Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 24

Ġeħova—L-​Iktar Wieħed li Jaħfer

Ġeħova—L-​Iktar Wieħed li Jaħfer

“Int, O Ġeħova, tajjeb u lest li taħfer; u l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek hi abbundanti maʼ dawk kollha li jsejħulek.”—SALM 86:5.

GĦANJA 42 It-​talba tal-​qaddej t’Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’għallimna s-​Sultan Salamun f’​Ekkleżjasti 7:20?

 IS-​SULTAN Salamun kiteb: “M’hemm l-​ebda bniedem ġust fuq l-​art li dejjem jagħmel it-​tajjeb u ma jidnibx.” (Ekk. 7:20) Kemm hu veru dan il-​kliem! Aħna lkoll niżbaljaw. (1 Ġw. 1:8) Għalhekk, ilkoll kemm aħna għandna bżonn il-​maħfra mingħand Alla u mingħand oħrajn.

2. Kif tħossok meta ħabib tal-​qalb jaħfirlek?

2 Bla dubju int tiftakar meta xi darba weġġajt lill-​ħabib tal-​qalb. Int xtaqt terġaʼ tirranġa l-​ħbiberija tiegħek miegħu. Għalhekk, tlabtu biex jaħfirlek. Kif ħassejtek meta ħafirlek? Bdejt tħossok aħjar? Iva, u x’aktarx bdejt tħossok ferħan ukoll!

3. Matul dan l-​artiklu, x’se nikkunsidraw?

3 Aħna rridu li Ġeħova jkun il-​ħabib tal-​qalb tagħna, imma kultant nistgħu ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li biha nweġġgħuh. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jrid jaħfrilna? X’inhi d-​differenza bejn meta Ġeħova jaħfer lil xi ħadd u meta aħna naħfru lil xi ħadd? U Alla lil min jaħfer?

ĠEĦOVA LEST LI JAĦFER

4. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova lest li jaħfrilna?

4 Il-​Kelma t’Alla tassigurana li Ġeħova lest li jaħfrilna. Meta Ġeħova ddeskriva lilu nnifsu lil Mosè fuq il-​Muntanja Sinaj, hu bagħat anġlu biex jgħid: “Ġeħova, Ġeħova, Alla ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità, jerfaʼ l-​qalb tajba bl-​imħabba għal eluf, jaħfer l-​iżball u l-​ksur tal-​liġi u d-​dnub.” (Eżo. 34:6, 7) Ġeħova qalbu tajba u ħanin, u dejjem lest li jaħfer lil dawk li jiddispjaċihom għad-​dnub li għamlu.—Neħ. 9:17; Salm 86:15.

Ġeħova jaf dak kollu li għaddejna minnu u kif jaffettwana (Ara paragrafu 5)

5. Skont Salm 103:13, 14, Ġeħova x’jagħmel minħabba li jafna sew?

5 Bħala l-​Ħallieq tagħna, Ġeħova jaf kollox dwarna. Aħseb ftit, Ġeħova jaf kull dettall dwar kull persuna li hawn fuq l-​art. (Salm 139:15-​17) Għalhekk, jistaʼ jara l-​imperfezzjonijiet kollha li writna mingħand il-​ġenituri tagħna. Barra minn hekk, hu jaf l-​esperjenzi li għaddejna minnhom u li ġegħluna nsiru l-​persuna li aħna llum. Ġeħova x’jagħmel minħabba li jafna sew? Hu juri ħniena magħna.—Salm 78:39; aqra Salm 103:13, 14.

6. Ġeħova kif wera li hu lest li jaħfrilna?

6 Ġeħova wera li hu lest li jaħfrilna. Hu jifhem li minħabba dak li għamel l-​ewwel raġel, Adam, aħna nitwieldu bid-​dnub u mmutu. (Rum. 5:12) M’hemm xejn li nistgħu nagħmlu biex neħilsu lilna nfusna jew lil oħrajn mid-​dnub u l-​mewt. (Salm 49:7-​9) Madanakollu, Alla kollu mħabba wera ħniena u għamel xi ħaġa għalina biex jeħlisna. X’għamel? Bħalma juri Ġwanni 3:16, Ġeħova bagħat l-​uniku Iben tiegħu biex imut għalina. (Mt. 20:28; Rum. 5:19) Ġesù miet biex jeħles lil dawk li juru fidi fih. (Ebr. 2:9) Min jaf kemm ħass uġigħ Ġeħova meta ra lil Ibnu l-​maħbub imut mewta taʼ tbatija u umiljanti! Żgur li kieku Ġeħova ma riedx jaħfrilna ma kienx se jħalli lil Ibnu jmut għalina.

