Mistoqsijiet mill-Qarrejja
L-appostlu Pawlu x’ried ifisser meta qal: “Permezz tal-liġi mitt għal-liġi”?—Gal. 2:19.
Pawlu kiteb: “Permezz tal-liġi mitt għal-liġi biex nieħu l-ħajja għal Alla.”—Gal. 2:19.
Dak li kiteb Pawlu kellu x’jaqsam maʼ dak li kien qed jgħid lill-kongregazzjonijiet fil-Galazja. Xi Kristjani hemmhekk kienu qed jiġu influwenzati minn għalliema foloz. Dawn l-irġiel bdew jgħallmu li biex persuna ssalva kellha tobdi l-Liġi Mosajka, b’mod partikulari ċ-ċirkonċiżjoni. Imma Pawlu kien jaf li Alla ma kienx għadu qed jitlob lill-qaddejja tiegħu biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni. Billi rraġuna magħhom, hu wriehom li dan kien tagħlim falz u saħħaħ il-fidi tagħhom fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu bħala fidwa.—Gal. 2:4; 5:2.
Il-Bibbja turina biċ-ċar li meta persuna tmut, ma tkunx taf x’qed jiġri madwarha. (Ekk. 9:5) Meta Pawlu qal: “Mitt għal-liġi,” kien qed ifisser li l-Liġi Mosajka ma kinitx għadha taffettwa l-ħajja tiegħu. Imma Pawlu kien ċert li permezz tal-fidi tiegħu fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, hu ħa “l-ħajja għal Alla.”
Il-Liġi għamlet il-bidla fis-sitwazzjoni taʼ Pawlu. Kif? Hu spjega li “bniedem ma jiġix dikjarat ġust bl-għemejjel tal-liġi, imma biss bil-fidi fi Kristu Ġesù.” (Gal. 2:16) Għalhekk, il-Liġi wettqet xi ħaġa importanti. Pawlu spjega lill-Galatin: “Ġiet miżjuda biex tagħmel in-nuqqasijiet jidhru, sakemm jasal in-nisel li lilu saret il-wegħda.” (Gal. 3:19) Iva, il-Liġi Mosajka għamlitha ovvja li bnedmin imperfetti ma setgħux jobdu l-Liġi b’mod perfett u li huma kellhom bżonn sagrifiċċju perfett. Għalhekk, il-Liġi għenet lin-nies biex jirrealizzaw li Ġesù hu “n-nisel.” Kull min kellu l-fidi f’Ġesù Kristu setaʼ jkun dikjarat ġust quddiem Alla. (Gal. 3:24) Pawlu wasal għal dan il-punt minħabba li permezz tal-Liġi Mosajka, hu aċċetta u poġġa l-fidi f’Ġesù. Għalhekk Pawlu qal: “Mitt għal-liġi” u ħadt “il-ħajja għal Alla.” Il-Liġi ma kellhiex iktar qawwa fuqu, imma Alla kellu.
Pawlu kiteb xi ħaġa simili fl-ittra tiegħu lir-Rumani. Hu qal: “Ħuti, intom ukoll sirtu mejtin għal-Liġi permezz tal-ġisem tal-Kristu . . . Imma issa nħlisna mil-Liġi, għax mitna għal dak li bih konna qed niġu miżmumin sod.” (Rum. 7:4, 6) Din l-iskrittura u Galatin 2:19, juruna li Pawlu ma kienx qed jgħid li hu miet bħala midneb taħt il-Liġi. Minflok, hu kien qed jgħid li ġie meħlus. Il-Liġi ma kinitx għadha tgħodd għalih u għal oħrajn bħalu. Huma kienu nħelsu permezz tal-fidi fis-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa.