Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 24

Int Tistaʼ Taħrab min-Nases taʼ Satana!

Int Tistaʼ Taħrab min-Nases taʼ Satana!

‘Oħorġu min-​nassa tax-​Xitan.’—2 TIM. 2:26.

GĦANJA 36 Ngħassu lil qalbna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Għala nistgħu nqabblu lil Satana maʼ kaċċatur?

KAĊĊATUR ikollu mira waħda—li jaqbad jew joqtol l-​annimal. Kif turina l-​Bibbja, hu jaf juża nases differenti. (Ġob 18:8-​10) Kaċċatur kif juża t-​tattika biex l-​annimal jinqabad fin-​nassa tiegħu? Hu jistudja l-​annimal, jara fejn imur u xi jħobb, u mbagħad jara x’inhi l-​aħjar nassa li għandu juża. Satana hu bħal dak il-​kaċċatur. Hu jistudjana, joqgħod attent fejn immorru u jara xi nħobbu, u mbagħad juża nassa li biha jaħseb li jistaʼ jaqbadna għax aħna ma nkunux lesti għaliha. Però, il-​Bibbja tassigurana li jekk Satana jaqbadna, aħna xorta nistgħu naħarbulu u tgħallimna wkoll kif nistgħu nevitaw dawn in-​nases.

Satana kellu suċċess billi uża l-​kburija u r-​regħba biex jaqbad lin-​nies (Ara paragrafu 2) *

2. Liema żewġ nases effettivi juża Satana?

2 L-​iktar żewġ nases effettivi li għandu Satana huma l-​kburija u r-​regħba. * Għal eluf taʼ snin, Satana kellu suċċess billi uża dawn in-​nases perikolużi. Hu bħal kaċċatur li jipprova jaqbad l-​għasafar permezz taʼ xibka. (Salm 91:3) Imma aħna m’għandniex inħallu lil Satana jaqbadna. Għala? Għax Ġeħova qalilna liema nases juża Satana biex jaqbad in-​nies.—2 Kor. 2:11.

Aħna nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji tal-​Bibbja dwar kif nistgħu nevitaw jew naħarbu min-​nases tax-​Xitan (Ara paragrafu 3) *

3. Fil-​Bibbja għala nsibu eżempji taʼ wħud li saru kburin u rgħiba?

3 Ġeħova jgħallimna kemm huma perikolużi l-​kburija u r-​regħba billi jgħidilna x’ġara lil xi wħud mill-​qaddejja tiegħu, biex b’hekk nevitaw li nagħmlu l-​istess żbalji. Se naraw kif Satana rnexxielu jaqbad anki lil xi wħud li kienu ilhom jaqdu lil Ġeħova għal ħafna snin. Ifisser dan li aħna bilfors se nsiru kburin u rgħiba? Le. Ġeħova niżżel dawn l-​eżempji fil-​Bibbja biex ikunu “bħala twissija għalina.” (1 Kor. 10:11) Hu jaf li aħna nistgħu nitgħallmu minnhom, u b’hekk inkunu nistgħu nevitaw jew naħarbu min-​nases taʼ Satana.

IN-​NASSA TAL-​KBURIJA

Ara paragrafu 4

4. Jekk inkunu kburin x’jistaʼ jiġrilna?

4 Satana jrid li aħna nsiru kburin. Hu jaf li jekk insiru kburin se nsiru bħalu, u b’hekk nitilfu t-​tama li ngħixu għal dejjem. (Prov. 16:18) Għalhekk l-​appostlu Pawlu wissa li persuna tistaʼ ‘titkabbar u taqaʼ fl-​istess ġudizzju li ngħata lix-​Xitan.’ (1 Tim. 3:6, 7) Dan jistaʼ jiġri lil kulħadd, sew jekk m’ilniex fil-​verità u sew jekk ilna naqdu lil Ġeħova għal ħafna snin.

