Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 23

Ġeħova Dejjem Miegħek, M’Intix Waħdek

Ġeħova Dejjem Miegħek, M’Intix Waħdek

“Ġeħova hu qrib dawk kollha li jsejħulu.”—SALM 145:18.

GĦANJA 28 Niksbu l-​ħbiberija taʼ Ġeħova

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova għala kultant iħossuhom waħedhom?

XI KULTANT ilkoll kemm aħna nħossuna waħedna. Għal xi wħud, dawn is-​sentimenti ma jdumux imma għal oħrajn idumu. Jistaʼ jkun li nħossuna waħedna anke meta nkunu maʼ ħafna nies. Għal xi wħud, mhux faċli biex jagħmlu ħbieb meta jmorru f’kongregazzjoni ġdida. Oħrajn iħossuhom waħedhom minħabba li kienu close mal-​familja tagħhom u issa qed jgħixu ’l bogħod minnhom. Hemm oħrajn li jħossuhom waħedhom minħabba li r-​raġel jew il-​mara tagħhom mietet. Ukoll, xi Kristjani, speċjalment dawk li m’ilhomx fil-​verità, iħossuhom waħedhom meta tal-​familja u l-​ħbieb tagħhom jiħduha kontrihom.

2. Liema mistoqsijiet se nwieġbu?

2 Ġeħova jaf kollox dwarna u jifhimna. Meta nħossuna waħedna, hu jkun jaf x’qed inħossu u jkun jixtieq jgħinna. Ġeħova kif jgħinna? X’nistgħu nagħmlu aħna? U kif nistgħu ngħinu lill-​uħud fil-​kongregazzjoni li jħossuhom waħedhom? Ejja nsibu t-​tweġiba għal dawn il-​mistoqsijiet.

ĠEĦOVA JIMPURTAH MINNA

Ġeħova bagħat anġlu biex juri lil Elija li mhux qiegħed waħdu (Ara paragrafu 3)

3. Ġeħova kif wera li kien jimpurtah minn Elija?

3 Ġeħova jrid li l-​qaddejja tiegħu kollha jkunu ferħanin. Hu qiegħed qrib kull wieħed u waħda minna, u jinduna meta nħossuna mdejqin jew skuraġġiti. (Salm 145:18, 19) Aħseb ftit kif Ġeħova nduna kif kien qed iħossu l-​profeta Elija u x’għamel biex għenu. Dan ir-​raġel leali għex f’Iżrael waqt żmien diffiċli. Nies taʼ poter f’Iżrael li ma kinux iħobbu lil Ġeħova kienu qed jippersegwitaw lill-​qaddejja tiegħu, u riedu joqtlu lil Elija. (1 Slat. 19:1, 2) Barra minn hekk, Elija ħaseb li hu kien l-​uniku profeta li kien għadu qed jaqdi lil Ġeħova, u dan jistaʼ jkun li kompla jiskuraġġih. (1 Slat. 19:10) Alla mill-​ewwel għamel xi ħaġa biex jgħin lil Elija. Ġeħova bagħat anġlu biex jgħid lill-​profeta tiegħu li hu ma kienx waħdu. L-​anġlu qal lil Elija li kien għad fadal ħafna Iżraelin jaqdu lil Ġeħova!—1 Slat. 19:5, 18.

4. Marku 10:29, 30 kif jurina li Ġeħova jimpurtah minn dawk li jitilfu l-​għajnuna tal-​familja u l-​ħbieb tagħhom?

4 Ġeħova jaf li meta aħna nagħżlu li naqduh, uħud minna se jkollhom jagħmlu ħafna sagrifiċċji. Waħda mill-​affarijiet li nistgħu nitilfu tistaʼ tkun l-​għajnuna mingħand il-​familja u l-​ħbieb tagħna li ma jaqdux lil Ġeħova. L-​appostlu Pietru, x’aktarx li għax kien inkwetat, staqsa lil Ġesù: “Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk; allura aħna x’se jmissna?” (Mt. 19:27) Ġesù bi mħabba qal lid-​dixxipli tiegħu li l-​kongregazzjoni se tkun qisha l-​familja tagħhom. (Aqra Marku 10:29, 30.) U Ġeħova, Missierna tas-​sema, iwegħedna li hu se jgħin lil dawk li jridu jaqduh. (Salm 9:10) Ara x’tistaʼ tagħmel biex tirċievi l-​għajnuna taʼ Ġeħova meta tħossok waħdek.

INT X’TISTAʼ TAGĦMEL JEKK TĦOSSOK WAĦDEK?

5. Għala hu importanti li taħseb kif Ġeħova qiegħed jgħinek?

5 Aħseb kif Ġeħova qiegħed jgħinek. (Salm 55:22) Dan se jgħinek tara li m’intix waħdek. Oħt single jisimha Carol, * li l-​familja tagħha mhix fil-​verità, tgħid: “Meta niftakar kif Ġeħova għenni fi żminijiet diffiċli, jgħinni biex ma nħossnix waħdi. U dan jikkonvinċini li Ġeħova dejjem se jgħinni.”

