Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 22

Għin lill-Istudent tal-Bibbja Tiegħek Isir Dixxiplu Mgħammed

Għin lill-Istudent tal-Bibbja Tiegħek Isir Dixxiplu Mgħammed

“Ħa jitgħammed kull wieħed minnkom.”—ATTI 2:38.

GĦANJA 72 Nagħmlu magħrufa l-​verità tas-​Saltna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Il-​folla kbira li marret Ġerusalemm x’kellha tagħmel?

FOLLA kbira taʼ rġiel u nisa vvjaġġaw lejn Ġerusalemm. Huma kienu minn pajjiżi differenti u kienu jitkellmu b’ħafna lingwi differenti. Dakinhar ġrat xi ħaġa tal-​għaġeb. Xi Lhud li kienu f’Ġerusalemm f’daqqa waħda bdew jitkellmu bil-​lingwi taʼ dawn l-​irġiel u nisa! Din il-​folla baqgħet mistagħġba, imma dak li qalu l-​Lhud u l-​appostlu Pietru kien iktar impressjonanti. Din il-​folla tgħallmet li huma jistgħu jiġu salvati jekk juru fidi f’Ġesù Kristu. Dan il-​messaġġ messilhom qalbhom, u bdew jistaqsu: “X’għandna nagħmlu?” Pietru wiġibhom: “Ħa jitgħammed kull wieħed minnkom.”—Atti 2:37, 38.

Ħu flimkien mal-​mara tiegħu qed jikkonduċi studju tal-​Bibbja maʼ żagħżugħ li għandu l-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! (Ara paragrafu 2)

2. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

2 Wara dan ġrat xi ħaġa kbira. Madwar 3,000 ruħ tgħammdu f’dik il-​ġurnata u saru dixxipli taʼ Kristu. Dan kien il-​bidu tax-​xogħol li Ġesù kien ikkmanda lid-​dixxipli tiegħu. Illum, dan ix-​xogħol għadu qed isir. Però, meta nitkellmu maʼ xi ħadd illum ma jitgħammidx daqshekk malajr. Jistgħu jgħaddu xhur u anki snin biex student jitgħammed. Jekk għandek xi studju, taf li jirrikjedi xogħol iebes biex tgħin lil xi ħadd isir dixxiplu taʼ Kristu. F’dan l-​artiklu se naraw x’tistaʼ tagħmel biex tgħin l-​istudent tiegħek jasal għall-​magħmudija.

GĦIN LILL-​ISTUDENT TIEGĦEK JAPPLIKA DAK LI QED JITGĦALLEM

3. Skont Mattew 28:19, 20, student x’għandu jagħmel biex jagħmel progress u jitgħammed?

3 Qabel ma jitgħammed student għandu jibda japplika dak li jkun qed jitgħallem. (Aqra Mattew 28:19, 20.) Meta jagħmel dan, hu jkun bħal dak ir-​“raġel għaqli” li semma Ġesù u li ħaffer fil-​fond biex jibni d-​dar tiegħu fuq il-​blat. (Mt. 7:24, 25; Lq. 6:47, 48) Kif nistgħu ngħinu lill-​istudent japplika dak li jitgħallem? Ejja nikkunsidraw tliet suġġerimenti.

4. Kif nistgħu ngħinu lill-​istudent tagħna jkompli jaħdem ħalli b’hekk jikkwalifika għall-​magħmudija? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Għin lill-​Istudent Tiegħek Jagħmel Miri u Jilħaqhom.”)