5. Kif juri Ekkleżjasti 7:16, 20, persuna kif tistaʼ turi li hi kburija?

5 Nies kburin huma egoisti. Satana jipprova jġegħelna nkunu egoisti, billi naħsbu iktar dwarna nfusna minflok dwar Ġeħova, speċjalment meta jkollna l-​problemi. Pereżempju, ġieli kien hemm xi ħadd li akkużak li għamilt xi ħaġa, imma ma kontx int? Jew ġieli kien hemm xi ħadd li trattak b’mod inġust? Satana jieħu pjaċir meta inti twaħħal f’Ġeħova jew fl-​aħwa għal dak li ġralek. U x-​Xitan iridek taħseb li l-​uniku mod biex issolvi l-​problema huwa billi tagħmel dak li taħseb inti u mhux timxi fuq il-​gwida li jagħtik Ġeħova fil-​Bibbja.—Aqra Ekkleżjasti 7:16, 20.

6. X’nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ oħt li tgħix l-​Olanda?

6 Aħseb dwar l-​esperjenza taʼ oħt li tgħix l-​Olanda, li bdiet tiddejjaq ħafna bin-​nuqqasijiet t’oħrajn. Hi ddeċidiet li ma tqattax ħin magħhom. Hi tgħid: “Vera bdejt inħossni waħdi, imma ma stajtx naħfrilhom. Għedt lir-​raġel tiegħi biex inbiddlu l-​kongregazzjoni.” Imbagħad, hi rat il-​JW Broadcasting® taʼ Marzu tal-​2016. Fil-​programm issemmew xi suġġerimenti dwar kif wieħed jistaʼ jkampa mal-​imperfezzjonijiet t’oħrajn. L-​oħt tkompli tgħid: “Indunajt li għandi bżonn inkun umli u naħseb dwar in-​nuqqasijiet tiegħi, u mhux inbiddel il-​kongregazzjoni. Il-​programm għenni biex niffoka fuq Ġeħova u d-​dritt li għandu biex jgħidilna x’għandna nagħmlu.” Qed tinduna x’inhu l-​punt? Meta tiffaċċja prova, ibqaʼ aħseb dwar dak li jridek tagħmel Ġeħova. Itolbu mill-​qalb biex jgħinek tħares lejn oħrajn kif iħares lejhom hu. Missierek tas-​sema jarahom l-​iżbalji li jagħmlu, imma hu lest li jaħfrilhom, u hu jrid li int taħfrilhom ukoll.—1 Ġw. 4:20.

Ara paragrafu 7

7. Xi ġralu s-​Sultan Użżija?

7 Minħabba li s-​Sultan Użżija sar kburi, hu ma semax mill-​pariri tal-​oħrajn, u għamel xi ħaġa li ma kellux dritt jagħmel. Qabel dan, Użżija għamel ħafna affarijiet tajbin. Hu kellu suċċess fil-​gwerer, fil-​proġetti tal-​bini, u fit-​tkabbir tar-​rabaʼ. “L-​Alla l-​veru tah ħafna ġid.” (2 Kron. 26:3-​7, 10) Imma l-​Bibbja tgħid: “Madankollu, malli sar b’saħħtu, qalbu tkabbret sal-​punt li ġab ir-​rovina tiegħu stess.” Ġeħova kien kmanda li l-​qassisin biss setgħu joffru l-​inċens fit-​tempju. Imma Użżija kien prużuntuż billi mar fit-​tempju u offra l-​inċens. Ġeħova ma ħax pjaċir u kkastiga lil dan ir-​raġel kburi bil-​ġdiem. Użżija baqaʼ marid bil-​ġdiem sa ma miet.—2 Kron. 26:16-​21.