6. L-​1 Pietru 5:9, 10 kif jistaʼ jinkuraġġixxi lil dawk li jħossuhom waħedhom?

6 Aħseb kif Ġeħova qed jgħin lill-​aħwa li jħossuhom waħedhom. (Aqra l-​1 Pietru 5:9, 10.) Hiroshi, ħu li għal ħafna snin kien l-​uniku wieħed mill-​familja fil-​verità, jgħid: “Fil-​kongregazzjoni faċli tinduna li kulħadd qed jiffaċċja l-​problemi. Imma kulħadd qed jagħmel l-​almu tiegħu biex jaqdi lil Ġeħova, u dan jistaʼ jinkuraġġixxi lil dawk li huma waħedhom fil-​verità.”

7. It-​talb kif jgħinek?

7 Itlob, aqra l-​Bibbja, u attendi l-​laqgħat b’mod regolari. Int għandek tgħid lil Ġeħova kif tħossok. (1 Pt. 5:7) Massiel tgħid: “It-​talb mill-​qalb kien l-​iktar ħaġa li għenni meta kont inħossni waħdi.” Meta din l-​oħt żagħżugħa bdiet taqdi lil Ġeħova ħassitha waħedha għax tal-​familja ma kinux fil-​verità. Hi tkompli tgħid: “Ġeħova kien bħala Missier għalija. Kont nitolbu ħafna drabi kuljum, u kont ngħidlu kif kont inħossni.”

Ir-​rekordings bl-​awdjo tal-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja jistgħu jgħinu lil dawk li jħossuhom waħedhom (Ara paragrafu 8) *

8. Meta taqra l-​Bibbja u timmedita fuqha kif jgħinek?

8 Aqra l-​Bibbja b’mod regolari, u aħseb dwar rakkonti li juru l-​imħabba taʼ Ġeħova lejk. Bianca, oħt li tissaporti kummenti negattivi mingħand tal-​familja, tgħid: “Meta naqra u nimmedita fuq rakkonti mill-​Bibbja u esperjenzi tal-​qaddejja taʼ Ġeħova li ffaċċjaw sitwazzjonijiet bħal tiegħi, vera nħossni inkuraġġita.” Xi Kristjani jitgħallmu bl-​amment skritturi inkuraġġanti, bħal Salm 27:10 u Isaija 41:10. Oħrajn jgħidu li biex jagħmlu l-​qari tal-​Bibbja u l-​preparazzjoni għal-​laqgħat jisimgħu r-​rekordings bl-​awdjo, u dan jgħinhom biex ma jħossuhomx waħedhom.

9. Meta tattendi l-​laqgħat kif tibbenefika?

9 Agħmel dak kollu li tistaʼ biex tattendi l-​laqgħat b’mod regolari. Il-​laqgħat jinkuraġġuk u se jgħinuk biex issir taf sew lill-​aħwa. (Ebr. 10:24, 25) Massiel, li semmejna qabel, tgħid: “Għalkemm kont nistħi ħafna, għamiltha mira li nattendi kull laqgħa u nagħmel kumment. Dan għenni biex inħossni close tal-​aħwa fil-​kongregazzjoni.”

10. Għala hu importanti li tagħmel ħbieb mal-​aħwa fil-​kongregazzjoni?

10 Sir ħabib tal-​aħwa. Agħmel ħbieb m’aħwa fil-​kongregazzjoni li tistaʼ titgħallem minnhom. Jistgħu jkunu iżgħar jew ikbar minnek jew b’kultura differenti. Il-​Bibbja tfakkarna li l-​għerf qiegħed “fost l-​imdaħħlin fiż-​żmien.” (Ġob 12:12) Anke l-​kbar jistgħu jitgħallmu ħafna mill-​aħwa żgħar fil-​kongregazzjoni. David kien ħafna iżgħar minn Ġonatan, imma dan m’affettwax il-​ħbiberija kbira li kien hemm bejniethom. (1 Sam. 18:1) David u Ġonatan għenu lil xulxin biex jaqdu lil Ġeħova minkejja l-​provi. (1 Sam. 23:16-​18) Irina, oħt li hi waħedha fil-​verità, tgħid: “L-​aħwa verament jistgħu jsiru l-​ġenituri u ħutna spiritwali. Ġeħova jistaʼ jużahom biex ikunu l-​familja li jkollna bżonn.”