4 Għin lill-​istudent tiegħek jagħmel miri. Għala hu importanti? Ejja nġibu eżempju: Immaġinak li se tagħmel vjaġġ twil bil-​karozza. Mat-​triq forsi tkun trid tieqaf tara xi postijiet. B’hekk, minkejja li l-​vjaġġ ikun twil m’intix se tiddejjaq. Bl-​istess mod, meta student jagħmel miri żgħar u jilħaqhom se jinduna li l-​mira tal-​magħmudija jistaʼ jilħaqha wkoll. Uża l-​kaxxa “Ipprova Dan” li qiegħda fil-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! biex tgħin lill-​istudent tiegħek jagħmel miri. Fl-​aħħar taʼ kull lezzjoni, iddiskuti mal-​istudent kif il-​mira li għamel se tgħinu japplika dak li jkun għadu kif tgħallem. Jekk tixtieq li l-​istudent tiegħek jilħaq mira oħra, tistaʼ tiktibha fejn hemm “Jew Ipprova Xi Ħaġa Oħra.” B’mod regolari, għaddi din il-​parti mal-​istudent biex tara jekk laħaqx il-​miri li niżżel.

5. Kif naraw f’​Marku 10:17-​22, Ġesù x’qallu biex jagħmel lir-​raġel sinjur, u għala?

5 Għin lill-​istudent tiegħek jagħmel il-​bidliet li għandu bżonn. (Aqra Marku 10:17-​22.) Ġesù kien jaf li mhux se jkun faċli għar-​raġel sinjur biex ibigħ dak kollu li kellu. (Mk. 10:23) Però, Ġesù xorta waħda qallu biex jagħmel din il-​bidla kbira. Għala? Għax Ġesù kien iħobbu. Kultant forsi nżommu lura u ma ngħidux lill-​istudent biex jagħmel ċertu bidliet għax naħsbu li għadu mhux lest. Jistaʼ jieħu ż-​żmien biex jagħmlu l-​bidliet li jkun hemm bżonn u jilbsu l-​personalità l-​ġdida. (Kol. 3:9, 10) Imma iktar ma titkellem malajr mal-​istudent dwar il-​bidliet li jkollu bżonn jagħmel, iktar se jagħmilhom malajr u tkun qed turih ukoll li inti jimpurtak minnu.—Salm 141:5; Prov. 27:17.

6. Għala rridu nistaqsu mistoqsijiet li jgħidulna x’jaħseb l-​istudent?

6 Huwa importanti li tistaqsi lill-​istudent x’jaħseb dwar is-​suġġett. Dan se jgħinek issir taf x’jifhem u dak li jemmen. Jekk tagħmel dan spiss, se jkun iktar faċli biex tiddiskuti miegħu suġġetti li għalih jistgħu jkunu diffiċli. Il-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! fih ħafna mistoqsijiet li nistgħu nużaw biex insiru nafu x’inhi l-​opinjoni tal-​istudent. Pereżempju, f’lezzjoni 04 hemm il-​mistoqsija: “Kif taħseb li jħossu Ġeħova meta tuża ismu?” F’lezzjoni 09 hemm il-​mistoqsija: “Liema affarijiet tixtieq titlob dwarhom?” Għall-​ewwel, forsi ma jkunx faċli għall-​istudent tiegħek biex iwieġeb dawn il-​mistoqsijiet. Imma int tistaʼ tgħinu billi ġġiegħlu jaħseb dwar l-​iskritturi u l-​istampi li hemm fil-​ktieb.

7. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lill-​istudenti tagħna bl-​esperjenzi t’aħwa oħrajn?

7 Meta l-​istudent jifhem x’għandu jagħmel, uża esperjenzi t’aħwa oħrajn biex tinkuraġġih. Pereżempju, jekk l-​istudent tiegħek ma jattendix il-​laqgħat b’mod regolari, tistaʼ turih il-​vidjow Ġeħova ħa Ħsiebi li qiegħed f’lezzjoni 14 fis-​sezzjoni “Ara Iżjed.” Ħafna mill-​lezzjonijiet tal-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! se ssib fihom esperjenzi fis-​sezzjoni “Tgħallem Iżjed” jew “Ara Iżjed.” * Oqgħod attent li ma tqabbilx lill-​istudent tiegħek m’oħrajn u tgħidlu, “La dak għamilha, tistaʼ tagħmilha int ukoll.” Ħallih jinduna waħdu li jistaʼ jagħmilha. Minflok, tkellem dwar affarijiet li għenu lill-​persuna fil-​vidjow tagħmel il-​bidliet. Forsi tistaʼ ssemmi xi skrittura importanti jew xi ħaġa prattika li dehret fil-​vidjow. Kull meta tistaʼ enfasizza kif Ġeħova għen lil dik il-​persuna.