8. Skont l-​1 Korintin 4:6, 7, kif nistgħu nevitaw li nsiru kburin?

8 Nistgħu nsiru kburin u nidinbu bħalma għamel Użżija? Aħseb dwar l-​eżempju taʼ José. Hu kien negozjant tajjeb u anzjan rispettat fil-​kongregazzjoni tiegħu. José kien jagħti taħditiet fl-​assembleat u fil-​konvenzjonijiet, u indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet ġieli staqsewh għal xi parir. Hu jgħid: “Imma jien striħajt fuq l-​esperjenza u l-​abbiltajiet tiegħi. Ħsibt li kont b’saħħti u ma kellix għalfejn nismaʼ mill-​pariri u t-​twissijiet taʼ Ġeħova.” José għamel dnub serju u ġie maqtugħ mis-​sħubija. Xi snin ilu ġie aċċettat lura. Issa jgħid: “Ġeħova għallimni li l-​iktar ħaġa importanti mhux li jkollok it-​titli, imma li tagħmel dak li jrid hu.” Kemm hu importanti li niftakru li l-​abbiltajiet u l-​privileġġi li għandna fil-​kongregazzjoni ġejjin mingħand Ġeħova. (Aqra l-​1 Korintin 4:6, 7.) Jekk inkunu kburin, Ġeħova mhux se jużana.

IN-​NASSA TAR-​REGĦBA

Ara paragrafu 9

9. Minħabba r-​regħba x’għamlu Satana u Eva?

9 Meta naħsbu dwar ir-​regħba, żgur li niftakru f’Satana x-​Xitan. Bħala anġlu taʼ Ġeħova, Satana x’aktarx kellu ħafna privileġġi, imma hu ried iktar. Hu ried il-​qima li Ġeħova biss kellu dritt għaliha. Satana jridna nsiru bħalu, għalhekk hu jipprova jġegħelna nkunu rridu iktar milli għandna. L-​ewwel darba li prova jagħmel dan kien meta kellem lil Eva. Ġeħova kien iħobbhom lil Eva u r-​raġel tagħha, għalhekk ħalliehom jieklu “minn kull siġra tal-​ġnien,” minbarra waħda. (Ġen. 2:16) Satana ġiegħel lil Eva taħseb li hi għandha bżonn tiekol minn dik is-​siġra. Eva ma kinitx kuntenta b’dak li kellha, u riedet iktar. Aħna nafu x’ġara wara. Minħabba d-​dnub li għamlet, maż-​żmien mietet.—Ġen. 3:6, 19.

Ara paragrafu 10

10. Ir-​regħba kif saret nassa għas-​Sultan David?

10 Ir-​regħba wasslet lis-​Sultan David biex jinsa dak li tah Ġeħova, inkluż il-​ġid, il-​fama, u r-​rebħ fuq l-​għedewwa tiegħu. David induna li Alla kien tah ħafna barkiet, infatti hu qal li kienu ferm iżjed milli setaʼ jsemmi. (Salm 40:5) Imma għal xi żmien, David nesa dak li kien tah Ġeħova. Ma kienx għadu kuntent b’dak li kellu, u ried iktar. Minkejja li David kellu iktar minn mara waħda, hu beda jixtieq mara li kienet miżżewġa lil raġel ieħor, avolja dan kien ħażin għal Ġeħova. Din il-​mara kien jisimha Bat-​seba, u r-​raġel tagħha kien Urija l-​Ħitti. Minħabba li David kien sar egoist, kellu x’jaqsam magħha sesswalment, u hi ħarġet tqila. Dak li għamel David kien ħażin ħafna, imma mbagħad għamel xi ħaġa iktar gravi. Hu għamel pjan biex joqtol lil Urija! (2 Sam. 11:2-​15) X’kien qed jaħseb David? Ħaseb li Ġeħova ma kienx qed jarah? Għalkemm David qeda lil Ġeħova għal ħafna snin, hu sar rgħib u dan ġablu ħafna wġigħ. Iktar tard, David ammetta d-​dnub tiegħu u ddispjaċieh għal dak li għamel. Min jaf kemm kien kuntent li Ġeħova ħafirlu!—2 Sam. 12:7-​13.