11. X’għandna nagħmlu biex insiru ħbieb sew tal-​aħwa?

11 Li tagħmel ħbieb ġodda mhux dejjem faċli, speċjalment jekk tkun tistħi. Ratna, oħt mistħija li tgħallmet il-​verità minkejja l-​oppożizzjoni, tgħid: “Kelli nammetti li kelli bżonn l-​għajnuna tal-​aħwa fil-​kongregazzjoni.” Jistaʼ jkun diffiċli biex tgħid lil xi ħadd kif tkun qed tħossok, imma jekk tagħmel hekk dik il-​persuna tistaʼ ssir il-​ħabiba tal-​qalb tiegħek. Il-​ħbieb tiegħek jixtiequ jinkuraġġuk u jgħinuk, imma biex jagħmlu dan trid tgħidilhom kif tkun qed tħossok.

12. L-​ippritkar kif jistaʼ jgħinek tagħmel ħbieb mal-​aħwa?

12 Wieħed mill-​aħjar modi kif tagħmel ħbieb mal-​aħwa hu billi tipprietka magħhom. Carol, li semmejna qabel, tgħid: “Minħabba li qattajt ħafna ħin mal-​aħwa fuq il-​ministeru u għamilt attivitajiet oħra magħhom fis-​servizz taʼ Ġeħova, għamilt ħafna ħbieb. Ġeħova għenni matul dawn is-​snin permezz taʼ dawn il-​ħbieb.” L-​isforz li nagħmlu biex nibnu l-​ħbiberija mal-​aħwa żgur li hu worth it. Ġeħova juża lil dawn l-​aħwa biex jgħinuk meta tħossok skuraġġit, bħal meta tħossok waħdek.—Prov. 17:17.

GĦIN LILL-​AĦWA JĦOSSUHOM PARTI MILL-​KONGREGAZZJONI

13. X’responsabbiltà għandu kull wieħed u waħda minna?

13 Ilkoll kemm aħna għandna responsabbiltà biex nuru l-​imħabba mal-​aħwa fil-​kongregazzjoni u ma nħallu lil ħadd iħossu waħdu. (Ġw. 13:35) Dak li nagħmlu u ngħidu jistaʼ jinkuraġġixxi ħafna lill-​oħrajn! Innota x’qalet oħt: “Meta tgħallimt il-​verità, il-​kongregazzjoni saret il-​familja tiegħi. Mingħajr l-​għajnuna tal-​aħwa żgur li ma kontx insir waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.” X’tistaʼ tagħmel int biex tgħin lil dawk li huma waħedhom fil-​verità jħossuhom parti mill-​kongregazzjoni?

14. Kif tistaʼ tagħmel ħbieb maʼ wħud ġodda?

14 Ipprova agħmel ħbieb ma’ wħud ġodda. Kif? Billi bi mħabba tilqaʼ lil uħud li jiġu fil-​kongregazzjoni. Dawn jistgħu ikunu studenti tal-​Bibbja, aħwa minn kongregazzjoni oħra, jew uħud li għadhom kif tgħammdu u attendew għal-​laqgħa. (Rum. 15:7) Però, irridu nagħmlu iktar minn hekk. Irridu nibnu ħbiberija soda magħhom. Għalhekk, kun dħuli u uri li jinteressak minnhom. Mingħajr ma tidħol fl-​affarijiet personali tagħhom ipprova ifhem xi problemi qegħdin jiffaċċjaw. Jistaʼ jkun li xi wħud isibuha diffiċli biex jgħidulna kif qed iħossuhom. Għalhekk, tisforzahomx biex iwieġbu l-​mistoqsijiet tiegħek. Minflok, agħmel mistoqsijiet li jieħdu pjaċir bihom u bil-​paċenzja oqgħod ismagħhom. Forsi tistaʼ tistaqsihom kif ġew fil-​verità.

15. Kristjani maturi kif jistgħu jgħinu lill-​oħrajn fil-​kongregazzjoni?

15 Il-​fidi tal-​aħwa fil-​kongregazzjoni tistaʼ tissaħħaħ meta aħwa maturi, speċjalment l-​anzjani, juru li jimpurtahom minnhom. Melissa, li ommha rabbietha fil-​verità, tgħid: “Jien vera napprezza lill-​aħwa rġiel li kienu qishom missieri, li qattgħu l-​ħin miegħi u wrew interess fija. Meta kelli bżonn niftaħ qalbi dejjem sibt lil xi ħadd biex jismagħni.” Mauricio, ħu żagħżugħ li ħassu mdejjaq u waħdu minħabba li maʼ min studja telaq mill-​verità, jgħid: “L-​anzjani wrew li jimpurtahom minni u dan għenni ħafna. Spiss kienu jitkellmu, jippritkaw, u jaqsmu punti mill-​istudju personali tagħhom miegħi. Huma kienu anke jistidnuni biex noħroġ magħhom.” Kemm Melissa kif ukoll Mauricio issa qegħdin jaqdu fis-​servizz full-​time.