8. Kif nistgħu ngħinu lill-​istudent tagħna jsir iħobb lil Ġeħova?

8 Għin lill-​istudent tiegħek isir iħobb lil Ġeħova. Kif? Sib modi kif tgħinu biex jitgħallem iktar dwar il-​kwalitajiet taʼ Ġeħova. Għinu jifhem li Ġeħova hu Alla ferħan u jgħin lil dawk li jħobbuh. (1 Tim. 1:11; Ebr. 11:6) Uri lill-​istudent li hu se jibbenifika jekk japplika dak li jitgħallem, u spjegalu li Ġeħova qed jgħallmu għall-​ġid tiegħu. (Is. 48:17, 18) Iktar mal-​istudent tiegħek isir iħobb lil Ġeħova, iktar se jkun irid jagħmel bidliet.—1 Ġw. 5:3.

LAQQAʼ L-​ISTUDENT MAL-​AĦWA

9. Fi qbil maʼ Marku 10:29, 30 student x’sagrifiċċji jaf ikollu jagħmel biex isir dixxiplu mgħammed?

9 Biex student tal-​Bibbja jasal għall-​magħmudija jrid jagħmel sagrifiċċji. Bħal dak ir-​raġel sinjur li semmejna fil-​bidu, xi studenti jaf ikollhom iċedu xi affarijiet materjali. Jekk ix-​xogħol tagħhom ma jaqbilx mal-​prinċipji tal-​Bibbja, jaf ikollhom isibu xogħol ieħor. Ħafna jkollhom jaqtgħu ħbieb li ma jħobbux lil Ġeħova. Oħrajn forsi jiħduha kontrihom tal-​familja stess. Ġesù qal li għal xi nies ma kienx se jkun faċli jagħmlu dawn is-​sagrifiċċji. Imma hu wiegħed li dawk li se jimxu warajh mhux se jkunu ddiżappuntati. Ġeħova ħa jippremjahom billi jagħtihom familja spiritwali li tħobbhom. (Aqra Marku 10:29, 30.) Kif tistaʼ tgħin lill-​istudent tiegħek jibbenifika minn dan ir-​rigal sabiħ?

10. X’titgħallem mill-​esperjenza taʼ Manuel?

10 Sir ħabib mal-​istudent tiegħek. Huwa importanti li turih li int jimpurtak minnu. Għala? Manuel, li jgħix il-​Messiku, għadu jiftakar kif għenu l-​għalliem tiegħu. Hu jgħid: “Qabel kull studju, kien jistaqsini kif kont inħossni. Vera kont inħossni komdu miegħu u dan għenni biex niftaħ qalbi miegħu. Kont inħoss li hu vera jimpurtah minni.”

11. L-​istudenti tagħna kif jibbenifikaw meta nqattgħu l-​ħin magħhom?

11 Qattaʼ l-​ħin mal-​istudent tiegħek bħalma għamel Ġesù mad-​dixxipli tiegħu. (Ġw. 3:22) Jekk l-​istudent qed jagħmel bidliet fil-​ħajja tiegħu, tistaʼ tistiednu għal xi kikkra te, forsi biex jiekol xi ħaġa miegħek, jew biex jara l-​broadcasting taʼ kull xahar. Hu se japprezza iktar jekk int tistiednu matul żmien taʼ festi li l-​familja u l-​ħbieb tiegħu jiċċelebraw u b’hekk jispiċċa waħdu. Kazibwe, li jgħix l-​Uganda, jgħid: “Meta kont inkun mal-​għalliem, tgħallimt affarijiet dwar Ġeħova daqskemm kont nitgħallem fl-​istudju. Jien rajt kemm Ġeħova jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu u kemm huma ferħanin, u jien dak li xtaqt.”