11. Skont Efesin 5:3, 4, x’jistaʼ jgħinna niġġieldu r-​regħba?

11 X’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ David? Nitgħallmu li aħna nistgħu niġġieldu r-​regħba jekk nibqgħu napprezzaw dak kollu li jagħtina Ġeħova. (Aqra Efesin 5:3, 4.) Irridu nkunu kuntenti b’dak li għandna. Meta nibdew nistudjaw il-​Bibbja maʼ xi ħadd, x’aktarx li ngħidu lill-​istudent biex jaħseb dwar xi ħaġa tajba li Ġeħova jkun tah. Jekk persuna tagħmel hekk kuljum għal ġimgħa, hi tkun talbet dwar sebaʼ affarijiet differenti. (1 Tess. 5:18) Int tistaʼ tagħmel xi ħaġa simili? Jekk int timmedita dwar dak kollu li Ġeħova għamel għalik, se jgħinek biex tapprezza dak li għandek. Meta tapprezza dak li għandek se tkun kuntent, u meta tkun kuntent mhux se ssir rgħib.

Ara paragrafu 12

12. Ir-​regħba x’ġegħlitu jagħmel lil Ġuda l-​Iskarjota?

12 Minħabba li Ġuda l-​Iskarjota sar rgħib, hu għamel xi ħaġa ħażina ħafna u ttradixxa lil Ġesù. Imma hu ma kienx persuna ħażina minn dejjem. (Lq. 6:13, 16) Ġesù kien għażlu bħala appostlu u kien jafdah, infatti Ġuda kien jieħu ħsieb il-​kaxxa tal-​flus. Ġesù u l-​appostli kienu jużaw dawk il-​flus għall-​ispejjeż li kien ikollhom matul il-​ministeru. Kienu qishom id-​donazzjonijiet għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja llum. Imma wara ftit, Ġuda beda jisraq il-​flus minkejja li kien semaʼ lil Ġesù jwissi lin-​nies kontra x-​xenqa b’għira. (Mk. 7:22, 23; Lq. 11:39; 12:15) Ġuda injora dawk it-​twissijiet.

13. Ġuda meta wera li kien sar rgħib?

13 Ġuda wera li kien sar rgħib ftit qabel Ġesù ngħata l-​mewt. Ġesù u d-​dixxipli tiegħu, inkluż Marija u oħtha Marta, kienu mistednin għand Xmun li qabel kellu l-​marda tal-​ġdiem. Matul l-​ikla, Marija qamet u ferrgħet ftit żejt ifuħ li kien jiswa ħafna flus fuq ras Ġesù. Ġuda u d-​dixxipli l-​oħrajn ma ħadux pjaċir. Id-​dixxipli forsi ħasbu li dawk il-​flus setgħu jużawhom għall-​ministeru. Imma Ġuda kellu skop ieħor f’moħħu. Hu “kien ħalliel,” u ried jisraq il-​flus minn ġol-​kaxxa. U minħabba li Ġuda sar rgħib, hu ttradixxa lil Ġesù għall-​flus.—Ġw. 12:2-​6; Mt. 26:6-​16; Lq. 22:3-​6.

14. Il-​koppja li semmejna kif applikat il-​lezzjoni li nsibu f’​Luqa 16:13?

14 Ġesù fakkar lid-​dixxipli tiegħu: “Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.” (Aqra Luqa 16:13.) Dan għadu japplika anki għalina llum. Innota kif koppja fir-​Rumanija ħallew il-​kliem taʼ Ġesù jaffettwahom. Huma ġew offruti xogħol temporanju f’pajjiż iktar sinjur. Din il-​koppja tgħid: “Kellna ħafna dejn xi nħallsu, għalhekk ħsibna li din kienet barka minn Ġeħova.” Però kien hemm problema. Jekk kienu se jaċċettaw dan ix-​xogħol, kien se jkollhom inqas ħin biex jaqdu lil Ġeħova. Wara li qraw l-​artiklu “Żomm il-​Lealtà b’Qalb Sħiħa” f’It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Awwissu 2008, ħadu deċiżjoni. Huma qalu: “Kieku morna f’pajjiż ieħor biex naqilgħu iktar flus, kien se jkun iktar diffiċli biex naqdu lil Ġeħova. Imbagħad il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova ma kinitx se tkun l-​iktar ħaġa importanti għalina. Konna ċerti li l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova kienet se tmur minn taħt.” Huma rrifjutaw dan ix-​xogħol. X’ġara wara? Ir-​raġel sab xogħol fil-​pajjiż tagħhom, u l-​paga kienet biżżejjed biex ikunu jistgħu jixtru dak li kellhom bżonn. Il-​mara tgħid: “Ġeħova dejjem jgħin lill-​qaddejja tiegħu.” Il-​koppja huma ferħanin li għamlu lil Ġeħova s-​Sid tagħhom, u mhux il-​flus.

