Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 25

Tfixklux lil “Dawn iċ-Ċkejknin”

Tfixklux lil “Dawn iċ-Ċkejknin”

“Tistmerrux lil xi wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin.”—MT. 18:10.

GĦANJA 113 Is-​sliem li għandna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġeħova x’għamel lil kull wieħed u waħda minna?

ĠEĦOVA ġibed lil kull wieħed u waħda minna lejh. (Ġw. 6:44) Aħseb ftit xi jfisser dan. Waqt li Ġeħova kien qed jeżamina lil biljuni taʼ nies li hawn fid-​dinja, hu ra xi ħaġa prezzjuża fik—qalb sinċiera li tistaʼ ssir tħobbu. (1 Kron. 28:9) Ġeħova jafek sew, jifhmek, u jħobbok. Kemm hu inkuraġġanti dan il-​ħsieb!

2. Ġesù kif għenna nifhmu kemm Ġeħova jimpurtah minna?

2 Ġeħova jimpurtah ħafna minnek u hu jinteressah ukoll minn ħutek il-​Kristjani. Biex jgħinna nifhmu dan, Ġesù qabbel lil Ġeħova maʼ ragħaj. Meta ragħaj ikollu mitt nagħġa u tintilef waħda minnhom x’jagħmel? Hu ‘jħalli lid-​disgħa u disgħin fuq il-​muntanji u jitlaq ifittex lil dik li ntilfitlu.’ Meta jsib lil dik in-​nagħġa li tkun intilfet ma jirrabjax magħha, anzi jieħu pjaċir. X’nitgħallmu minn dan? Kull nagħġa hi importanti għal Ġeħova. Ġesù qal: “Missieri li hu fis-​sema ma jridx li jinqered wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin.”—Mt. 18:12-​14.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Aħna żgur li qatt ma rridu li niskuraġġixxu lil xi ħadd minn ħutna. Kif nistgħu nevitaw li nfixklu lil xi ħadd? U x’nistgħu nagħmlu jekk xi ħadd iweġġagħna? Se nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet matul dan l-​artiklu. Imma l-​ewwel se nitgħallmu iktar dwar “dawn iċ-​ċkejknin” li jissemmew f’​Mattew kapitlu 18.

MIN HUMA “DAWN IĊ-​ĊKEJKNIN”?

4. Min huma “dawn iċ-​ċkejknin”?

4 “Dawn iċ-​ċkejknin” huma d-​dixxipli taʼ kull età li għandu Ġesù. Huma “bħal tfal żgħar” għax huma jixtiequ jitgħallmu minnu. (Mt. 18:3) Minkejja li għandhom kulturi, backgrounds, u personalitajiet differenti, huma kollha għandhom il-​fidi fi Kristu u hu jħobbhom ħafna.—Mt. 18:6; Ġw. 1:12.

5. Ġeħova kif iħossu meta persuna tfixkel jew tweġġaʼ lil xi ħadd mill-​poplu tiegħu?

5 “Dawn iċ-​ċkejknin” kollha huma prezzjużi għal Ġeħova. Biex nifhmu kif iħossu, aħseb ftit dwar kif inħossuna aħna dwar it-​tfal. Huma prezzjużi għalina. Minħabba li mhumiex b’saħħithom, m’għandhomx esperjenza, u huma innoċenti, aħna nkunu rridu nipproteġuhom. Aħna ma nieħdu pjaċir naraw lil ħadd iweġġaʼ, imma meta naraw it-​tfal ibatu, jiddispjaċina iktar u x’aktarx inħossuna rrabjati wkoll. Bl-​istess mod, Ġeħova jrid jipproteġina, u meta xi ħadd ifixkilna jew iweġġagħna, Ġeħova jiddispjaċih u jirrabja wkoll.—Is. 63:9; Mk. 9:42.

6. Skont l-​1 Korintin 1:26-​29, in-​nies fid-​dinja kif iqisu lid-​dixxipli taʼ Ġesù?

6 B’liema mod ieħor id-​dixxipli taʼ Ġesù huma bħal tfal “ċkejknin”? Aħseb ftit, id-​dinja lil min tqis importanti? Lin-​nies sinjuri, famużi, u li għandhom il-​poter. Imma d-​dixxipli taʼ Ġesù mhumiex hekk. Għalhekk, in-​nies fid-​dinja jaħsbu li dawn mhumiex importanti, bħallikieku huma “ċkejknin.” (Aqra l-​1 Korintin 1:26-​29.) Imma Ġeħova ma jqishomx b’dan il-​mod.