Meta tieħu aħwa differenti għall-​istudju, l-​istudent se jsibha iktar faċli biex jattendi l-​laqgħat (Ara paragrafu 12) *

12. Għala hu importanti li nieħdu aħwa differenti fuq l-​istudju?

12 Għall-​istudju ħu miegħek aħwa differenti. Kultant, forsi nsibuha iktar faċli biex immorru waħedna jew nieħdu l-​istess pubblikatur magħna. Vera li dan jistaʼ jkun faċli għalina, imma jekk xi drabi nieħdu pubblikaturi differenti se jkun taʼ ġid għall-​istudent. Dmitrii, li jgħix il-​Moldova, jgħid: “Il-​pubblikaturi li ġew għall-​istudju tiegħi esprimew ruħhom b’mod differenti, u dan għenni biex napplika dak li kont qed nitgħallem b’modi oħrajn. Għenni wkoll meta mort l-​ewwel laqgħa, għax ħassejtni iktar komdu peress li diġà kont naf xi aħwa.”

13. Għala għandna ngħinu lill-​istudent tagħna jattendi l-​laqgħat?

13 Għin lill-​istudent tiegħek jattendi l-​laqgħat. Għala? Għax Ġeħova kkmanda lill-​qaddejja tiegħu biex jattendu l-​laqgħat bħala parti mill-​qima. (Ebr. 10:24, 25) Barra minn hekk, l-​aħwa fil-​kongregazzjoni jsiru parti mill-​familja spiritwali tagħna. Meta nkunu l-​laqgħat flimkien, inkunu bħallikieku qed nieklu ikla tajba magħhom. Meta tgħin lill-​istudent tiegħek biex jattendi l-​laqgħat tkun qed tgħinu jagħmel xi ħaġa importanti li tistaʼ twasslu għall-​magħmudija. Però, jistaʼ jkun diffiċli għalih biex jibda jattendi. Il-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! kif jistaʼ jgħin lill-​istudent tiegħek biex ma jħalli xejn iwaqqfu milli jattendi l-​laqgħat?

14. Kif nistgħu nħajru lill-​istudent jattendi l-​laqgħat?

14 Uża lezzjoni 10 tal-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! biex tħajru jattendi l-​laqgħat. Qabel ħareġ dan il-​ktieb, xi pubblikaturi ġew mitluba biex jużaw lezzjoni 10 u sabu li kienet taʼ għajnuna kbira għall-​istudenti biex jibdew jattendu l-​laqgħat. Bla dubju, m’għandekx tistenna li tasal f’lezzjoni 10 biex tistieden lill-​istudent tiegħek. Stiednu kemm jistaʼ jkun malajr u ibqaʼ fakkru li importanti li jattendi l-​laqgħat. Kull student jiffaċċja problemi differenti. Għalhekk, ipprova ifhem x’għandu bżonn l-​istudent u ara kif tistaʼ tgħinu. Taqtax qalbek jekk ma jibdiex jattendi l-​laqgħat mill-​ewwel. Ibqaʼ pprova u kun paċenzjuż.

GĦIN LILL-​ISTUDENT TIEGĦEK JEGĦLEB IL-​BIŻAʼ

15. L-​istudenti tagħna liema biżaʼ jistaʼ jkollhom?

15 Tiftakar kif kont tħossok int qabel sirt Xhud taʼ Ġeħova? Forsi ħassejt li qatt ma kien se jirnexxilek tipprietka. Jew kont tibżaʼ li l-​familja u l-​ħbieb tiegħek kienu se jiħduha kontrik. Jekk iva, tistaʼ tifhem kif iħossu l-​istudent tiegħek. Ġesù qal li xi nies jistgħu jħossuhom imbeżżgħin. Però, hu ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex ma jħallux il-​biżaʼ twaqqafhom milli jaqdu lil Ġeħova. (Mt. 10:16, 17, 27, 28) Ġesù x’għamel biex jgħin lid-​dixxipli tiegħu jegħlbu l-​biżaʼ? U int kif tistaʼ timitah?

