli tagħha. (1 Pt. 5:1-​3) Imma żgur li jagħmlu l-​aħjar tagħhom biex jieħdu ħsieb l-​aħwa. B’hekk, huma lesti għal iktar taħriġ, bħalma toffri l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna. Waqt dawn is-​sessjonijiet, l-​anzjani jitgħallmu kif jieħdu ħsieb sew kwistjonijiet tal-​kongregazzjoni. Minħabba dan it-​taħriġ, l-​anzjani u l-​aħwa li huma jieħdu ħsieb ikunu jistgħu jersqu eqreb t’Alla. Anki jekk ma mortx waħda minn dawn l-​iskejjel, int xorta tistaʼ tibbenefika minn dawk li marru.

META NIĠU MITLUBIN NAGĦMLU BIDLA

Kultant il-​qassisin Iżraelin kienu jdoqqu t-​trumbetta b’ħoss li jogħla u jitbaxxa. Dan kien ifisser li Ġeħova jrid li n-​nies iżarmaw il-​kampijiet u jitilqu. (Num. 10:5, 6) Meta kienu jitilqu, huma kienu jagħmlu dan b’mod organizzat, u dan kien jinvolvi ħafna xogħol. Imma xi Iżraelin kultant kienu jsibuha bi tqila biex imorru xi mkien ieħor. Għala?

Forsi xi wħud ħassew li d-​daqq tat-​trumbetti biex jitilqu, kien qed ikun taʼ spiss u bla mistenni. “Kultant is-​sħaba kienet tibqaʼ minn fil-​għaxija sa fil-​għodu.” Drabi oħra kienet iddum jumejn, xahar, jew iktar. (Num. 9:21, 22) Taf kemm-​il darba kellhom jarmaw il-​kamp? Numri kapitlu 33 isemmi li dawn marru f’madwar 40 post.

Kultant, kienu jsibu post għad-​dell. Dan kien ikun tajjeb għalihom peress li kienu qed jgħixu “ġo dak ix-​xagħri kbir li jqanqal il-​biżaʼ.” (Dt. 1:19) Allura, setgħu jiġu mħajrin biex jibqgħu fejn ikunu, għax kienu jibżgħu li se jmorru f’post agħar.

Meta l-​poplu kien ikollu jimxi, xi nies kienu jsibuha diffiċli biex jistennew wara min imisshom. Kulħadd kien jismaʼ d-​daqq tat-​trumbetti jogħla u jitbaxxa, imma ma setgħux jitilqu f’daqqa. Dik id-​daqqa tat-​trumbetta kienet sinjal biex jitilqu t-​tribujiet li kienu kkampjati fuq in-​naħa tal-​Lvant, jiġifieri taʼ Ġuda, Issakar, u Żebulun. (Num. 2:3-​7; 10:5, 6) Wara li kienu jitilqu, il-​qassisin kienu jerġgħu jdoqqu t-​trumbetti bl-​istess mod biex titlaq it-​taqsima taʼ tliet tribujiet fuq in-​naħa tan-​Nofsinhar. Il-​qassisin kienu jibqgħu jagħmlu hekk sakemm kien jitlaq kulħadd.

Għandu mnejn sibtha diffiċli biex taċċetta bidliet fl-​organizzazzjoni. Għala? Forsi ħsibt li qed ikun hemm wisq bidliet. Jew kont kuntent kif kienu l-​affarijiet u ma xtaqtx li jinbidlu. Jistaʼ jkun li sibtha diffiċli biex turi s-​sabar waqt li qed tidra bidla, u kellek bżonn iż-​żmien biex taddatta. Minkejja dan, jekk nagħmlu sforz biex inkunu ubbidjenti, aktarx se naraw li Alla qed iberikna.

Fi żmien Mosè, Ġeħova ggwida lil miljuni taʼ rġiel, nisa, u tfal fix-​xagħri. Mingħajr l-​għajnuna u d-​direzzjoni t’Alla, ma kienx se jirnexxilhom isalvaw. Anki llum, Ġeħova qed jiggwidana f’dawn l-​aħħar jiem mill-​agħar. Hu jgħinna nibqgħu qrib tiegħu u nżommu fidi b’saħħitha. Allura, irridu nagħmlu minn kollox biex inkunu ubbidjenti bħalma kienu l-​Iżraelin leali meta kienu jisimgħu d-​daqq tat-​trumbetti!