7. Liema eżempji juru li Ġeħova jaħfer?

7 Fil-​Bibbja nsibu ħafna eżempji taʼ wħud li Ġeħova ħafrilhom. (Efes. 4:32) Min jiġik f’moħħok? Forsi taħseb dwar is-​Sultan Manasse. Dan ir-​raġel ħażin għamel dnubiet kbar kontra Ġeħova. Hu ta qima lill-​allat foloz u ġiegħel lil oħrajn biex jagħmlu bħalu. Qatel lit-​tfal tiegħu u offriehom bħala sagrifiċċju lill-​allat foloz. Manasse saħansitra wasal biex jagħmel xbieha t’alla falz fit-​tempju taʼ Ġeħova. Dwaru l-​Bibbja tgħid: “Għamel kemm felaħ dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, biex joffendih.” (2 Kron. 33:2-​7) Minkejja dan kollu, meta Manasse wera li verament iddispjaċieh għal dak li għamel, Ġeħova ħafirlu. Tant hu hekk, li reġaʼ ħallieh isir sultan. (2 Kron. 33:12, 13) Forsi taħseb ukoll dwar is-​Sultan David, li għamel dnubiet serji kontra Ġeħova, bħal adulterju u qtil. Meta David ammetta li żbalja u vera ddispjaċieh għal dak li kien għamel, Ġeħova ħafirlu wkoll. (2 Sam. 12:9, 10, 13, 14) Iva, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jixtieq jaħfrilna d-​dnubiet tagħna, u kif se naraw, il-​mod kif jaħfer Ġeħova hu differenti mill-​mod kif jaħfru n-​nies.

IL-​MOD KIF JAĦFER ĠEĦOVA HU DIFFERENTI MILL-​MOD KIF JAĦFRU N-​NIES

8. Ġeħova għala hu l-​aqwa Mħallef?

8 Ġeħova hu “l-​Imħallef taʼ l-​art kollha.” (Ġen. 18:25) Imħallef tajjeb ikun jaf sew il-​liġi. Bħala l-​Imħallef tagħna, Ġeħova jifhem kompletament il-​liġijiet għax hu l-​Wieħed li tahomlna. (Is. 33:22) Ħadd ma jaf x’inhu tajjeb u ħażin daqs kemm jaf Ġeħova. U x’għandu bżonn iktar imħallef tajjeb? Hu għandu bżonn ikun jaf il-​fatti kollha qabel jieħu deċiżjoni. Għalhekk, Ġeħova hu l-​aqwa Mħallef għax hu dejjem ikun jaf il-​fatti kollha.

9. Qabel jiddeċiedi li jaħfer, Ġeħova liema informazzjoni jkollu?

9 Għall-​kuntrarju tal-​imħallfin umani, Ġeħova dejjem ikun jaf il-​fatti kollha. (Ġen. 18:20, 21; Salm 90:8) Hu mhux bħall-​bniedem li jkollu joqgħod fuq dak li jismaʼ jew jara. Ġeħova jifhem sew kif persuna tiġi affettwata mill-​kwalitajiet li tiret mill-​ġenituri, mill-​edukazzjoni li tkun irċiviet, fejn tkun trabbiet, u anki mis-​saħħa mentali u emozzjonali tagħha. Ġeħova jara wkoll x’hemm fil-​qalb. Hu jifhem għalkollox għala persuna tagħmel xi ħaġa. Għalih xejn mhu moħbi. (Ebr. 4:13) Għalhekk, Ġeħova jaħfer għax ikun jaf il-​fatti kollha tas-​sitwazzjoni.

Ġeħova hu ġust, ma jurix preferenzi, u ħadd ma jistaʼ jixtrih (Ara paragrafu 10)

10. Għala nistgħu ngħidu li Ġeħova dejjem jiġġudika b’mod ġust? (Dewteronomju 32:4)

10 Ġeħova dejjem jiġġudika b’mod ġust għax ma jurix preferenzi. Hu qatt ma jaħfer lil persuna għax tkun tidher sabiħa, sinjura, importanti, jew għax ikollha ħafna abbiltajiet. (1 Sam. 16:7; Ġak. 2:1-​4) Ħadd ma jistaʼ jġiegħel lil Ġeħova jagħmel xi ħaġa jew jixtrih bil-​flus. (2 Kron. 19:7) Id-​deċiżjonijiet tiegħu qatt ma jkunu affettwati mir-​rabja jew sentimenti oħrajn. (Eżo. 34:7) Bla dubju, Ġeħova hu l-​aqwa Mħallef għax hu jifhem kollox dwarna u dwar is-​sitwazzjoni tagħna.—Aqra Dewteronomju 32:4.