EVITA N-​NASES TAʼ SATANA

15. Għala aħna ċerti li nistgħu naħarbu min-​nases taʼ Satana?

15 Xi ngħidu jekk nindunaw li qed insiru kburin jew rgħiba? Aħna nistgħu ninbidlu! Pawlu qal li dawk li “kien qabadhom” ix-​Xitan, xorta jistgħu jaħarbu min-​nassa tiegħu. (2 Tim. 2:26) David hekk ġralu. Hu semaʼ mill-​parir sod taʼ Natan, iddispjaċieh għal dak li kien għamel, u rranġa l-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. Qatt tinsa li Ġeħova hu b’saħħtu iktar minn Satana. Mela, jekk naċċettaw l-​għajnuna taʼ Ġeħova, aħna nistgħu naħarbu minn kull nassa li jagħmel ix-​Xitan.

16. X’se jgħinna nevitaw in-​nases taʼ Satana?

16 Bla dubju, ikun aħjar jekk qatt ma nsiru kburin jew rgħiba. Dan nistgħu nagħmluh biss bl-​għajnuna t’Alla. Imma qatt m’għandna naħsbu li aħna b’saħħitna biżżejjed u qatt mhu se nsiru kburin jew rgħiba! Anki qaddejja taʼ Ġeħova li kienu ilhom jaqduh għal ħafna snin spiċċaw b’dawn il-​kwalitajiet ħżiena. Għalhekk, itlob lil Ġeħova kuljum biex jgħinek teżamina l-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet tiegħek. (Salm 139:23, 24) Agħmel l-​almu tiegħek biex qatt ma ssir kburi jew rgħib!

17. X’se jiġri dalwaqt lill-​avversarju tagħna, Satana x-​Xitan?

17 Satana ilu kaċċatur għal eluf taʼ snin. Però, ma tantx baqagħlu għax dalwaqt se jiġi marbut u iktar tard se jiġi meqrud. (Riv. 20:1-​3, 10) Kemm nixxennqu għal dik il-​ġurnata! Imma sa dakinhar, oqgħod attent għan-​nases taʼ Satana. Aħdem iebes biex ma ssirx kburi jew rgħib. Kun determinat li ‘topponi lix-​Xitan, u hu jaħrab minnek.’—Ġak. 4:7.

GĦANJA 127 It-​tip taʼ persuna li għandi nkun

^ par. 5 Satana hu kaċċatur tas-​sengħa. Ilna kemm ilna naqdu lil Ġeħova, hu jipprova jaqbadna fin-​nases tiegħu. F’dan l-​artiklu se nitgħallmu kif Satana jipprova juża l-​kburija u r-​regħba biex ikisser il-​ħbiberija li għandna m’Alla. Se naraw ukoll x’nistgħu nitgħallmu minn eżempji taʼ wħud li nqabdu fin-​nases tal-​kburija u r-​regħba, u se naraw kif nistgħu nevitaw dawn in-​nases.

^ par. 2 ESPRESSJONIJIET SPJEGATI: Dan l-​artiklu jitkellem dwar il-​kburija, jiġifieri meta persuna tħossha aħjar minn oħrajn, u dwar ir-​regħba, jiġifieri meta persuna jkollha xewqa kbira għall-​flus, għall-​poter, għas-​sess, jew affarijiet oħrajn.

^ par. 53 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu bil-​kburija ma jaċċettax parir għaqli. Oħt, li xtrat ħafna affarijiet, tixtieq iktar.

^ par. 55 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Il-​kburija affettwat lil anġlu t’Alla u lis-​Sultan Użżija. Eva, is-​Sultan David, u Ġuda saru rgħiba. Hu għalhekk li Eva kielet mis-​siġra, David għamel adulterju maʼ Bat-​seba, u Ġuda seraq il-​flus.