Hemm xi ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħek li vera japprezza jekk inti tqattaʼ l-​ħin miegħu? (Ara paragrafi 16-​19) *

16-17. X’nistgħu nagħmlu iktar biex ngħinu lil oħrajn?

16 Għin b’modi prattiċi. (Gal. 6:10) Leo, li jaqdi bħala missjunarju ’l bogħod mill-​familja tiegħu, jgħid: “Kultant kulma jkollok bżonn hu li xi ħadd jurik l-​imħabba. Darba waħda niftakar kelli aċċident bil-​karozza. Meta wasalt id-​dar vera ħassejtni inkwetat. Imma mbagħad koppja stidnitni biex immur niekol xi ħaġa għandhom. Ma niftakarx x’kilna, imma għadni niftakar li bil-​paċenzja qagħdu jisimgħuni. Wara vera ħassejtni aħjar!”

17 Aħna nieħdu pjaċir meta niltaqgħu mal-​aħwa fl-​assembleat u l-​konvenzjonijiet, u nitkellmu dwar it-​taħditiet li nkunu smajna. Però, Carol, li semmejna qabel, tgħid: “Jien vera nħossni waħdi fl-​assembleat u l-​konvenzjonijiet.” Għala? “Minkejja li nkun imdawra b’mijiet u ġieli anke b’eluf t’aħwa, spiss huma jkunu qegħdin mal-​familja tagħhom. Meta narahom vera nħossni waħdi.” Aħwa oħrajn minħabba li jkun mitilhom ir-​raġel jew il-​mara jsibuha diffiċli wkoll biex jattendu konvenzjoni jew assemblea waħedhom. Taf lil xi ħadd li qed jiffaċċja dawn il-​provi? Jekk iva, il-​konvenzjoni jew l-​assemblea li jmiss stiednu biex joqgħod mal-​familja tiegħek.

18. Kif nistgħu napplikaw it-​2 Korintin 6:11-​13?

18 Qattaʼ l-​ħin magħhom. Ipprova qattaʼ l-​ħin m’aħwa differenti, speċjalment maʼ dawk li jħossuhom waħedhom. Aħna rridu ‘nwessgħu qlubna,’ speċjalment maʼ dawn l-​aħwa. (Aqra t-​2 Korintin 6:11-​13.) Melissa, li semmejna qabel, tgħid: “Kemm konna nieħdu pjaċir meta l-​aħwa kienu jistidnuna d-​dar tagħhom jew anki biex immorru xi vaganza magħhom.” Hemm xi ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħek li tistaʼ tqattaʼ iktar ħin miegħu?

19. Meta jistaʼ jkun iktar t’għajnuna li tqattaʼ l-​ħin mal-​aħwa?

19 Hemm ġranet li l-​aħwa japprezzaw iktar li nkunu qegħdin magħhom. Pereżempju, xi aħwa jkun diffiċli għalihom biex joqogħdu mal-​familja tagħhom li mhumiex Xhieda, speċjalment matul żmien taʼ festi. Oħrajn, ċertu ġranet ikunu diffiċli ħafna għalihom minħabba li jkun l-​anniversarju tal-​mewt taʼ xi ħadd li jħobbu. Meta aħna noffru li nqattgħu l-​ħin maʼ ħutna li jkunu għaddejjin minn dawn l-​isfidi, aħna nuru li verament jimpurtana minnhom.—Flp. 2:20.

20. Il-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’​Mattew 12:48-​50, kif jistaʼ jgħinna meta nħossuna waħedna?

20 Hemm ħafna raġunijiet għala nistgħu nħossuna weħidna. Però, għandna niftakru li Ġeħova jifhem eżatt kif iħossu kull wieħed u waħda minna. Spiss hu juża lill-​aħwa biex jagħtina dak li jkollna bżonn. (Aqra Mattew 12:48-​50.) U aħna nuru lil Ġeħova li napprezzaw il-​kongregazzjoni billi nagħmlu l-​almu tagħna biex ngħinu lil ħutna. Huma x’inhuma s-​sentimenti tagħna, aħna qatt m’aħna waħedna għax Ġeħova dejjem magħna!

GĦANJA 46 Niżżuk ħajr Ġeħova

^ par. 5 Ġieli tħossok waħdek? Jekk iva, ibqaʼ ċert li Ġeħova jaf kif tħossok u jixtieq jgħinek. F’dan l-​artiklu se naraw x’tistaʼ tagħmel meta tħossok waħdek. Se nitgħallmu wkoll x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lill-​aħwa li jħossuhom waħedhom.

^ par. 5 Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu li mititlu l-​mara qed jibbenefika mir-​rekording bl-​awdjo tal-​qari tal-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet.

^ par. 62 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu u t-​tifla tiegħu qed juru l-​imħabba billi jżuru ħu anzjan fil-​kongregazzjoni.