11. Il-​mod kif jaħfer Ġeħova għala hu differenti mill-​mod kif jaħfru n-​nies?

11 Il-​kittieba tal-​Iskrittura Ebrajka fehmu li l-​maħfra taʼ Ġeħova hi differenti mill-​mod kif jaħfru n-​nies. F’xi każijiet huma użaw kelma Ebrajka li referenza waħda tgħid hekk dwarha: “Din il-​kelma tintuża biss biex tispjega l-​mod kif Ġeħova jaħfer lil dawk li jkunu għamlu dnub. Din il-​kelma qatt ma tintuża għall-​mod kif in-​nies jaħfru lil xulxin.” Ġeħova biss għandu l-​qawwa biex jaħfer kompletament lil dawk li ddispjaċiehom għad-​dnub li għamlu. Imma, x’jiġri meta Ġeħova jaħfrilna?

12-13. (a) Meta Ġeħova jaħfrilna, xi ngawdu? (b) Meta Ġeħova jaħfrilna, kemm indumu ngawdu l-​barkiet li nirċievu?

12 Meta naċċettaw il-​maħfra taʼ Ġeħova aħna ngawdu “staġuni taʼ serħan,” fosthom paċi tal-​moħħ u kuxjenza nadifa. Aħna nistgħu ngawdu dawn is-​sentimenti biss jekk “Ġeħova nnifsu” jaħfrilna. (Atti 3:19) Meta Ġeħova jaħfrilna, hu jħallina nerġgħu nsiru l-​ħbieb tiegħu, u jkun bħallikieku qatt m’għamilna d-​dnub.

13 Wara li Ġeħova jaħfrilna, hu mhux se jerġaʼ jsemmi jew jikkastigana għad-​dnub li nkunu għamilna. (Is. 43:25; Ġer. 31:34) Ġeħova jbiegħed minnu d-​dnubiet tagħna “daqskemm tlugħ ix-​xemx huwa ’l bogħod minn inżulha.” * (Salm 103:12) Meta naħsbu dwar kemm Ġeħova jaħfer bil-​kbir, inħossu li lanqas għandna kliem biżżejjed biex nirringrazzjawh. (Salm 130:4) Imma min jistaʼ jgawdi din il-​maħfra mingħand Ġeħova?

ĠEĦOVA LIL MIN JAĦFER?

14. Ġeħova kif jiddeċiedi jekk jaħfirx lil xi ħadd?

14 Kif rajna, Ġeħova ma jiddeċidix jekk jaħfirx lil xi ħadd skont id-​dnub li jagħmel. Tgħallimna wkoll li Ġeħova juża dak li jaf bħala l-​Ħallieq, il-​Wieħed li jagħtina l-​liġijiet, u l-​Imħallef tagħna biex jiddeċiedi jekk jaħfirx lil xi ħadd. Imma Ġeħova dwar liema affarijiet jaħseb qabel jiddeċiedi jekk jaħfirx jew le?

15. Skont Luqa 12:47, 48, x’inhi waħda mill-​affarijiet li Ġeħova jikkunsidra?

15 Xi ħaġa li Ġeħova jikkunsidra hi jekk il-​persuna li tkun għamlet id-​dnub kinitx taf li qed tagħmel ħażin. Ġesù spjega dan b’mod ċar f’​Luqa 12:47, 48. (Aqra.) Meta persuna tippjana biex tagħmel xi ħaġa ħażina u tkun taf li Ġeħova jobgħodha, hi tagħmel dnub serju. F’dan il-​każ, Ġeħova jistaʼ jagħżel li ma jaħfrilhiex. (Mk. 3:29; Ġw. 9:41) Però, ikollna nammettu li xi kultant inkunu nafu li dak li għamilna hu ħażin. F’dan il-​każ, hemm ċans li Ġeħova jaħfrilna? Iva! Għax hemm xi ħaġa oħra li Ġeħova jaħseb dwarha qabel jiddeċiedi jekk jaħfrilniex jew le.

Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jaħfrilna meta vera jiddispjaċina (Ara paragrafi 16-17)

16. L-​indiema x’inhi, u għala hi importanti jekk irridu li Ġeħova jaħfrilna?

16 Xi ħaġa oħra li Ġeħova jikkunsidra hi jekk il-​persuna li tkun għamlet id-​dnub tkunx verament nidmet minn dak li għamlet. Xi jfisser eżatt li persuna tindem? Dan ifisser li hi tbiddel il-​mod kif taħseb, l-​attitudni tagħha, u tkun determinata li tagħmel dak li hu sewwa. Din tinkludi l-​idea li persuna tħossha ddispjaċuta u mdejqa għall-​affarijiet ħżiena li tkun għamlet jew għax ma għamlitx l-​affarijiet li kellha tagħmel. Persuna li nidmet tkun imdejqa minħabba li l-​ħbiberija tagħha ma’ Ġeħova tkun iddgħajfet, tant li waslet biex tagħmel affarijiet ħżiena. Ftakar li s-​Sultan Manasse u s-​Sultan David għamlu dnubiet serji, però Ġeħova ħafrilhom minħabba li huma verament nidmu minn dak li għamlu. (1 Slat. 14:8) Iva, Ġeħova jaħfrilna biss jekk jara li aħna ndimna, jiġifieri verament iddispjaċiena. Imma li jiddispjaċina mhux biżżejjed, irridu nkunu lesti li nagħmlu xi ħaġa. * U din hi xi ħaġa oħra li Ġeħova jikkunsidra.