7. Ġeħova kif iridna nqisuhom lil ħutna?

7 Ġeħova jħobb lill-​qaddejja kollha tiegħu, sew jekk ilhom jaqduh għal ħafna snin u sew jekk m’ilhomx ħafna fil-​verità. Ħutna kollha huma importanti għal Ġeħova, u dawn għandhom ikunu importanti għalina wkoll. Aħna rridu ‘nħobbu l-​fratellanza kollha,’ mhux biss lil xi ftit minnhom. (1 Pt. 2:17) Irridu nkunu lesti li nipproteġuhom u ngħinuhom. Jekk nindunaw li weġġajna lil xi ħadd, m’għandniex naġixxu bħallikieku ma ġara xejn u naħsbu li għandu jaħfrilna u jinsa dak li għamilna. Għala xi wħud jaf jieħdu għalihom? Għax xi wħud, minħabba l-​background tagħhom, iħossuhom inqas minn oħrajn. Oħrajn m’ilhomx li ġew fil-​verità, u għalhekk għad iridu jitgħallmu li għandhom jaħfru meta oħrajn jiżbaljaw. Hu x’inhu l-​każ, irridu naħdmu biex inżommu l-​paċi. Barra minn hekk, persuna li tieħu għaliha malajr għandha bżonn ma tibqax daqshekk sensittiva. Imbagħad se tkun ferħana u tgawdi ħbiberija mal-​aħwa.

QIS LILL-​OĦRAJN AĦJAR MINNEK

8. Liema attitudni kellhom in-​nies fi żmien Ġesù, u din kif affettwat lid-​dixxipli tiegħu?

8 Ġesù għala tkellem dwar “dawn iċ-​ċkejknin”? Għax id-​dixxipli tiegħu kienu staqsewh: “Min tassew hu l-​akbar fis-​saltna tas-​smewwiet?” (Mt. 18:1) Dak iż-​żmien, ħafna Lhud riedu li oħrajn iqisuhom importanti. Studjuż jgħid: “L-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja tagħhom kienet li jkunu famużi u li oħrajn jonorawhom.”

9. Id-​dixxipli taʼ Ġesù x’kellhom jagħmlu?

9 Ġesù kien jaf li għal ħafna Lhud kien importanti li jkunu aħjar minn oħrajn. Għalhekk, id-​dixxipli kellhom jaħdmu iebes biex ma jaħsbuhiex b’dan il-​mod. Hu qalilhom: “Min hu l-​akbar fostkom ħa jsir bħall-​iżgħar, u min jaġixxi bħala kap isir bħal min jaqdi.” (Lq. 22:26) Aħna naġixxu “bħall-​iżgħar” meta ‘nqisu lill-​oħrajn superjuri għalina.’ (Flp. 2:3) Iktar ma naħdmu biex ikollna din l-​attitudni, inqas se nfixklu lil oħrajn.

10. Liema parir li tana Pawlu għandna napplikaw?

10 B’xi mod jew ieħor, ħutna kollha huma aħjar minna. Dan narawh meta niffokaw fuq il-​kwalitajiet tajbin tagħhom. Għandna nieħdu bis-​serjetà l-​parir li ta l-​appostlu Pawlu lill-​Korintin: “Min jagħmlek biex tkun differenti minn ħaddieħor? Tabilħaqq, x’għandek li ma rċivejtx? Issa, jekk int tabilħaqq irċivejtu, għala tiftaħar bħallikieku ma rċivejtux?” (1 Kor. 4:7) Mela rridu noqogħdu attenti li ma niġbdux l-​attenzjoni lejna jew naħsbu li aħna aħjar minn oħrajn. Pereżempju, aħwa rġiel li jagħtu taħditiet tajbin, jew aħwa nisa li huma tajbin biex jibdew studju tal-​Bibbja, għandhom jagħtu l-​krettu lil Ġeħova għall-​abbiltajiet tagħhom.

AĦFRU MILL-​QALB

11. Ġesù x’jgħallimna mit-​tixbiha dwar is-​sultan u l-​ilsir?