16. Kif nistgħu nittrennjaw lill-​istudent tagħna biex jipprietka?

16 Għallem lill-​istudent tiegħek jitkellem m’oħrajn dwar dak li qed jitgħallem. Id-​dixxipli taʼ Ġesù jistaʼ jkun li beżgħu meta Ġesù bagħathom jippritkaw. Imma Ġesù għenhom billi qalilhom fejn għandhom imorru jippritkaw u x’għandhom jgħidu. (Mt. 10:5-​7) Kif tistaʼ timita lil Ġesù? Għin lill-​istudent biex jaħseb lil min jistaʼ jipprietka. Pereżempju, staqsih jekk jafx lil xi ħadd li jistaʼ jibbenifika mit-​tagħlim tal-​Bibbja. Imbagħad, b’mod sempliċi għinu jipprepara dak li jistaʼ jgħid. Meta jkun il-​waqt, tistaʼ tuża s-​sezzjoni “Ħafna Jgħidu” u “Xi Ħadd Jistaʼ Jsaqsi,” li nsibu fil-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! Meta tagħmel dan, ittrennja lill-​istudent tiegħek biex juża l-​Bibbja u bit-​tattika jagħti tweġibiet sempliċi.

17. Kif nistgħu nużaw il-​versi li nsibu f’​Mattew biex ngħinu lill-​istudent jafda f’Ġeħova?

17 Għin lill-​istudent tiegħek jafda f’Ġeħova. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu li Ġeħova se jgħinhom għax iħobbhom. (Aqra Mattew 10:19, 20, 29-​31.) Fakkar lill-​istudent tiegħek li Ġeħova se jgħin lilu wkoll. Int tistaʼ tgħinu jistrieħ fuq Ġeħova billi titlob miegħu dwar il-​miri li għandu. Franciszek, li jgħix il-​Polonja, jgħid: “L-​għalliem tiegħi spiss kien isemmi l-​miri tiegħi fit-​talb tiegħu. Meta rajt kif Ġeħova beda jwieġeb it-​talb tiegħu, anke jien bdejt nitlob. U meta kelli bżonn ġranet off biex nattendi l-​laqgħat u l-​konvenzjoni Ġeħova għenni.”

18. Ġeħova kif iħossu dwar ix-​xogħol li jagħmlu l-​għalliema Kristjani?

18 Ġeħova jimpurtah ħafna mill-​istudenti tal-​Bibbja. Hu jaf kemm l-​għalliema Kristjani jaħdmu iebes biex jgħinu lin-​nies jersqu qrib tiegħu, u għalhekk iħobbhom ħafna. (Is. 52:7) Jekk m’għandekx studju tal-​Bibbja, int xorta waħda tistaʼ tgħin lill-​istudenti jagħmlu progress u jaslu għall-​magħmudija billi tmur mal-​pubblikaturi għall-​istudju.

GĦANJA 60 Hemm ħajjithom fin-​nofs

^ par. 5 F’dan l-​artiklu se naraw kif Ġesù għen lin-​nies biex isiru dixxipli tiegħu u kif aħna nistgħu nimitawh. Se niddiskutu wkoll kif nistgħu nużaw il-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! Dan il-​ktieb ġie ddisinjat biex jgħin lill-​istudenti tagħna jagħmlu progress u jitgħammdu.

^ par. 7 Tistaʼ ssib esperjenzi oħrajn (1) fil-​Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova taħt “Suġġetti,” “Bibbja,” “Valur Prattiku,” “‘Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet’ (Serje fit-Torri tal-​Għassa)” jew (2) fil-​JW Library® fis-​sezzjoni “Midja,” “Intervisti u esperjenzi.”

^ par. 62 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Ħu flimkien mal-​mara tiegħu qed jistudja maʼ żagħżugħ. Xi kultant aħwa differenti jmorru għall-​istudju miegħu.