17. X’bidla trid tagħmel persuna, u dan għala hu importanti? (Isaija 55:7)

17 Xi ħaġa oħra importanti li jikkunsidra Ġeħova hi l-​bidla li tagħmel persuna. Dan ifisser li l-​persuna ma tibqax tagħmel affarijiet ħżiena u tibda tgħix ħajjitha kif jixtieq Ġeħova. (Aqra Isaija 55:7.) Il-​persuna għandha tbiddel il-​mod kif taħseb biex tiġi ggwidata minn Ġeħova. (Rum. 12:2; Efes. 4:23) Hi għandha tkun determinata li ma tibqax taħseb u taġixxi b’mod ħażin. (Kol. 3:7-​10) Bla dubju, hija l-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu li tipprovdi r-​raġuni għala Ġeħova jaħfrilna u jnaddafna mid-​dnub. Grazzi għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, Ġeħova se jaħfrilna meta jara li qed nagħmlu sforz biex inbiddlu ħajjitna.—1 Ġw. 1:7.

KUN FIDUĊJUŻ LI ĠEĦOVA SE JAĦFIRLEK

18. X’tgħallimna dwar il-​maħfra taʼ Ġeħova?

18 Ejja nerġgħu naraw xi punti importanti li ddiskutejna. Ġeħova hu l-​iktar persuna li taħfer fl-​univers. Għala nistgħu ngħidu dan? L-​ewwel, hu dejjem lest li jaħfer. It-​tieni, Ġeħova jifhimna sew għax jaf kollox dwarna. Hu l-​aqwa persuna li jistaʼ jkun jaf jekk aħna hux vera ddispjaċiena għal dak li nkunu għamilna. U t-​tielet, meta Ġeħova jaħfrilna, jaħfrilna kompletament, u għalih ikun bħallikieku qatt m’għamilna dnub. Dan jgħinna biex ikollna kuxjenza nadifa u ngawdu ħbiberija miegħu.

19. Minkejja li aħna imperfetti u se nkomplu nagħmlu d-​dnubiet, għala nistgħu nkunu ferħanin?

19 Bla dubju, minħabba li aħna imperfetti se nkomplu nagħmlu d-​dnubiet. Però, nistgħu nħossuna inkuraġġiti bil-​kliem li nsibu fl-​Insight on the Scriptures, it-​Tieni Volum, paġna 771, li jgħid: “Ġeħova hu ħanin u jaf li l-​qaddejja tiegħu huma dgħajfin. Għalhekk, m’għandhomx għalfejn iħossuhom imdejqin il-​ħin kollu minħabba li huma imperfetti u jiżbaljaw. (Salm 103:8-​14; 130:3) Jekk huma qed jagħmlu l-​almu tagħhom biex jgħixu ħajjithom kif togħġob lil Alla, huma jistgħu jkunu ferħanin. (Flp. 4:4-​6; 1 Ġw. 3:19-​22).” Mhuwiex dan inkuraġġanti għalina?

20. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

20 Aħna vera kuntenti li Ġeħova lest li jaħfrilna meta jiddispjaċina vera għad-​dnubiet li nkunu għamilna. Imma kif nistgħu nimitaw il-​maħfra taʼ Ġeħova? Il-​mod kif naħfru aħna kif inhu simili għall-​mod kif jaħfer Ġeħova? Imma b’liema modi hu differenti? U għala hu importanti li nifhmu d-​differenza? Fl-​artiklu li jmiss se nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

GĦANJA 45 Il-​meditazzjoni taʼ qalbi

^ Fil-​Kelma tiegħu, Ġeħova jassigurana li hu lest li jaħfer lil dawk li jiddispjaċihom għad-​dnub li għamlu. Però, xi kultant forsi nħossuna li ma ħaqqniex il-​maħfra tiegħu. F’dan l-​artiklu se naraw għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova dejjem lest li jaħfrilna meta verament jiddispjaċina għad-​dnubiet li nagħmlu.

^ ESPRESSJONI SPJEGATA: L-​indiema tfisser li persuna vera jiddispjaċiha għal dak li tkun għamlet. Dan turih billi tbiddel il-​mod kif taħsibha, jiddispjaċiha għall-​mod taʼ ħajja li kienet qed tgħix, għall-​affarijiet ħżiena li tkun għamlet, jew minħabba l-​affarijiet li suppost kellha tagħmel. Persuna turi li verament nidmet b’dak li tagħmel.