11 Wara li Ġesù wissa lis-​segwaċi tiegħu biex ma jfixklux lill-​oħrajn, hu ġabilhom tixbiha dwar sultan u lsir. Is-​sultan ħafer id-​dejn kollu li l-​ilsir qatt ma setaʼ jħallas. Iktar tard, dan l-​ilsir m’aċċettax li jaħfer il-​ftit dejn li lsir ieħor kellu miegħu. Meta sar jaf b’dan, is-​sultan tefaʼ lil dan l-​ilsir bla qalb fil-​ħabs. X’inhi l-​lezzjoni għalina? Ġesù qal: “Hekk ukoll jagħmlilkom Missieri tas-​sema jekk ma taħfrux minn qalbkom kull wieħed lil ħuh.”—Mt. 18:21-​35.

12. Meta ma naħfrux kif inkunu qed inweġġgħu lil oħrajn?

12 Dak li għamel l-​ilsir mhux biss weġġaʼ lilu nnifsu, imma anki lil oħrajn. L-​ewwel ħaġa, hu ma weriex ħniena mal-​ilsir l-​ieħor billi “tefgħu l-​ħabs sakemm iħallas lura dak li kellu jagħtih.” It-​tieni, bil-​mod kif aġixxa weġġaʼ lil ilsiera oħrajn. Fil-​fatt, meta “l-​ilsiera sħabu raw x’kien ġara, iddispjaċiehom ferm.” Bl-​istess mod, dak li nagħmlu aħna jaffettwa lil oħrajn. Meta xi ħadd jittrattana ħażin u aħna ma naħfrulux, x’jistaʼ jiġri? L-​ewwel, inkunu qed inweġġgħuh għax ma naħfrulux, u forsi ninjorawh u ma nuruhx imħabba. It-​tieni, meta oħrajn fil-​kongregazzjoni jinnutaw li għandna xi nuqqas taʼ qbil maʼ xi ħadd, mhux se jħossuhom komdi.

Se tibqaʼ żżomm f’qalbek jew se taħfer mill-​qalb? (Ara paragrafi 13-​14) *

13. X’titgħallem mill-​esperjenza taʼ din il-​pijuniera?

13 Meta naħfru lil ħutna nħossuna aħjar, u se ngħinu lilhom biex iħossuhom tajjeb ukoll. Oħt pijuniera, li se nsejħulha Crystal, hekk ġralha. Oħt fil-​kongregazzjoni tagħha kienet weġġgħetha. Crystal tgħid: “Kultant, tant kienet tuża kliem aħrax li kont inħossha qisha qed ittini daqqiet taʼ sikkina. Ma kontx inkun irrid noqgħod magħha fuq il-​ministeru. Spiċċajt bdejt nitlef il-​ferħ u ż-​żelu għall-​ministeru.” Crystal ħasset li kellha raġun tħossha mweġġgħa. Imma hi ma baqgħetx irrabjata maʼ din l-​oħt jew iffokat fuqha nfisha u s-​sentimenti tagħha. B’umiltà applikat il-​parir tal-​Bibbja li sabet fl-​artiklu “Aħfer Minn Qalbek” f’It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru 1999. Hi ħafret lil oħtha. Crystal tkompli tgħid: “Issa nifhem li lkoll kemm aħna qed naħdmu iebes biex nilbsu l-​personalità l-​ġdida, u Ġeħova lest li jaħfrilna kuljum. Issa, li ħfirtilha nħossni striħajt u ferħana.”

14. Skont Mattew 18:21, 22 l-​appostlu Pietru xi problema jaf kellu, u x’nitgħallmu mill-​mod kif Ġesù wieġbu?

14 Aħna nafu li rridu naħfru lil xulxin, imma kultant jistaʼ jkun diffiċli għalina biex naħfru. Jistaʼ jkun li anki l-​appostlu Pietru xi kultant ukoll ħassu hekk. (Aqra Mattew 18:21, 22.) X’jistaʼ jgħinna? L-​ewwel, aħseb dwar kemm-​il darba Ġeħova ħafirlek. (Mt. 18:32, 33) Aħna ma jixirqilniex din il-​maħfra, imma hu dejjem lest li jaħfrilna. (Salm 103:8-​10) Fl-​istess ħin, “aħna għandna l-​obbligu li nħobbu lil xulxin.” Għalhekk, li naħfru mhix għażla. Aħna għandna naħfru lil ħutna. (1 Ġw. 4:11) It-​tieni, immedita x’jiġri meta naħfru. Nistgħu ngħinu lill-​persuna li weġġgħetna, inżommu l-​paċi fil-​kongregazzjoni, nipproteġu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova, u nneħħu t-​toqol minn fuqna. (2 Kor. 2:7; Kol. 3:14) Fl-​aħħar, itlob lill-​wieħed li jridna naħfru, Ġeħova. Tħallix lil Satana jkisser il-​ħbiberija tajba li għandek mal-​aħwa. (Efes. 4:26, 27) Aħna għandna bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova biex ikollna l-​paċi fil-​kongregazzjoni.

OQGĦOD ATTENT LI MA TITFIXKILX INT

15. Skont Kolossin 3:13, jekk ħu jew oħt tweġġagħna x’għandna nagħmlu?

15 Xi ngħidu jekk xi ħadd mill-​aħwa aġixxa b’mod ħażin ħafna miegħek? X’għandek tagħmel? Agħmel l-​almu tiegħek biex iżżomm il-​paċi. Għid lil Ġeħova kif qiegħed tħossok. Itolbu biex jgħin lil dik il-​persuna li weġġgħetek u biex jgħinek tara l-​kwalitajiet tajbin tagħha—kwalitajiet li Ġeħova jogħġbuh fiha. (Lq. 6:28) Jekk ma tistax tinsa dak li xi ħadd għamillek, aħseb ftit kif tistaʼ titkellem miegħu. Ikun tajjeb li taħseb li hu ma weġġgħekx apposta. (Mt. 5:23, 24; 1 Kor. 13:7) Meta tkun qed titkellem miegħu żomm f’moħħok li hu għandu intenzjonijiet tajbin. Imma xi ngħidu jekk hu ma jridx jagħmel paċi miegħek? Taqtax qalbek, kompli uri l-​paċenzja miegħu. (Aqra Kolossin 3:13.) U l-​iktar ħaġa importanti hi li ma tibqax irrabjat għalih għax dan jistaʼ jagħmel ħsara lill-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. Tħalli xejn ifixklek. Jekk tagħmel hekk, int se tagħti prova li tħobb lil Ġeħova iktar minn kull ħaġa oħra.—Salm 119:165.

16. X’responsabbiltà għandu kull wieħed u waħda minna?

16 Aħna grati li nistgħu naqdu lil Ġeħova flimkien maʼ ħutna bħala “merħla waħda” u “ragħaj wieħed”! (Ġw. 10:16) Il-​ktieb Organizzati biex nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova, paġna 165, jgħid: “Peress li tibbenefika minn din l-​unità, għandek ir-​responsabbiltà li tgħin biex tinżamm.” Għalhekk, għandna bżonn “nibqgħu nitħarrġu biex naraw lil ħutna kif jarahom Ġeħova.” Għal Ġeħova, aħna lkoll prezzjużi. L-​aħwa fil-​kongregazzjoni tqishom int b’dan il-​mod? Ġeħova jinnota u japprezza dak kollu li tagħmel biex tgħinhom u tieħu ħsiebhom.—Mt. 10:42.

17. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

17 Lil ħutna nħobbuhom ħafna. Aħna determinati ‘li quddiem ħutna ma npoġġu xejn li jistaʼ jfixkilhom jew iwaqqagħhom.’ (Rum. 14:13) Aħna nqisu lil ħutna aħjar minna, u nkunu rridu li naħfrulhom mill-​qalb. Jalla qatt ma nitfixklu minħabba oħrajn. Minflok, ejja “niġru wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi u l-​affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.”—Rum. 14:19.

GĦANJA 130 Aħfer

^ par. 5 Minħabba l-​imperfezzjoni tagħna, aħna nistgħu ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li tweġġaʼ lil ħutna. Meta jiġri hekk x’għandna nagħmlu? Nagħmlu l-​almu tagħna biex nerġgħu nirranġaw il-​ħbiberija taʼ bejnietna? Nitolbu skuża mill-​ewwel? Jew meta jieħdu għalihom ngħidu, ‘It-​tort tagħhom?’ U xi ngħidu jekk jagħmlu jew jgħidu xi ħaġa huma? Nieħdu għalina mill-​ewwel u ngħidu, ‘Dan hu l-​karattru tiegħi,’ jew nifhmu li hemm bżonn nagħmlu xi bidliet?

^ par. 53 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt irrabjata minħabba oħt oħra fil-​kongregazzjoni. Wara li jsolvu l-​problema taʼ bejniethom fil-​privat, jinsew kollox u jkomplu jaqdu lil Ġeħova ferħanin.